Read in English.
L-eks Ministru tal-Intern Manuel Mallia għadu kif fl-aħħar irnexxielu jaqta’ x-xewqa ta’ ħajtu li jkabbar il-villa li għandu fil-wied protett ta’ Ta’ Ċenċ, Għawdex; permezz komplut saħansitra b’sular taħt l-art u bil-pixxina.
Bħalissa għaddejjin xogħlijiet estensivi fuq il-post biex titwaqqa’ ħafna mill-binja li kienet inbniet qabel l-1978, madanakollu l-Awtorità tal-Ippjanar għadha m’aġġornatx id-dettalji tal-avviż tal-bidu tax-xogħlijiet fuq il-website tagħha kif titlob il-liġi, u allura lanqas id-dettalji dwar min hu responsabbli minn dawk ix-xogħlijiet m’huma aġġornati.
Mallia kien tħalla barra mill-kabinett minn Robert Abela iżda mbagħad intagħżel biex ikun il-Kummissarju Għoli Malti għar-Renju Unit u fl-aħħar tliet snin għex Londra.
L-eks ministru ilu s-snin jipprova jkabbar il-villa tiegħu f’Ta’ Ċenċ biex ikun jista’ jibni pixxina enormi f’nofs ix-xagħri protett, iżda l-binja nzertat f’Żona ta’ Konservazzjoni Speċjali u għalhekk hija protetta għalkollox bir-regoli tal-ambjent tal-UE.
L-applikazzjoni oriġinali tal-iżvilupp li kien ippreżenta Mallia kienet ġiet irrifjutata darbtejn, darba fl-2011 u mbagħad fl-appell fl-2012.
Eventwalment, meta l-Partit Laburista kiseb il-poter fl-2013, bdiet titfassal policy ġdida, u fl-2014 ħarġu l-hekk imsejħin Linji Gwida tal-Policy Rurali u d-Disinn li fetħu l-bibien biex isiru estensjonijiet fl-ODZ u li wasslu għal abbużi kbar fl-inħawi rurali madwar il-gżejjer tagħna.
Għal din l-applikazzjoni, Mallia qabbad lill-perit Saviour Micallef – soċju qrib l-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli – biex ifassallu pjanti ġodda li jkunu jinkludu estensjoni mdaqqsa ta’ Villa Feigel, il-bini ta’ sular taħt l-art u garaxx ftit lil hemm mill-art li bħalissa qed tokkupa l-villa, u pixxina kbira f’nofs ix-xagħri.
Kemm is-Sovrattendenza tal-Wirt Kulturali kif ukoll l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA), it-tnejn oġġezzjonaw għall-proposta għax is-sular ta’ taħt l-art u l-pixxina jiksru l-policy inqas stretta li kien fassal il-Labour.
Id-direttorat tal-ippjanar irrakkomanda li din l-applikazzjoni tiġi rrifjutata, iżda fl-aħħar Mallia xorta waħda rnexxielu jġib il-permess, wara li saru xi emendi kożemtiċi fil-pjanti tal-perit u eventwalment l-ERA u s-Sovrattendenza waqqgħu l-oġġezzjonijiet tagħhom.
Skont il-Kummissjoni tal-Ippjanar responsabbli mill-permessi fl-ODZ, immexxija dakinhar minn Anthony Borg, il-bidliet proposti kienu “aċċettabbli” allavolja s-sular taħt l-art u l-pixxina xorta waħda jiksru l-policy fis-seħħ.
L-iżvilupp ta’ Mallia qed isir ftit metri ’l bogħod minn villa simili tal-familja Demarco tal-Partit Nazzjonalista, u din infatti ntużat minn Mallia fl-applikazzjoni bħala ġustifikazzjoni ta’ impenji legali diġà stabbiliti fiż-żona. Meta xtara l-villa, Mallia kien jaħdem fid-ditta legali tal-President emeritu Guido De Marco.
Fuq din il-medda ta’ art f’Ta’ Ċenċ hemm grupp ta’ 11-il villa unika, li lkoll inbnew fl-aħħar tas-sittinijiet jew fil-bidu tas-sebgħinijiet. Il-bosta tentattivi li saru matul l-aħħar tletin sena biex jinbnew iżjed vilel fiż-żona, qatt ma ntlaqgħu.
Skont stimi ta’ aġenti tal-proprjetà, kull waħda minn dawk il-vilel tiswa l-miljuni tal-ewrov bil-prezzijiet attwali tas-suq.