L-offerenti tal-Evans ordnati jestendu l-offerti tagħhom sakemm l-OPM jitħabat biex isolvi l-intoppi

L-evalwazzjoni tal-offerti li għaddejja bħalissa biex jiġi ddeterminat liema offerta għandha tingħata l-konċessjoni tal-gvern għal 65 sena biex il-binja ikona tal-Evans max-xatt tal-Belt Valletta tinbidel f’lukanda lussuża ħadet żvolta ġdida dan l-aħħar hekk kif l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (l-OPM) talab iżjed żmien biex jilħaq isib ‘soluzzjoni’.

Minkejja li l-gvern kien mistenni jħabbar l-offerta rebbieħa l-ġimgħa l-oħra, id-Dipartiment tal-Kuntratti talab iżjed żmien biex ikunu jistgħu jissolvew il-problemi serji li nqalgħu matul il-proċess.

The Shift hu infurmat li għal għarrieda, l-offerenti kollha li qed jikkompetu għal din il-konċessjoni attraenti, intalbu individwalment biex jestendu l-validità tal-offerta tagħhom bi tliet xhur sal-aħħar ta’ Jannar għax il-gvern jeħtieġ iżjed żmien biex jasal għar-riżultat finali.

Lill-offerenti qalulhom ukoll li jekk ma jestendux l-offerta tagħhom, dik l-offerta se titqies ikkanċellata. Madankollu, sorsi qrib il-kumitat tal-evalwazzjoni qalu lil The Shift li l-offerenti kollha qablu li jestendu, u għalhekk ilkoll għadhom fit-taqtigħa.

“Il-kumitat tal-evalwazzjoni għadu qed jaħdem biex jasal għal soluzzjoni legali possibbli minħabba xi sfidi varji li qalgħu żewġ offerenti problematiċi li għadhom qed jikkompetu u li qed jagħmlu pressjoni qawwija fuq il-prim ministru biex jagħtihom il-konċessjoni,” qalulna s-sorsi.

“Filwaqt li l-OPM qed jagħmel pressjoni fuq il-kumitat tal-evalwazzjoni biex jiddeċiedi lejn ċerta direzzjoni, il-membri għadhom mhumiex komdi biżżejjed li jagħmlu dan u jridu assigurazzjonijiet li l-konsorzju li jirrakkomandaw ikun finalment jiflaħ battalja legali fil-qrati, li issa saret inevitabbli,” spjegawlna s-sorsi.

Iridu jissolvew żewġ problemi sinifikanti

Immexxi mill-kriminologu Saviour Formosa u jinkludi wħud mis-segretarji permanenti mingħajr rabta mat-turiżmu jew mas-settur tad-divertiment, il-kumitat tal-evalwazzjoni qed jgħarbel sitt offerti. Dawn jinkludu offerta finanzjarja ta’ €41 miljun minn Katari Hospitality tal-iżviluppatur Paul Attard u offerta oħra ta’ €1.2 miljun minn Valletta Luxury Properties tal-Grupp Eden Leisure tal-familji Decesare u ta’ Mark Weingard tal-Lukandi Iniala.

Fost il-kompetituri l-oħra hemm Iconic Hotel Malta – Nobu li tinvolvi liż-Zammit Tabonas tal-Fortina, HV Hospitality ta’ Hili, il-Grupp AX ta’ Anġlu Xuereb, il-Grupp Seabank ta’ Silvio Debono u Grant Thorton.

Il-kumpaniji li qed jissieltu għall-konċessjoni tal-Binja Evans.

L-akbar kwistjoni fil-proċess tal-evalwazzjoni tinvolvi l-ogħla u l-inqas offerti.

B’offerta ta’ €41 miljun, Katari Holdings ta’ Paul Attard għamlet l-ogħla waħda, u mhux ‘il bogħod warajha hemm it-tieni konsorzju ta’ Iconic Hotel Malta.

Skont is-Sejħa għall-Proposti (RFP), l-evalwazzjoni hi bbażata fuq il-prezz u l-kwalità tal-offerta teknika.

The Shift aktar kmieni kien żvela li l-offerta ta’ Katari Holdings ta’ Attard sabet intopp għax jidher li d-dejta u l-kontijiet finanzjarji tal-kumpanija tal-aħħar tliet snin ta’ qabel is-sejħa, bħala rekwiżit partikolari tal-istess sejħa, ġew ‘ikkoreġuti’ sostanzjalment l-għada biss li l-gvern estenda l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti.

Din il-mossa qajmet bosta suspetti ta’ prattiċi kreattivi tal-kontabbiltà biex il-kumpanija ta’ Attard tkun tista’ tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà.

Meta mistoqsi minn The Shift dwar allegazzjonijiet li d-dejta finanzjarja tal-kumpanija tiegħu ġiet “ikkoreġuta”, Attard ma weġibx.

Paul Attard, azzjonist fil-ġgant tal-kostruzzjoni GAP Developments, jitqies persuna qrib il-Prim Ministru Robert Abela u l-amministrazzjoni tiegħu. Bħalissa hu involut f’bosta kuntratti li jinvolvu artijiet pubbliċi.

Fost l-aħħar applikazzjonijiet tiegħu hemm dik biex jibni blokok tal-appartamenti fuq art pubblika tal-Enemalta u tal-Awtorità tal-Artijiet, li qabel kienet tintuża mill-faċilità tal-LPG f’Birżebbuġa.

Sal-lum, Attard mhuwiex is-sid ta’ din l-art, u kemm il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli u anki l-Awtorità tal-Artijiet għadhom ma weġbux il-mistoqsijiet li bagħat The Shift dwar din il-materja.

Dan l-aħħar Attard kien involut ukoll fl-akkwist ta’ biċċa art verġni ġmielha fil-Mellieħa, bi prezzijiet tas-suq sottovalutati mill-Awtorità tal-Artijiet, biex ikun jista’ jibdilha fi flettsijiet.

Iżda anki Valletta Luxury Projects, il-konsorzju li għamel l-inqas offerta, qed joħloq bosta problemi.

B’offerta ta’ €1.2 miljun, in-negozjanti tal-Eden Leisure u l-Iniala kienu ġew ikklassifikati fl-aħħar post mid-Dipartiment tal-Kuntratti, għall-inqas mil-lat tal-ammont offrut.

Madankollu, malli ġiet ippubblikata l-informazzjoni dwar l-offerti, dan il-konsorzju kkummenta mal-midja tal-ħbieb li l-offerta tiegħu kienet ġiet interpretata ħażin u trid tinqara bħala €78 miljun jew €1.2 miljun fis-sena.

Minkejja din it-tħabbira pubblika, iżda, il-konsorzju xorta ma kkoreġiex is-sottomissjoni tiegħu u minflok qed jagħmel pressjoni mal-OPM biex jagħtih il-konċessjoni.

Il-bqija tal-offerenti lkoll oġġezzjonaw għal dan, inkluż mal-OPM, u qalu li l-offerta għandha tiġi skwalifikata minħabba ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku, u li l-gvern aktarx ikollu jħabbat wiċċu ma’ battalja legali qalila fil-qorti jekk jagħtihom il-konċessjoni.

Filwaqt li qed janalizza din is-sitwazzjoni kumplessa, il-gvern talab estensjoni ta’ tliet xhur biex jesplora mogħdijiet legali kif jista’ jagħti l-konċessjoni u fl-istess ħin jevita l-isfidi fil-qrati.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo