Posposta d-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-kont pendenti ta’ €37miljun VAT ta’ Steward

Il-Prim Imħallef jipposponi d-deċiżjoni għal żmien indefinit.

 

Il-kont pendenti ta’ €37 miljun li kien intbagħat lil Steward Health Care xi sentejn ilu għadu ma tħallasx, u d-deċiżjoni dwar x’se jiġri minn dan il-kont issa ġiet sospiża hekk kif il-Qorti għażlet li tipposponi s-sentenza finali tagħha.

Il-kont oriġinali tat-taxxa kien intbagħtilha fl-2021 meta l-Qorti kienet iddeċidiet u ddikjarat li Steward Health Care għandha tħallsu. Sussegwentement, din il-kumpanija tas-saħħa sfidat dik id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Appell, iżda l-ġimgħa l-oħra l-Prim Imħallef Mark Chetcuti qal li s-sentenza finali tiegħu se titħabbar “sine die” (jiġifieri t-tħabbir qed jiġi pospost għal żmien indefinit).

Dan ifisser li l-proċeduri (f’dal-każ, is-sentenza) twaqqfu u ma hemmx data meta se jitkomplew.

Id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Appell saret wara li l-avukat ta’ Steward, Joseph Camilleri, informa lill-qorti li ma kienx qed jaċċetta iżjed notifiki għal din il-kawża f’isem il-klijent tiegħu Steward Health Care.

Il-Prim Imħallef Chetcuti sussegwentement talab lir-reġistratur biex jinnotifika lil Steward Health Care li s-sentenza tlestiet iżda kienet se tiġi ddikjarata biss meta l-kumpanija tirċievi n-notifika uffiċjali.

Espert legali li tkellem ma’ The Shift qalilna li filwaqt li din is-sitwazzjoni “mhijiex normali”, ma jfissirx li Steward Health Care se jirnexxilha tiskappa d-deċiżjoni aħħarija bl-immanuvrar legali.

Meta staqsejna x’jiġri jekk ir-reġistratur tal-Qorti ma jirnexxilux jinnotifika lil Steward, ħaġa li mhijiex l-eċċezzjoni, l-espert qalilna li ġaladarba l-kawża tinsab “sine die”, jiskatta perjodu ta’ sitt xhur. “Jekk fi żmien sitt xhur ma jiġri xejn, l-isfida legali ta’ Steward taqa’ u tkun tapplika d-deċiżjoni oriġinali tal-Qorti.”

F’Luilju li għadda l-Qorti kienet irrifjutat l-isfida legali orġinali ta’ Steward Health Care rigward il-kont tal-VAT tal-2021 u ddikjarat li din il-kumpanija tas-saħħa kellha tħallas s-€37 miljun lill-gvern Malti f’taxxi li kien hemm pendenti.

Steward Health Care ikkontendiet li kienet il-kumpanija predeċessura tagħha Vitals Global Healthcare, ir-riċevitur tal-offerta “frawdulenti” oriġinali, li ma kinitx ħallset ħafna mit-taxxi u għaldaqstant hi ma kinitx responsabbli għal dak il-kont pendenti.

Il-Qorti ma laqgħetx dawn l-argumenti u ddikjarat li Steward Health Care kienet responsabbli għat-teħid kollu tal-konċessjoni, inkluż il-kuntratti, il-kontijiet u d-djun kollha. Steward Health Care kienet iddikjarat li ma kinitx wettqet id-diliġenza dovuta meta ħadet f’idejha l-konċessjoni.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni ressqet ilment kontra l-Avukat tal-Istat talli għadu ma ħax passi biex iġib lura l-flejjes mingħand il-persuni u l-entitajiet involuti f’din il-konċessjoni ta’ €2 biljun, issa dikjarata nulla u bla effett. Fuq dan il-ftehim għadha għaddejja wkoll inkjesta maġisterjali, u l-pulizija għadhom ma ħadux passi minn jeddhom rigward dan il-ftehim li l-Qorti ddikjaratu frawdulenti.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo