Gaffarena jitlef kawża ta’ ‘ksur tad-drittijiet tal-bniedem’ dwar żvilupp illegali

Read in English.

Mark Gaffarena – il-persuna fil-qalba tal-iskandlu ta’ Triq Zekka, l-Belt – għadu kif tilef kawża oħra dwar l-illegalitajiet sfaċċati li għandu fil-proprjetà tiegħu f’Ħaż-Żebbug, li aktar minn 16-il sena ilu kien biddilha minn għalqa għal stalel u villa mifruxa fuq medda ġmielha ta’ art.

Gaffarena kien ġie mmultat €22,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar talli kien ilu mill-2008 jinjora l-avviżi ta’ waqfien u infurzar. Hu kien ilmenta dwar il-multa u talab lill-qorti biex tikkanċellaha. L-avukata tiegħu, Analise Magri, argumentat li kienu nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq, filwaqt li Gaffarena argumenta wkoll li kienet illegali li l-Awtorità tal-Ippjanar toħroġ multa mbagħad tissokta tinfurzaha.

Il-villa inkwistjoni. Sors: l-Awtorità tal-Ippjanar

L-imħallef Mark Simiana, iżda, ma laqax din it-talba ta’ Gaffarena u ddikjara li l-iżviluppatur kellu jagħmel l-ilment tiegħu quddiem it-Tribunal għall-Ambjent u r-Reviżjoni tal-Ippjanar, kif stabbilit fil-liġi.

“Il-liġi tippreskrivi d-dritt tal-appellant għal rimedju quddiem it-Tribunal għall-Ambjent u r-Reviżjoni tal-Ippjanar. Ladarba hu għażel li ma jeżerċitax dan id-dritt, issa ma jistax jilmenta fuq ksur tal-istess dritt fundamentali,” iddikjarat il-qorti.

Il-multa ilha mill-2004 biex titħallas

Gaffarena ilu jimmodifika r-residenza illegali tiegħu mill-2004 meta biċċa art ta’ 5,200 metru kwadru (daqs grawnd tal-futbol) kienet ġiet żviluppata illegalment bis-saħħa ta’ permess li kien inħariġlu biex jibni xi stalel.

Madankollu, minflok l-istalel, Gaffarena u martu Josielle biddlu dik il-medda kbira ta’ art f’binja residenzjali li tinkludi villa ta’ madwar 400 metru kwadru bil-pool, ġnien kbir u saħansitra “żu” bil-lamas u ż-żebri u annimali eżotiċi oħrajn.

Fl-2008, imbagħad, l-Awtorità tal-Ippjanar ippruvat twaqqaf kull attività illegali li kien qed iwettaq, u kienet ħarġet avviż ta’ waqfien u infurzar biex tordna lil Gaffarena jwaqqa’ kollox u jreġġa’ l-art għal kif kienet oriġinarjament bħala għalqa.

Minkejja dawn, Gaffarena injora l-liġi u lill-Awtorità tal-Ippjanar, u ssokta jakkumula l-multi kuljum għall-attivitajiet illegali tiegħu.

Parti mill-ġnien estensiv. Sors: l-Awtorità tal-Ippjanar

Fil-frattemp issokta jiżviluppa aktar strutturi illegali billi bena aktar faċilitajiet, fosthom ippavimentar ta’ rqajja’ sostanzjali ta’ art, u bena żoni bl-ilqugħ għall-annimali.

Fl-2020, l-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat l-applikazzjoni ta’ Gaffarena għal sanzjoni tal-illegalitajiet, filwaqt li fl-2022 it-Tribunal għall-Ambjent u r-Reviżjoni tal-Ippjanar ikkonferma dik id-deċiżjoni.

Imbagħad Gaffarena lmenta dwar il-multa imposta, iżda minflok ressaq l-ilment tiegħu quddiem it-Tribunal għall-Ambjent u r-Reviżjoni tal-Ippjanar, hu għażel li jieħu l-każ quddiem il-qorti u stqarr li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu.

Fir-residenza illegali ta’ Gaffarena. Sors: l-Awtorità tal-Ippjanar

Intant, aktar kmieni din is-sena, Gaffarena pprova wkoll jikseb il-permess għall-villa illegali tiegħu permezz ta’ toqba ġdida fil-liġi.

Permezz tal-perit tiegħu Reuben Sciortino, Gaffarena ppreżenta applikazzjoni ġdida quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar li fiha qed jipproponi li jbiddel il-villa illegali tiegħu f’razzett tan-nagħaġ.

Din l-aħħar applikazzjoni għad trid tiġi kkunsidrata.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo