Opinjoni: Jason ġenjali

Read in English.

“Kull stħarriġ fl-aħħar xahrejn mar żmerċ. Imbagħad sar l-istħarriġ vera tal-polz tal-poplu. Personalment, kont naf li d-distakk bejn iż-żewġ partiti kien se jonqos.” Hekk ħareġ jikkummenta l-guru veteran Laburista Jason Micallef wara li l-Labour tilef eluf ta’ voti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Kulħadd ġabha ħażin, ħlief hu. Insew is-sondaġġi, waqqfu l-istħarriġ u itfgħu lil Vince Marmara ‘l barra. Id-darba li jmiss, meta tkunu tridu ssiru tafu kif se jivvota l-pajjiż, sempliċiment aqbdu u staqsu lil Jason.

Hu dejjem jaf kollox; Jason ġenjali. Seta’ jiffranka ħafna ħin, skariġġ u flus ukoll lil ħafna nies għax hu kien jaf minn qabel x’kien se jiġri, għax hu inzerta Jason Micallef, il-bniedem li għandu subgħajh fuq il-polz tal-poplu.

“Il-Labour reġa’ rebaħ l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. U l-PN reġa’ tilef,” qalilna Jason Micallef fil-post tiegħu fuq Facebook. Imma għal xi raġuni stramba, xorta waħda ma bediex jiċċelebra.

Beda jipponta subgħajh lejn kulħadd ħlief lejh innifsu għat-telfa kbira li għamel il-Labour fl-elezzjonijiet tal-MEPs.

Irrispettivament mit-tlellix li jippreżenta l-Labour b’rabta ma’ dan ir-riżultat, il-Labour xorta tilef bil-kbir. Tilef il-maġġoranza tas-siġġijiet Maltin li kellu fil-Parlament Ewropew, fosthom ir-raba’ siġġu tant mixtieq. Tilef ukoll il-maġġoranza assoluta li kien irnexxielu jikseb ħames snin ilu fl-2019, meta l-Labour kien rebaħ 54.29% tal-voti mitfugħa.

Did-darba, rebaħ biss 45.26% tal-voti, jiġifieri l-agħar riżultat għal-Labour mill-1966 ‘l hawn. Il-Labour tilef ukoll il-vantaġġ impotenti li kellu ta’ 42,700 vot fl-2019, għal vantaġġ ċkejken ta’ 8,454 vot li ġab did-darba. Dan ifisser xaqliba ta’ 34,246 vot mil-Labour għal għand il-Partit Nazzjonalista f’ħames snin.

Din telfa kbira għal partit li dejjem kien qed jirbaħ. U Jason jaf eżattament għalfejn il-Labour tilef b’dawk in-numri: għax hu – il-kbir Jason Micallef – ma kienx involut f’din il-kampanja. “Jien ili involut fil-kampanji elettorali tal-Partit Laburista għal 25 sena. Din kienet l-ewwel kampanja elettorali tal-Labour li ma kont involut fiha xejn.”

Nispera li tal-Labour qed jisimgħu x’qed jgħid. Qed tara x’jiġrilkom meta twarrbu lil Jason? Mingħajr Jason, telfa biss għandkom.

“Ma kinitx l-għażla tiegħi,” ikkjarifika, “Kienet l-għażla ta’ ħaddieħor” (u hawn qed iħares lejk Robert Abela). Qrajtu x’kiteb? Ir-raġuni ewlenija għalfejn il-Labour ġie kkastigat b’dak il-mod hija għax Jason Micallef “ingħata l-ġenb b’mod sistematiku”.

Tal-Labour m’għandhomx għalfejn iħabblu rashom fuq analiżi ta’ wara l-elezzjoni, u m’għandhomx għalfejn joqogħdu jqattgħu xagħarhom fuq ir-riżultati. Għandhom lil Jason.

Kieku ma baqgħux iwarrbuh sistematikament u jeskluduh b’mod mill-aktar kattiv, kieku kien jgħidilhom dak kollu li jeħtieġ ikunu jafu. Għax hu jaf sew għalfejn il-Labour ġie umiljat b’dak il-mod. U billi Jason hu Jason, mhuwiex iżomm lura: qal kollox bla tlaqliq f’post fuq Facebook qabel biss intalab.

Skont Jason, il-Labour ma tilifx biss għax il-partit sistematikament neħħa lil kull min serva lill-Partit Laburista matul is-snin, iżda anki għax il-ministri tal-kabinett bdew jaġixxu qishom “teenagers” fuq il-midja soċjali, qal Micallef. Il-Labour tilef għax, fi kliem Jason, kien hemm “nuqqas ta’ koordinazzjoni qawwija bejn l-awtoritajiet u l-aġenziji tal-gvern b’rabta mal-proġetti infrastrutturali.” It-toroq magħluqa, it-tħaffir tal-gandotti u s-sriebet tat-traffiku infurjaw lin-nies. Insomma, għandu punt hemmhekk.

Iżda dan mhux kollox. Ir-raġuni l-kbira l-oħra wara r-riżultat katastrofiku tal-Labour kienet “l-istrateġija konfuża (tal-partit) dwar l-Inkjesta (Vitals).”

Skont Jason Micallef, il-falliment tal-Labour ġara għax il-partit ma appoġġax b’mod ċar “l-innoċenza” ta’ Joseph Muscat.

“Jien konvint li l-maġġoranza tal-partitarji Laburisti ħassew li l-eks mexxej u prim ministru u żewġ eks ministri tħallew waħedhom,” ikkummenta. “Dan il-fatt iddiżappunta ferm lill-għeruq tal-partit.”

U hemm iżjed kliem ta’ għerf f’li kiteb. Il-kampanja ddeċidiet li tagħmel “kunċert u ċelebrazzjonijiet enormi li taw l-impressjoni li l-Labour kien qed jiċċelebra, u dan qabel ma n-nies kienu ħarġu jivvutaw.” Ħeq, għandu punt hawnhekk ukoll.

Dan hu l-partit li jakkuża lil ħaddieħor bl-arroganza. Ma tgħallmu xejn minn dak li kien ġralu Chris Fearne: ank’hu kien organizza festa tar-rebħa u stieden lir-rival tiegħu Robert Abela biex jingħaqad miegħu, meta l-partitarji lanqas biss kien għadhom bdew jivvutaw. U dakinhar ilkoll nafu x’ġara.

Il-Labour illum qed jerġa’ jagħmel l-istess: organizza kunċerti tar-rebħa meta l-votazzjoni lanqas biss kien għadha bdiet. U dawk iċ-ċelebrazzjonijiet kbar kellhom jitħassru.

Il-Labour issa għandu biss vantaġġ ċkejken ta’ 3.2% fuq il-PN. U dan ifisser inqas mill-voti invalidi mitfugħa: 9,884 vot b’kollox.

Daqs hekk hi l-ħajta vantaġġ li għandu l-Labour fuq il-PN. U l-affarijiet jistgħu biss ikomplu sejrin għall-agħar għal-Labour. Infatti d-deputat mexxej tal-partit, Daniel Micallef, irreżenja fi żmien 48 siegħa mill-ħruġ tar-riżultati devastanti, iżda qal li hu ilu sentejn li daħħalha f’rasu li jirreżenja.

…Ma kienx l-agħar riżultat elettorali għal-Labour mill-1966 ‘l hawn li waslu biex jitlaq.

…Ma kienx il-fatt li Robert Abela tellef lill-partit ħemel ta’ eluf ta’ voti jew li ħareġ tal-aktar mexxej Laburista mhux popolari mal-elettorat ta’ kull żmien.

Lanqas Karmenu Mifsud Bonnici ma kien irnexxielu jġib riżultati ħżiena daqshekk fl-1987 jew fl-1992!

Imma agħmlu l-qalb – Jason Micallef għandu s-soluzzjonijiet. Jaf kif se jsewwi l-affarijiet għal-Labour. “Iż-żmien hu favur tal-Partit Laburista,” ħabbar. “Hemm biżżejjed ħin u ċans biex l-affarijiet jissewwew għall-aħjar.”

Allura x’inhi s-soluzzjoni inġenja li għandu Jason għal-Labour? Kif qed jipproponi li jġib lura l-ħemel ta’ eluf ta’ votanti li telqu lil-Labour?

Hawn hi s-soluzzjoni ta’ Jason: “L-appell ġenwin tiegħi jibqa’ l-istess bħalma dejjem kien – (ħudu ħsieb) l-interess tal-Partit Laburista u tan-nies tiegħu, dejjem u kullimkien.”

Il-lapazzata malajr malajr li qed jipproponi Jason Micallef hi biex il-Labour ikompli jaljena aktar u aktar lill-popolazzjoni, jantagonizza aktar u aktar lill-pubbliku, u biex idawwar aktar voti kontra l-Partit Laburista billi jagħmilha ċara espliċitament li l-Labour qiegħed fil-poter biex jaqdi biss l-interessi tiegħu u tan-“nies tiegħu”.

Proset Jason. X’nagħmlu mingħajrek?

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

2 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Joseph Said
Joseph Said
6 months ago

Tiskanta kemm ghandhom stillel, izda Jason nahseb li xi pjaneta gdid li fegget fl-univers tal-moviment il-gdid imexxi mil-akbar frodist l-Invictus Gosef!!

Jamez
Jamez
6 months ago

Nies bhal Gejsin , Ramona Attard u Leli kuxkieri huma kagun li hafna Laburisti telqu l partit ! Nies bhal Stagno Navarra arroganti wkoll , daqshom it tlieta . Lista ma tieqaf qatt . Xi najdu ghall Randolph Debattista ? Nsomma dak ta De Battista jridha !!
Litteralment QAZZEW Partit .

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo