‘L-Isptar tan-Naħa t’Isfel’ għadu magħluq għalkemm inawgurawh qabel l-elezzjonijiet Ewropej

Read in English.

Il-proġett tal-Paola Hub li sewa €40 miljun minn fondi Ewropej, u li l-eks Ministru tas-Saħħa kien sejjaħ “l-isptar tan-naħa t’isfel”, għadu mhu qed joffri l-ebda servizz u għadu magħluq għall-pubbliku, minkejja li f’Mejju li għadda l-Prim Ministru Robert Abela għamel tabirruħu li kien qed jinawgurah ftit ġranet qabel l-elezzjonijiet Ewropej u tal-kunsilli lokali.

Skont dak li ħareġ minn tweġibiet parlamentari riċenti għall-mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo, il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela ammetta li l-isptar għadu ma bediex jiffunzjona. Hu wiegħed li ladarba jiftaħ il-bibien tiegħu, dan l-isptar se jkun qed jipprovdi servizzi tas-saħħa varji, minn psikoterapija sal-kura tas-snien, 24 siegħa kuljum.

Meta mistoqsi minn The Shift biex jistqarr meta kien se jitlesta dan il-proġett li tant ilu jġebbed fiż-żmien, il-Ministru Abela rrifjuta li jagħti data partikolari.

Ix-xogħol fuq il-Paola Hub, imsemmi għall-eks Ministru tas-Saħħa Laburista Vincent Moran, ilu għaddej disa’ snin sħaħ u saħansitra ssemma wkoll fl-inkjesta maġisterjali riċenti dwar it-trasferiment skandaluż tat-tliet sptarijiet tal-Maltin u l-Għawdxin lil Vitals Global Healthcare u mbagħad lill-kumpanija issa falluta Steward Health Care.

Skont dik l-inkjesta, it-tenders relatati mal-bini tal-Paola Hub kienu s-sors ta’ diskussjonijiet informali bejn uħud mill-protagonisti ewlenin involuti fil-konċessjoni frawdulenti tal-isptarijiet, fosthom bejn l-eks chief of staff fl-OPM Keith Schembri, Ivan Vassallo tat-Technoline, l-eks kap tat-Times of Malta Adrian Hillman, u l-kuntrattur Pierre Sladden.

Il-kostruzzjoni tal-isptar f’Raħal Ġdid bdiet fl-2017, u issa tinsab tard ħafna u qabżet il-baġit ġmielu.

Il-kumpanija Technoline ta’ Ivan Vassallo rebħet l-akbar tender fejn jidħol dan il-proġett ta’ €40 miljun f’Raħal Ġdid. Illum, Vassallo qed jaffaċċja bosta akkużi kriminali fil-qorti b’rabta mal-konċessjoni frawdulenti tal-isptarijiet.

Anki l-eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li kien responsabbli għal dan il-proġett f’Raħal Ġdid qed jaffaċċja akkużi kriminali fil-qorti b’rabta mal-istess każ.

Dan il-proġett fil-benniena ta’ Chris Fearne u li jinsab fil-qalba nett tad-distrett elettorali tiegħu, il-Paola Hub – ċentru tas-saħħa – ilu jiġi mwiegħed mill-2015 u kien ippjanat li jibda jiffunzjona fl-2022.

Ikkoordinat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, immexxija mill-eks chief of staff ta’ Fearne, Carmen Ciantar – eventwalment imneħħija mill-ministru attwali Jo Etienne Abela malli kiseb id-dekasteru tas-saħħa f’idejh – dan il-proġett ittappan b’ħafna dewmien u qabeż ferm il-flus allokati għalih fil-bidu.

Minħabba dan id-dewmien, aktar kmieni din is-sena l-gvern kellu joħroġ direct order ġdida ta’ miljun ewro għall-immaniġġjar tal-proġett lil kumpanija Griega, hekk kif il-kuntratt oriġinali laħaq spiċċa mingħajr ma tlesta l-proġett.

Id-data tal-ftuħ tal-isptar ġiet posposta kemm-il darba, minn April 2022 għal Mejju 2023 u mbagħad għal Marzu 2024.

F’Mejju li għadda, bi propaganda lejliet l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela għamel żjara uffiċjali lill-proġett u ddikjara li finalment kien tlesta u kien se jibda joffri s-servizzi tiegħu.

Il-Ministru Jo Etienne Abela, iżda, ammetta magħna li dan l-isptar għadu ma fetaħx il-bibien tiegħu għall-pubbliku u ma ntrabat ma’ The Shift bl-ebda data ġdida tal-ftuħ.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Pony Express
Pony Express
5 months ago

Tinkwetaw xejn. Issa nergaw ninawgurawh qabel l-elezzjoni li jmiss.

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo