Il-linja nazzjonali l-ġdida ffriżat il-pagi għal erba’ snin

Spiċċaw ħafna mill-benefiċċji li kellhom l-impjegati tal-Air Malta.

 

Read in English.

L-impjegati kollha tal-KM Malta Airlines, inkluż il-piloti u l-membri tal-ekwipaġġ li kienu mal-Air Malta, mhu se jkollhom l-ebda żieda fis-salarju bażiku tagħhom mill-anqas għall-erba’ snin li ġejjin.

Minn kuntratti li ġew f’idejn The Shift jidher li, minbarra li se jwettaq iffriżar obbligatorju tal-pagi (li se jiġu aġġustati biss biż-żidiet għall-għoli tal-ħajja), il-gvern biddel mill-qiegħ il-kundizzjonijiet tal-impjegati kollha ta’ din il-linja tal-ajru li issa ħadet post l-Air Malta. Dawn il-kundizzjonijiet il-ġodda jixbhu lil dawk tal-linji tal-ajru low-cost bħar-Ryanair u l-easyJet.

Għalhekk l-impjegati tal-KM Malta issa mistennija jaħdmu sigħat itwal u jdaħħlu inqas fil-but minn meta kienu jagħmlu l-istess xogħol mal-Air Malta. Skont il-kuntratti l-ġodda, l-impjegati tal-linja tal-ajru “l-ġdida” se jkollhom is-salarju bażiku tagħhom fiss għat-48 xahar li ġejjin – sa April 2028 – u mhux se jkunu jistgħu jieħdu salarju bażiku akbar, anki jekk il-union tagħhom tinnegozja xi ftehim kollettiv ġdid.

Fil-frattemp, il-KM Malta Airlines, kumpanija kollha kemm hi tal-gvern, għadha ma rrikonoxxiet lill-ebda union li kienet tirrappreżenta lill-impjegati tal-Air Malta, filwaqt li s’issa ma sar l-ebda ftehim kollettiv.

Saru bidliet sinifikanti wkoll fin-numru tal-iskali tas-salarju tal-impjegati kollha, u għalhekk saret iżjed diffiċli u itwal biex l-impjegati jimxu minn skala għall-oħra. Barra minn hekk tneħħew ħafna mill-benefiċċji li kellhom l-impjegati tal-Air Malta, fosthom l-iskemi tal-irtirar, il-bonuses tas-servizz, il-liv addizzjonali skont is-snin tas-servizz, u ġarr tas-sickleave.

Il-linja tal-ajru l-ġdida neħħiet ukoll il-faċilitajiet kollha tat-trasport li l-Air Malta kienet tipprovdi lill-piloti u lill-ekwipaġġ. Għalhekk, il-piloti, l-ekwipaġġ u l-ħaddiema l-oħra tal-linja tal-arju issa jeħtieġ imorru għax-xogħol bit-trasport tagħhom, irrispettivament mill-ħin tat-titjira. Madankollu, il-linja tal-ajru l-ġdida tipprovdi faċilitajiet tal-parkeġġ bla ħlas għall-ekwipaġġ.

Bidla oħra saret fil-kummissjonijiet tal-kru, li issa għandhom limitu sa 10% biss, ferm inqas minn dak li kellhom mal-Air Malta, filwaqt li din il-kummissjoni se tiġi kkalkulata skont kemm l-ekwipaġġ jirnexxilu jbigħ ikel u xorb abbord it-titjiriet tal-KM Malta.

Xi impjegati tal-KM Malta li tkellmu ma’ The Shift fil-kunfidenzjal ilmentaw fuq kif qed jiġu ttrattati mill-gvern iżda qablu li l-Air Malta ma kellhiex futur. Qalu li issa qed ikollhom iħallsu prezz qares għas-snin twal ta’ tmexxija ħażina li kien hemm matul is-snin, filwaqt li wħud mid-diriġenti, fosthom iċ-Chairman David Curmi, baqgħu f’posthom.

L-impjegati qasmu ma’ The Shift ukoll id-diżappunt tagħhom għall-mod kif aġixxew il-unions tagħhom, b’mod partikolari l-General Workers Union, u li fi kliemhom ħassewhom ġew “mibjugħa” u “ttraduti”.

L-Air Malta sfaxxat fl-aħħar ta’ Marzu li għadda wara bosta snin ta’ telf kbir fil-finanzi. Permezz tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u ċ-Chairman David Curmi, il-gvern kien ipprova jikseb pakkett ġdid ta’ għajnuna mill-Istat għall-Air Malta; madankollu l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx laqgħet il-proposta tagħhom.

Hu stmat li l-bidla kożmetika mill-Air Malta għall-KM Malta Airlines diġà swiet lill-poplu madwar €300 miljun, iżda l-gvern għadu sal-lum ma jridx jiżvela kemm swiet.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Direct order ta’ €365,000 lil kumpanija tal-Corinthia għal fiera agrikola
Read in English. Il-gvern għadu kif ħallas direct order
Pilota tal-KM Malta nqabdet ittajjar ma’ linja tal-ajru oħra bi ksur tar-regoli tas-sikurezza
Read in English. Bosta piloti impjegati mal-linja tal-ajru nazzjonali

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo