Il-President Vella aktarx se jibqa’ fil-kariga meta jintemm it-terminu

Il-President George Vella aktarx se jibqa’ fil-kariga tiegħu anki wara li jintemm it-terminu ta’ ħames snin, u dan peress li sal-lum għadhom ma bdewx id-diskussjonijiet bejn il-gvern u l-oppożizzjoni dwar min jista’ jokkupa din il-kariga wara April 2024.

Il-Prim Ministru Robert Abela hu responsabbli biex jibda dawn id-diskussjonijiet ħalli flimkien mal-oppożizzjoni Nazzjonalista jkun jista’ jintgħażel is-suċċessur. Madankollu jidher li sal-lum dan il-proċess għadu ma bediex, minkejja li t-terminu tal-President Vella baqagħlu biss erba’ xhur. It-terminu ta’ Vella jintemm f’April, u issa li ż-żmien qed joqrob normalment bħalissa d-diskussjonijiet jkunu fl-aqwa tagħhom.

Wara emendi fil-liġi dwar il-ħatra tal-President, dawn id-diskussjonijiet saru urġenti aktar minn qatt qabel għax issa l-prim ministru m’għadx għandu l-possibbiltà ta’ maġġoranza sempliċi biex japprova l-ħatra. Fl-2020, wara pressjoni mill-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, kienu saru emendi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta biex il-ħatra tal-President tkun teħtieġ il-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-parlament. U billi ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-president attwali jkollu jibqa’ fil-kariga sakemm il-gvern u l-oppożizzjoni jaslu jaqblu fuq il-persuna.

F’dan il-każ, Abela ma jistax jirrepeti l-mossa tad-darba l-oħra meta ħatar lil min ried hu fil-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards, u ċaqlaq il-lasti matul il-proċess biex għaddiet tiegħu.

U għalhekk, b’differenza mill-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards, meta effettivament il-prim ministru biddel il-liġi biex ikun jista’ jpoġġu lill-kandidat tiegħu, Joseph Azzopardi, l-emendi tal-2020 huma minquxin fil-Kostituzzjoni u l-gvern ma jistax ibiddel ir-regoli mingħajr il-maġġoranza ta’ żewġ terzi.

Sal-lum, il-prim ministru għadu ma lissen l-ebda kelma dwar l-intenzjonijiet tiegħu. Madankollu, l-ispekulazzjoni hi li Abela jixtieq lil-lettur universitarju Frank Bezzina, iżda aktarx din il-proposta ma tiksibx l-appoġġ tal-oppożizzjoni. Bezzina, l-aġent president attwali, li kien diġà fil-kariga meta Vella kien barra minn Malta, ftit li xejn għandu esperjenza u ntuża mill-prim ministru biex jiffirma r-riforma kontroversjali fil-liġi tal-IVF għax Vella kien ippjana safra fl-istess żmien biex jevita li jiffirmaha hu.

Fl-aħħar 15-il sena, Malta kellha tliet presidenti konsekuttivi mil-Labour: missier il-prim ministru stess George Abela, maħtur minn amministrazzjoni Nazzjonalista, warajh Marie Louise Coleiro Preca u mbagħad George Vella.

Il-kariga tal-President ta’ Malta hi waħda simbolika għax m’għandhiex poteri eżekuttivi.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Carmel Garcia
Carmel Garcia
4 months ago

President biex jigbor il-karita, flok din il-karita, bi dmir, jaghmila l-gvern innifsu.

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo