Il-Portafoll tal-BOV tas-self ‘mhux performattiv’ inbiegħ għal kwart tal-valur stmat

Kumpanija magħżula biex tikseb il-portafoll tas-selfiet tinvolvi lill-eks chairman tal-bank.

 

Bosta sorsi kkonfermaw li l-portafoll tas-selfiet li l-Bank of Valletta biegħ għal €26 miljun lil kumpanija li tinvolvi lill-eks chairman tal-bank stess għandu valur stmat li jaqbeż il-€100 miljun.

Din il-ġimgħa, The Shift żvela li x-xerrej tal-portafoll tas-self tal-BOV hija l-kumpanija tal-investimenti 3514 Capital Partners, kumpanija mwaqqfa riċentement f’Lulju 2022 u li tinvolvi lill-eks chairman tal-bank stess, Deo Scerri.

Filwaqt li l-bank ħabbar dan il-bejgħ, la ddikjara l-valur tiegħu u lanqas il-kumpanija li xtratu.

Scerri kien iċ-chairman tal-BOV bejn l-2016 u l-2020 wara li ngħata dak ir-rwol mill-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat. Qabel dakinhar, Scerri kien l-awditur tal-Partit Laburista fil-gvern.

Fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ The Shift, Scerri ċaħad li kien influwenti fid-deċiżjoni li ħadet il-kumpanija biex tikseb is-selfiet għal kwart tal-valur stmat tagħhom.

Deo Scerri ma Joseph Muscat.

Scerri hu wieħed mill-membri fit-tim tal-investiment ta’ 3514 Capital. Il-portafoll tas-selfiet, li jinkludi xi 700 selfa personali jew kummerċjali lil 245 klijent, inbiegħ għal €26 miljun f’Diċembru li għadda.

Sorsi mill-bank stess qalulna li l-istima tal-valur totali tal-portafoll taqbeż il-€100 miljun, filwaqt li l-bank ma riedx jiżvela l-valur preċiż, skontu minħabba sensittività kummerċjali.

Sorsi qalulna wkoll li aktar minn 90% tas-selfiet ilhom ma jitħallsu ħames snin jew iżjed, u ngħataw minn diversi amministrazzjonijiet tal-BOV b’termini “dubjużi”. Il-bank mhuwiex jiżvela l-ismijiet ta’ dawk li ma komplewx iħallsu dan is-selfiet.

Meta The Shift ippreżenta l-valur ikkwotat mis-sorsi tagħna lill-bank biex ikollu l-opportunità jikkontesta d-dikjarazzjonijiet tas-sorsi tagħna, il-bank baqa’ jirrifjuta li jikkonferma jew jiċħad iċ-ċifra, u qalilna biss li hu diffiċli jikkwantifika l-introjti futuri.

Is-sorsi qalulna wkoll li dan it-tranżazzjoni tfisser li l-kumpanija xerrejja tista’ tagħmel miljuni tal-ewro fi qligħ minn fuq dahar il-BOV peress li porzjon sostanzjali tas-selfiet li ma tħallsux għandhom bosta assi jagħmlu tajjeb għalihom li l-bank kien iffinanzja b’dawk is-selfiet.

Għoxrin fil-mija tal-ekwità tal-bank jinsabu f’idejn il-Gvern ta’ Malta, 10.2% f’idejn UniCredit S.p.A. u l-kumplament (64.8%) huma ishma tal-pubbliku.

Filwaqt li ddeċieda li jżomm fommu mitbuq dwar il-valur proprja tas-selfiet mhux imħallsa minħabba “sensittività kummerċjali”, il-BOV iddikjara li dan l-iskont qawwi fil-prezz li bih inbiegħu s-selfiet hu prassi standard fis-settur bankarju.

Il-bank iddikjara li d-diffikultà biex jiġbor flusu mis-selfiet kienet tfisser li kien vantaġġjuż għall-bank li jbigħhom b’dan il-mod għal somma f’daqqa. Dan l-argument, iżda, qed jiġi kkontestat minn bosta, u n-nuqqas ta’ trasparenza min-naħa tal-bank qed toħloq bosta dubji dwar l-interessi kummerċjali f’dan il-ftehim.

Il-bank qalilna, “Għas-self mhux performattiv fit-tul, l-irkupru mistenni jimmaterjalizza bil-likwidazzjoni tal-kollateral wara proċess ġudizzjarju li jieħu bosta snin.” Qalilna wkoll li l-kunsiderazzjoni ta’ €26 miljun tfisser li “il-bank irnexxielu jikseb il-minimu bejn (i) l-ammont legali dovut mingħand il-klijenti u (ii) il-valur futur imbassar tal-kollateral, aġġustat biex jirrifletti l-fatturi tar-riskju u l-ispejjeż tal-likwidazzjoni.”

Il-kumpanija li xtrat is-selfiet, 3514 Capital, hija sħubija mmexxija minn Jean Carl Farrugia, is-sieħeb fundatur ta’ DF Advocates, u Christopher Vella, is-CEO tal-kumpanija tal-konsulenza kummerċjali Polymath & Boffin.

Vella hu l-uniku direttur tal-kumpanija tal-konsulenti tal-investiment Polymath & Boffin, imwaqqfa fl-2011, li l-uffiċini tagħha fil-Floriana huma l-istess uffiċini ta’ 3514 Capital.

Farrugia u Kevin Deguara huma s-sħab fundaturi ta’ DF Advocates – ditta mill-aktar magħrufa li kienet involuta f’bosta ftehimiet kontroversjali nnegozati mill-Partit Laburista fil-gvern, fosthom il-bdil fil-pjanijiet taż-żona ta’ Smart City għal residenzi privati, u fl-iskandlu tal-isptarijiet.

L-avukati Kevin Deguara u Jean Carl Farrugia huma l-proprjetarji tad-ditta DF Advocates.

Farrugia u Deguara kienu benefiċjarji diretti ta’ bidliet legali li saru malajr malajr fl-2018 biex fi Smart City jkunu jistgħu jibdew isiru żviluppi residenzjali.

Fl-2021, imbagħad, id-dar u l-uffiċċju ta’ Deguara sarulhom tfittxijiet mill-pulizija li qed jinvestigaw il-ftehim ‘frawdulenti’ tal-isptarijiet Vitals-Steward.

Deguara hu involut ukoll f’għadd ta’ negozji oħrajn u qiegħed fuq il-bordijiet ta’ diversi kumpaniji, fosthom D Shopping u Dizz Finance – il-fergħa finanzjarja tad-Dizz Group ta’ Diane u Karl Izzo – u Sadeen Education Investments Ltd – il-kumpanija wara l-American University of Malta.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo