Skont il-gvern, ir-riforma tal-kera li se jkun qed iħabbar fiż-żmien li ġej, se ddaħħal limitu fuq l-għadd ta’ inkwilini possibbli fl-akkomodazzjonijiet kondiviżi, u dan wara bosta rappurtaġġi fil-midja ta’ appartamenti ffullati bi standards tal-għajxien baxxi.
Għalkemm ir-‘riforma’ se tillimita l-għadd massimu għal sitt persuni f’akkomodazzjoni singola, xorta jqumu dubji dwar l-infurzar ta’ din ir-riforma peress li l-limitu ta’ sitt persuni diġà jeżisti fil-leġiżlazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Skont kif ħabbar il-Ministru tal-Akkomodazzjoni Soċjali aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra, il-bidliet jinkludu sistema tal-IT li se tirrifjuta “awtomatikament” ir-reġistrazzjonijiet tal-kuntratti tal-kera fuq proprjetajiet li diġà jkollhom iżjed minn sitt inkwilini rreġistrati, u b’hekk il-proċess se jiġi awtomatizzat.
Skont l-Ordni tal-Klassijiet tal-Użu, parti mil-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi lill-Awtorità tal-Ippjanar, l-akkomodazzjonijiet residenzjali kondiviżi diġà għandhom il-limitu ta’ sitt inkwilini.
Ir-riforma ta’ Galdes sempliċiment se tadotta l-limitu eżistenti biex bih l-Awtorità tkun tista’ tirrifjuta l-applikazzjonijiet.
Is-sistema l-ġdida jidher li tippermetti lill-Awtorità tal-Ippjanar, lil Identità (li kienet Identità Malta) u lill-Awtorità tad-Djar jaqsmu informazzjoni dwar is-sidien tal-kera u l-inkwilini. Skont il-gvern, l-aġenziji mbagħad ikunu jistgħu jirrifjutaw applikazzjonijiet tal-viża jew kuntratti tal-kera fil-każ ta’ bini ffullat.
Galdes qal li l-emendi fil-liġi tal-kera li se jsiru “fil-ġimgħat li ġejjin” se jdaħħlu limitu dwar l-għadd ta’ inkwilini, jindirizzaw l-ispezzjonijiet tal-akkomodazzjonijiet mikrija, u jippermettu lill-Awtorità tirrifjuta li tirreġistra sid li jkun instab li abbuża mill-inkwilini fil-passat. Hu, iżda, ma tax iżjed informazzjoni.
Madankollu, il-gvern għadu qed jonqos milli jinforza l-leġiżlazzjoni attwali li diġà timplimenta limiti fuq l-għadd ta’ inkwilini, u barra minn hekk għadu ma spjegax kif se jkun qed jagħmel iżjed infurzar.
Dan is-sajf din il-kwistjoni ġiet fuq quddiem fl-aġenda tad-diskussjoni meta, skont rappurtaġġi fil-midja, appartament partikolari f’Tas-Sliema kien qed jinkera lil 40 ħaddiem b’paga baxxa. Dan il-każ kien fetaħ il-bieb biex issemmew aktar u aktar każijiet simili madwar il-pajjiż.
Ir-‘riforma’ mwiegħda hija parti minn sensiela ta’ inizjattivi lapazzanti li ordna l-Prim Ministru Robert Abela, maħsuba biex irażżnu ż-żidiet malajr fil-popolazzjoni ta’ Malta.
Il-bidliet jinkludu l-limitu fl-għadd ta’ inkwilini li qed jipproponi Galdes, l-introduzzjoni ta’ Kard tal-Ħiliet għall-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu, u regolamenti ġodda għall-aġenziji tax-xogħol, u huma maħsuba primarjament biex iżidu l-kontroll tad-dħul tal-ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea.
F’kummenti lil The Shift f’isem it-Taqsima tas-Sidien tal-Kera fl-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżvilupp, il-President tal-MDA Michael Stivala wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn il-bidliet.
Qal li s-sistema l-ġdida se tipprovdi “infurzar awtomatiku” għax l-awtoritajiet tal-gvern “m’għandhomx ir-riżorsi biex iħabbtu bieb bieb u jwettqu l-infurzar fiżikament.”
Madankollu, Stivala appella għal emenda fil-leġiżlazzjoni attwali li tistabbilixxi l-limitu ta’ sitt persuni, ħalli tkun tista’ tippermetti iżjed minn sitt inkwilini fl-akkomodazzjonijiet akbar. L-iżviluppaturi huma wieħed mill-impjegaturi ewlenin tal-ħaddiema li mhumiex mill-UE, u fil-fatt l-isfruttament taċ-cheap labour mill-industrija hu ddokumentat ferm f’din l-industrija.
Filwaqt li skontu, il-bidliet li qed jipproponi Galdes se “jagħmlu pressjoni fuq il-provista [tal-appartamenti], Stivala xejjen kull tħassib li l-limiti kienu se jqalftu ‘l barra lill-inkwilini b’pagi baxxi minħabba l-prezz tal-kiri. Qalilna li l-akkomondazzjonijiet li jinsabu “fil-pipeline” u għad iridu jinbnew se jkunu qed jaħsbu għal din id-domanda, iżda injora għalkollox il-maġġorparti l-kbira tal-appartamenti fis-suq illum u li dawn diġà hemm wisq minnhom tant li qed jibqgħu bosta minnhom vojta.
Stivala ġie kkritikat bil-bosta aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra wara li qal li Malta hija ferm isbaħ illum milli kienet 20 sena ilu. Din id-dikjarazzjoni għamilha fuq il-poddata ta’ Jon Mallia meta kien qed jiġi mistoqsi fuq l-iżvilupp żejjed u s-suq tal-proprjetà.
Waqt diskussjoni fuq is-settur tal-akkomodazzjoni f’Malta x-xahar l-ieħor, is-CEO tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li l-aġenziji tal-gvern kienu sfurzati joħorġu leġiżlazzjoni u politika “reattivi”. Qal li fis-settur hemm “nuqqas qawwi ta’ dejta” u dan qed ixekkel lill-gvern milli jdaħħal leġiżlazzjoni progressiva.
Il-mistoqsijiet ta’ The Shift lil Galdes għal iżjed dettalji dwar ir-‘riforma’ mwiegħda baqgħu ma tweġbux sal-ħin tal-pubblikazzjoni.