Direct order ta’ €365,000 lil kumpanija tal-Corinthia għal fiera agrikola

It-tinda użaha l-Partit Laburista għal kunċert ta' tmiem il-kampanja xi ġranet wara.

 

Il-gvern għadu kif ħallas direct order ta’ €365,000 minn flus il-poplu biex jikri t-tinda taċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet (l-MFCC) f’Ta’ Qali għal tlett ijiem ħalli jorganizza fiera agrikola bis-sehem tal-ministeru tal-agrikoltura mmexxi mill-Ministru Anton Refalo.

Minn informazzjoni ppubblikata fil-gazzetta tal-gvern joħroġ fid-dieher li kumpanija tal-Grupp Corinthia, li hija s-sid tal-MFCC u li tħallas sempliċiment €20,000 fis-sena biex tokkupa meded kbar ta’ art pubblika f’Ta’ Qali, għadha kif tħallset somma straordinarja biex it-tinda tagħha tkun tista’ tintuża għal tmiem il-ġimgħa.

Ftit ġranet wara, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (l-OPM) ħallas għexieren tal-eluf tal-ewro biex jorganizza l-hekk imsejħa Il-Ġimgħa tas-Servizz Pubbliku, avveniment li l-gvern tella’ biex jonfoħ ismu f’nofs il-kampanja elettorali.

Bħalm’għamel sentejn ilu fi tmiem il-kampanja tal-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Labour did-darba reġa’ uża t-tinda tal-MFCC biex itemm il-kampanja elettorali tiegħu tal-MEPs b’kunċert li matulu l-mexxej Laburista Robert Abela għamel l-aħħar diskors tiegħu u talab lill-poplu jagħtih vot ta’ fiduċja fih.

L-ammont li l-Partit Laburista ħallas lill-Corinthia biex juża t-tinda mhuwiex magħruf.

Dan l-aħħar, it-tinda tal-MFCC kienet fl-aħbarijiet minħabba l-aħħar applikazzjoni tagħha biex iġġedded il-permess “temporanju” ta’ 18-il sena tagħha għal ħames snin oħra. Ftit ġranet qabel l-elezzjonijiet tas-Sibt li għadda, l-Corinthia rnexxielha tirregolarizza ħemel ta’ illegalitajiet marbutin mat-tinda, fosthom dwar l-ilqugħ mad-dawra, il-gradi, is-substations, parkeġġ partikolari, u tined oħrajn.

L-Awtorità tal-Ippjanar (il-PA), influwenzata bil-kbir mill-OPM permezz tas-CEO tagħha Oliver Magro, approvat l-aħħar talba għal regolarizzazzjoni li timponi multa ta’ €50,000 – jiġifieri inqas minn kemm iddaħħal il-kumpanija f’ġurnata waħda meta tikri t-tinda lill-gvern jew lil xi aġenzija tiegħu.

Fl-istess waqt, l-Awtorità tal-Ippjanar tat permess “temporanju” ta’ ħames snin oħra lill-Corinthia għal din it-tinda.

Filwaqt li tenniet l-istess kundizzjonijiet li kienet imponiet fit-tiġdidiet li saru fil-passat, u li s-sidien tat-tinda qatt ma osservaw, l-Awtorità tal-Ippjanar insistiet li “qed tiddaħħal il-kundizzjoni li l-proposta hija valida għal ħames u li qabel jiskadi dak il-perjodu, għandu jkun meħtieġ li titressaq applikazzjoni sħiħa tal-iżvilupp biex jiġi vvalutat l-iżvilupp komprensiv tas-sit inkwistjoni f’konformità mal-kundizzjonijiet elenkati fil-Policy NWTQ 36 tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ta’ Qali.”

Dawn huma l-istess kundizzjonijiet li l-Awtorità tal-Ippjanar ilha tirrepeti u timponi mill-2006, jiġifieri sa mill-ewwel darba li ħarġet dan l-hekk imsejjaħ “permess temporanju”.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Tony
Tony
26 days ago

Hawn hi L-mażunerija!! U rrifuda ta’ l-aqwa imprendituri f’pajjiżna. Ma ttridx tkun bravu biex tagħmel “deal” bħal dan. Trid tkun imbruljun.

Related Stories

ESKLUSSIVA: Schembri uża email falz biex jimmanipola n-negozjati tal-Electrogas
Read in English. Fil-qosor: Keith Schembri xehed bil-ġurament li
‘Forzi tad-Dlamijiet’ imponewlu Fearne u Ciantar lill-poplu Malti
Read in English. Carmen Ciantar ilmentat fuq l-“impatt devastanti”

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo