Opinion: L-inġenju Anġlu Farrugia

Il-politiku indipendenti Arnold Cassola għadu kif żvela li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Joseph Azzopardi qed jixħet it-tort fuq l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia għall-impunità li qed titħalla fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-ministri Laburisti tiegħu.

Għal darb’oħra, Azzopardi ddeċieda li la jinvestiga u lanqas jippubblika r-rapport dwar l-allegat abbuż minn fondi pubbliċi – did-darba mill-prim ministru nnifsu.

Dak ir-rapport kien se jibqa’ sigriet, iżda l-Kummissarju hu obbligat legalment jibgħat kopja lil min ikun ressaq l-ilment, f’dal-każ lil Cassola, li mbagħad hu ppubblikah minn jeddu, u ħareġ fid-dieher il-logħba komika li jilgħab l-Ispeaker Farrugia biex jiskansaha ħafif lill-ministri tal-Labour u lill-prim ministru tagħhom.

Bis-saħħa ta’ Cassola, nistgħu naqraw il-kundanna tal-Kummissarju fil-konfront tal-Ispeaker meta sab li l-protezzjoni sfaċċata tal-Ispeaker lill-ministri tikser il-kodiċi tal-etika. Mill-ġdid, Farrugia iddeffes personalment biex idewwem jew jirrifjuta l-adozzjoni tar-rapport tal-Kummissarju biex jiffrankaha lill-ministri u lis-segretarji parlamentari milli jaqilgħu ċamata għal għemilhom.

Nhar it-18 ta’ Lulju 2023,  Azzopardi kiteb lil Anġlu Farrugia u qallu, “Din is-sitwazzjoni jeħtieġ tiġi indirizzata b’urġenza,” iżda l-Ispeaker injorah. Sitt xhur wara, xorta baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni. Infatti din hija biss l-aħħar wara mill-ħemel ta’ tentattivi diżonesti tal-Ispeaker biex jipproteġi lill-kabinett Laburista. F’April 2021, il-Kummissarju tal-Istandards kien sab li l-Ministru Carmelo Abela kiser il-kodiċi tal-etika meta nefaq aktar minn € 7,000 minn flus il-poplu fuq sensiela ta’ riklami li jinkludu ritratt enormi tiegħu stess. “La kien informattiv u wisq inqas ta’ interess għall-pubbliku,” kien ikkummenta l-kummissarju filwaqt li rrakkomanda li Abela jħallas lura l-fondi pubbliċi li nefaq fuq riklami li jippromwovu lilu nnifsu.

Madankollu meta r-rapport kien ġie quddiem il-kumitat parlamentari, id-deputati Laburisti Glenn Bedingfield u Edward Zammit Lewis ivvotaw kontra l-adozzjoni tar-rapport għax kienu qalu li “ma teżisti l-ebda linja gwida ċara li tirregola din is-sitwazzjoni.” Iżda Farrugia “ma ħassx li kien hemm ksur tal-linji gwida etiċi” u astjena. Dak l-aġir kien waħħal għalkollox l-adozzjoni tar-rapport, u Carmelo Abela ġie eżonerat. Farrugia ddikjara li “għandhom jiġu abbozzati linji gwida ċari dwar dan.”

U għalhekk il-Kummissarju tal-Istandards ta’ dak iż-żmien George Hyzler kien fassal għadd ta’ “Linji gwida komprensivi dwar ir-riklamar u l-materjal promozzjonali mill-gvern”. Anġlu Farrugia issa ma kienx baqagħlu iżjed skużi, u d-darba li jmiss ma damitx wisq ma waslet. F’Ġunju 2022, il-kummissarju għall-istandards sab li 18-il ministru, eks ministri jew segretarji parlamentari kienu kisru l-Artikoli 4.9, 4.10, 5.3 u 7.4 tal-kodiċi tal-etika ministerjali.

Kienu berbqu aktar minn €16,700 minn but il-poplu fuq 28 paġna ta’ riklami fis-suppliment tal-gazzetta Laburista biex ifakkru t-tieni sena ta’ Robert Abela bħala prim ministru. Biex ikomplu jgħaxxquha, ħafna minn dawk ir-riklami kienu partiġġjani u kien fihom ritratti tal-ministri nfushom, bi ksur tal-linji gwida dwar ir-riklamar.

Meta eventwalment sar rapport u wasal quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Istandards, iż-żewġ deputati tal-Labour kienu vvotaw kontra l-adozzjoni tiegħu, filwaqt li d-deputati tal-oppożizzjoni vvotaw favurih. U għalhekk Farrugia kellu l-vot deċiżiv f’idejh, u din id-darba ma astjeniex. Did-darba vvota kontra l-adozzjoni tiegħu u reġa’ ħelisha ħafif lill-ministri u s-segretarji parlamentari tal-Labour.

Issa kellu l-linji gwida… allura x’kienet l-iskuża tiegħu did-darba?

“Jien personalment naqbel magħhom, fit-totalità tagħhom, jiġifieri m’għandi l-ebda argument fuq xi dettall, iżda ovvjament meta jkollok timponi xi linji gwida, dawn iridu jkunu stabbiliti fil-liġi,” qal Farrugia.

Farrugia dejjem ikun pass qabel bi pjan fil-komma biex jisfida l-liġi. “M’iniex se nkun prużuntuż meta aħna għandha kummissarju għall-istandards. Jien naqbel mal-linji gwida nfushom bħala dawk li jipprovdu direzzjoni u rakkomandazzjonijiet. Qed jgħidu lil kull deputat – din hija l-pożizzjoni li nieħu jien kieku. Iżda issa, mhux il-pożizzjoni nieħu jien… hawn qed nitkellmu fuq l-applikazzjoni tal-liġi. Din hija l-pożizzjoni tiegħi,” iddikjara l-Ispeaker f’wieħed mill-aktar rapporti mhux koerenti ta’ dejjem. U dan hu biss nitfa mit-tgerfix u l-kontradizzjonijiet li kiteb l-Ispeaker f’dawk it-13-il paġna.

“Jien qed nivvota le,” iddikjara Farrugia “skont il-prinċipju legali li wieħed ma jistax japplika xi ħaġa li ma tkunx parti minn jew appoġġata b’liġi miktuba.” Qed tara x’konvenjenza!

Dawk il-linji gwida kienu ħarġu fit-22 ta’ Ġunju 2021, aktar minn tliet snin ilu. Għadda biżżejjed żmien biex isibu posthom f’liġi. Kulm’hemm bżonn hu avviż legali maħruġ mill-ministru responsabbli u fi żmien 28 jum, jekk ma jkunx hemm xi oppożizzjoni mid-deputati, isir liġi. Iżda ovvjament, il-Labour hu mħabbat wisq ifassal il-liġijiet biex jagħmel lill-adolexxenti ta’ 16-il sena sindki, u l-Ispeaker għandu ħafna x’jagħmel bis-safar madwar id-dinja.

Issa anki l-kummissarju għall-istandards magħżul mil-Labour stess tilef sabru. “Il-kumitat (parlamentari għall-istandards) effettivament ħoloq sitwazzjoni li ma tistax tittieħed azzjoni kontra dan il-ksur,” Azzopardi qal lil Farrugia.

Kulħadd jista’ jifhem eżattament il-kutrumbajsi tal-Ispeaker. Anki l-kummissarju ntebaħ li l-Ispeaker għandu biss għan wieħed – li jiżgura li l-ministri u s-segretarji parlametari tal-Labour jiskansaw kull sanzjoni, ikun kemm ikun attroċi l-ksur tal-etika tagħhom.

Azzopardi lmenta mal-Ispeaker u mal-Kumitat għall-Istandards – “Il-Kumitat għall-Istandards mhux lest biex jadotta l-Kodiċi tal-Etika Ministerjali, u lanqas mhu qed jirreferi għal-linji gwida meta jqis allegazzjonijiet ta’ ksur tal-etika dwar ir-riklami mħallsin mill-fondi pubbliċi.”

“Qed nirrakkomanda formalment,” qallu lill-Ispeaker, “li l-paragrafi 1.10 sa 3.11 tal-Linji gwida dwar ir-riklamar u l-materjal promozzjonali mill-gvern jiddaħħlu fl-Att dwar l-Istandards. B’dal-mod, il-linji gwida jingħataw bażi legali, u jitneħħa kull dubju dwar il-validità tagħhom.”

Il-kummissarju forsi għandu s-setgħa li jirrakkomanda, madankollu Farrugia jista’ jinjorah. Farrugia m’għamel xejn f’sitt xhur biex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-kummissarju. Aktarx qed jaħmi modi ġodda kif se jdur magħhom.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo