‘M’aħniex se nitilqu minn hawn,’ qalu l-okkupanti ta’ Villa Frere lill-Awtorità tal-Artijiet

Il-familja Spiteri, li l-Awtorità tal-Artijiet qed takkużahom li okkupaw illegalment Villa Frere, binja tal-Grad 1 fi Gwardamanġa, qed jibqgħu jinsistu li huma għandhom id-dritt li jużaw il-binja u li mhuwiex se jitilqu minn hemm minkejja li rċivew ordni ta’ żgumbrament mingħand l-awtoritajiet.

Dan l-aħħar, l-Awtorità tal-Artijiet ħarġet ordni ta’ żgumbrament kontra Joseph F. Spiteri and Company (1927) Ltd, magħrufa bħala Tal-Kee Klamps, li skont il-gvern ilhom sittin sena jużaw il-binja illegalment.

Meta The Shift staqsa lil Oswald Spiteri dwar din l-ordni tal-iżgumbrament, hu qal li l-kumpanija għandha t-titolu legali tal-proprjetà u ilha tikri l-post għal ħafna snin, filwaqt li kritika bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet tal-awtorità li qed isostnu bil-kontra. Qalilna li l-kumpanija qed tħallas il-kera, u li l-Awtorità tal-Artijiet dejjem aċċettat il-ħlasijiet, iżda fil-qorti ma ġiet ippreżentata l-ebda rċevuta li tissostanzja dan, skont dokumenti tal-qorti li ġew f’idejn The Shift.

Spiteri ċaħad ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Awtorità tal-Artijiet li l-okkupanti “illegali” ħallew il-binja tal-gvern taqa’ biċċiet. Qal li l-awtorità qatt ma intervjeniet biex twettaq xi manutenzjoni u insista li l-kumpanija ħarġet flejjes minn butha biex iżżomm il-binja tal-gvern fi stat tajjeb.

Meta mistoqsi minn The Shift kif kien kiseb it-titolu tal-proprjetà, Spiteri ma riedx jispjega iżda insista li hu u l-kumpanija tiegħu ma kinux daħlu fil-proprjetà illegalment.

Spiteri beda proċeduri legali kontra l-Awtorità tal-Artijiet wara li ftit tal-ġimgħat ilu l-awtorità ħarġet ordni ta’ żgumbrament kontra l-okkupanti tal-binja f’121 Triq il-Marina, Tal-Pietà, li tifforma parti mill-binja storika ta’ Villa Frere. Skont dokumenti tal-Awtorità tal-Artijiet li ġew f’idejn The Shift, il-binja li ilha tintuża minn dil-kumpanija tal-iscaffolding għal ħafna snin, qed tiġi okkupata illegalment u tħalliet mingħajr manutenzjoni bir-riskju imminenti li tiġġarraf.

L-Awtorità tal-Artijiet insistiet li l-iSpiteri m’għandhom l-ebda titolu u ordnatilhom joħorġu mill-proprjetà minnufih. Madankollu sal-lum, din l-ordni tal-awtorità għadha qed tiġi injorata.

Villa Frere u l-ġnien majestuż tagħha mill-għoli (il-Google Earth)

Hu magħruf li l-kumpanija ilha tuża l-villa mis-sittinijiet, u għal xi żmien saħanitra l-iSpiteri kienu jgħixu fl-istess binja skedata.

Mibnija fl-1821 minn John Hookham Frere, skular, politiku, poeta u diplomat Ingliż magħruf, Villa Frere u l-ġonna grandjużi tagħha fix-xatt ta’ Tal-Pietà kienu ġew skedati fl-2020 bħala monument nazzjonali minħabba l-valur storiku, arkitettoniku u kulturali uniku tagħhom.

Għalkemm il-villa hi ta’ Heritage Malta, l-amministrazzjoni u r-restawr tagħha tħallew f’idejn għaqda volontarja msejħa Friends of Villa Frere. Skont Oswald Spiteri, il-familja tiegħu kienet appoġġat lil din l-NGO finanzjarjament.

Partijiet sostanzjali mill-ġonna tal-villa kienu nqerdu fil-ħamsinijiet biex minflokhom jinbnew uħud mis-swali tal-Isptar San Luqa.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo