Il-Mercury Towers: Portelli joħroġ bonds ġodda biex iħallas self pendenti mal-BOV

Read in English.

L-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli qed jipprova jikseb €20 miljun oħra mingħand il-pubbliku sa tmiem din is-sena biex jgħinuh iħallas lura parti mis-self pendenti li għandu mal-Bank of Valletta u eventwalment ikun jista’ jissokta bil-proġett tiegħu tal-Mercury Towers. Hekk jidher minn prospett ta’ bonds ġodda li għadha kif ħarġet il-Borża ta’ Malta.

Permezz tal-veikolu finanzjarju tiegħu Mercury Projects Finance plc, Portelli qed jippjana li juża dawn l-€20 miljun biex fost l-oħrajn sa tmiem is-sena jħallas self ta’ €5 miljun pendenti mal-BOV. Dan hu parti mis-self ta’ €87 miljun li l-BOV kien ta lil Portelli għall-proġett, self li jimmatura f’dati differenti matul is-snin li ġejjin.

Barra minn hekk, Portelli għandu wkoll self pendenti ta’ madwar €73 miljun permezz tal-bonds li ħareġ fl-aħħar snin biex ifondi l-proġett. Dan l-ammont issa se jkun qed jiżdied b’€20 milljun oħra.

Hu stmat li Portelli qed iħallas imgħax ta’ madwar €4 miljun fis-sena biex jagħmel tajjeb għal dan is-self.

Skont dejta finanzjarja b’rabta mal-kumpaniji ta’ Portelli, il-proġett tal-Mercury Towers irreġistra profitt ta’ aktar minn €5 miljun is-sena l-oħra, u dan wara eżerċizzju ta’ rivalwazzjoni tal-assi tal-kumpanija, b’mod partikolari tal-arja tal-proprjetà, tal-binjiet u tal-art.

Filwaqt li l-proġett għandu aktar minn €190 miljun f’self pendenti, bħalissa qed jelenka assi ta’ madwar €269 miljun.

It-tlestija tal-proġett, li fil-bidu kienet ippjanata għall-2019, iġġebbdet b’diversi snin, u għalhekk bosta xerrejja ta’ appartamenti żgħar kellhom jistennew bosta xhur, jekk mhux snin, biex kisbu ċ-ċwievet tal-proprjetà tagħhom, speċjalment dawk fit-torri tat-33 sular.

Din il-binja massiva qed tiġi żviluppata fuq proprjetà li xi darba kienet tal-gvern, u li qabel kienet exchange tat-telefonija użata mit-Telemalta – l-aġenzija tat-telefonija tal-gvern li fid-disgħinijiet kienet ġiet ipprivatizzata.

Imwieled il-Kanada u mrobbi n-Nadur, Portelli sar żviluppatur ewlieni f’Malta matul l-aħħar għaxar snin. Hu żviluppatur li fost ħafna kritika, irnexxielu jbiddel il-pajsaġġ ta’ bosta rħula Maltin u Għawdxin. Flimkien ma’ bosta sħab u soċji oħrajn, b’mod partikolari Mark Agius Ta’ Dirjanu u Daniel Refalo tal-konċessjoni fil-bajja ta’ Kemmuna, Portelli waqqa’ diversi binjiet antiki u bena flokhom blokok kbar tal-appartamenti li ħallewlu qligħ ġmielu.

Portelli gawda wkoll trattament favorevoli mill-gvern tal-Labour u ngħata attenzjoni speċjali mill-Awtorità tal-Ippjanar u minn bosta uffiċjali għoljin. Is-segretarju tal-kumpanija tiegħu u l-konsulent legali ewlieni tiegħu hu Ian Stafrace, li kien CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista u li kien assoċjat tal-Prim Ministru Robert Abela fid-ditta legali privata tiegħu.

Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru Robert Abela attenda ikla ta’ ġbir ta’ fondi f’Għawdex organizzata minn Portelli u sħabu biex jappoġġjaw il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Booooo
Booooo
4 months ago

Isn’t this some kind of Ponzi’s scheme? Do our financial official watchdogs condone this?

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo