Eluf ta’ ħaddiema mis-‘settur privat’ qegħdin fuq il-kotba tal-gvern

The Shift skopra li l-gvern qed iħaddem aktar minn 5,000 ħaddiem kuntrattwali mis-settur privat, u dawm apparti l-51,000 impjegat li għandu bħalissa mal-amministrazzjoni pubblika.

Dejta parzjali miġbura minn bosta mistoqsijiet parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo turi li fl-2023, bosta ministeri ħaddmu madwar 5,200 persuna addizzjonali permezz ta’ kuntratti ma’ kumpaniji privati, u b’hekk is-settur pubbliku kiber tant li qabeż is-56,200 persuna.

Din id-dejta hi biss parti mid-dejta sħiħa għax uħud mill-ministeri, b’mod partikolari dawk li s-soltu jkunu jeħtieġu ammont ġmielu ta’ ħaddiema, bħall-Ministeru tas-Saħħa, għadhom ma pprovdewx id-dejta mitluba. Skont l-informazzjoni ppreżentata s’issa, iżda, il-Ministeru tal-Anzjanità, immexxi minn Jo Etienne Abela, kellu xi 2,270 ħaddiem addizzjonali mis-settur privat direttament fuq il-kotba tiegħu, u warajh il-Ministeru tal-Ambjent ta’ Miriam Dalli b’ċifra qrib l-1,000.

Bħalma kien mistenni, il-Ministeru għal Għawdex, fejn ħafna mill-impjiegi fuq il-griża diġà huma relatati b’xi mod mal-gvern, għandu 291 impjegat b’dan il-mod fuq il-kotba tiegħu. Interessanti l-fatt li l-Gozo Channel għandha xi 150 ħaddiem “imqabbad” b’kuntratt fuq il-kotba tagħha, jiġifieri aktar mill-ħaddiema timpjeg magħha.

Minbarra l-madwar 4,000 ħaddiem b’kuntratt mis-‘settur privat’, hemm 1,200 persuna oħra ‘qiegħda’ li qed jaħdmu għall-gvern permezz tal-Iskema tal-Ħaddiema tal-Komunità. The Shift akar kmieni kien irrapporta li wħud minn dawn il-‘ħaddiema’ lanqas biss imorru għax-xogħol, u meta jmorru, jagħmlu biss ħin qasir.

L-Iskema tal-Ħaddiema tal-Komunità tiswa l-miljuni tal-ewro kull sena lill-poplu, iżda ftit biss qed jimxu lejn impjieg aħjar.

Bħall-ħaddiema kuntrattwali tal-gvern, anki dawn ta’ din l-Iskema jitqiesu parti mis-‘settur privat’ għax uffiċjalment dik li qed timpjegahom hi fondazzjoni proprjetà tal-General Workers Union, li kienet ingħatat kuntratt multimiljunarju biex tmexxi din l-iskema f’isem il-gvern.

Hu stmat li l-5,200 ħaddiem l-ieħor mis-‘settur privat’ qed jiswew lil poplu xi €60 miljun oħra fis-sena għall-pagi u l-kummissjonijiet, jekk wieħed jieħu salarju konservattiv ta’ €12,000 fis-sena.

Kif taħdem is-‘sistema’?

Il-gvern, flok ma jingaġġa l-ħaddiema meħtieġa mal-amministrazzjoni pubblika bil-proċess proprja, jitlob li jitqabbdu ċerti ħaddiema addizzjonali, fosthom securities, skrivani, u anki ħaddiema maniġerjali, permezz ta’ sejħiet għall-offerti jew direct orders. Imbagħad, l-aġenziji privati tal-impjiegi, li faqqsu kullimkien fl-aħħar snin, jipprovdu l-ħaddiema meħtieġa u jieħdu kummissjoni għal kull ħaddiem li “jsibu”.

Il-ħaddiema mbagħad jipprovdu l-istess impjieg bħal dawk ingaġġati bil-proċessi normali, iżda fl-aħħar tax-xahar, is-salarju tagħhom joħroġhulhom il-privat wara li jkun tħallas mill-gvern, u jkollhom tnaqqis biex tkun tista’ titħallas il-kumpanija li sabitilhom l-impjieg.

Il-benefiċċju ewlieni għall-gvern hu li, b’din is-sistema, tkun tista’ tinqabeż kull regola stabbilita fir-reklutaġġ, u l-ministeri jkunu jistgħu jpoġġu lil min iridu huma fil-karigi.

Bosta korpi kostitwiti, fosthom il-Malta Employers Association u l-Kamra tal-Kummerċ ilhom żmien jilmentaw fuq l-għadd eżaġerat ta’ ħaddiema li hemm fuq il-kotba tal-gvern u dan avolja, ħafna drabi, dawn ma jkunux meħtieġa. Fl-aħħar għaxar snin, il-Labour impjega bosta persuni mingħajr il-ħiliet mal-amministrazzjoni pubblika, meta s-settur privat kien qed ibati biex isib in-nies u kellu bilfors jiġi dipendenti fuq il-ħaddiema barranin, ħafna drabi minn barra l-UE.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo