Is-segretarji permanenti u tal-kabinett ingħataw pensjoni speċjali bil-moħbi

Is-segretarji permanenti fis-servizz pubbliku u s-segretarju tal-kabinett ingħataw pensjoni oħra speċjali bil-moħbi, b’emenda malajr malajr fl-2019 fl-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika li ma semmiet xejn mill-parlamentari.

L-emenda, approvata mill-Partit Laburista u anki mill-Partit Nazzjonalista erba’ snin ilu, ma semmiet xejn fl-apert u ma ħarġitx fil-midja ħlief illum.

Dan l-emenda tagħti “pensjoni privileġġjata tas-servizz” minbarra l-pensjoni regolari tal-Istat lis-segretarji permanenti u tal-kabinett li jkunu servew imqar terminu wieħed, u li ħafna minnhom kienu tpoġġew fil-kariga tagħhom mill-ministri jew mill-prim ministru.

Permezz ta’ din it-tieni pensjoni mingħajr limitu, apparti l-pensjoni l-oħra li jikkwalifikaw għaliha bis-saħħa tal-bolol imħallsa tal-kontribuzzjoni nazzjonali, issa dawn ingħaqdu mal-parlamentari u mal-membri tal-ġudikatura.

Din il-bidla fl-Ordinanza tal-Pensjonijiet toħloq kategorija oħra ta’ pensjonanti bi privileġġi li ċ-ċittadini ordinarji m’għandhomx, anki jekk il-privileġġjati jkunu servew biss terminu wieħed.

Il-kandidat indipendenti għal MEP Arnold Cassola kixef din is-sitwazzjoni f’post fuq il-midja soċjali li tiżvela l-privileġġi tal-emenda “sigrieta” lil dawk f’ċerti pożizzjonijiet politiċi.

Minn riċerka li għamel The Shift joħroġ li l-emenda fil-liġi ddaħħlet fl-att parlamentari u saru emendi oħrajn żgħar fil-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Dan ifisser li l-emenda fl-Ordinanza tal-Pensjonijiet għaddiet mill-parlament inkiss inkiss, tattika aktarx deliberata.

Waqt li kienet fl-istadju tal-kumitat parlamentari, f’Jannar 2019, is-segretarju permanenti prinċipali ta’ dak iż-żmien Mario Cutajar kien attenda l-laqgħa tal-kumitat parlamentari biex jiżgura li l-emenda tiddaħħal fil-liġi kif kien qed jiġi propost.

Cutajar imbagħad kien wieħed mill-ewwel pensjonanti li bbenefikaw mill-pensjoni privileġġjata meta rtira mill-kariga sena wara, fl-2020.

Fost benefiċjarji oħrajn ta’ din il-pensjoni privileġġjata hemm bosta segretarji permanenti li servew taħt amministrazzjoni Nazzjonalista sal-2013 li nbidlu malli l-Labour tela’ fil-poter.

The Shift hu infurmat li dawn l-eks segretarji permanenti “privileġġjati” għamlu pressjoni fuq il-Partit Nazzjonalista biex jivvotaw favur il-bidliet legali li kien qed jippreżenta l-gvern.

X’inhi l-pensjoni privileġġjata tas-servizz?

Skont il-liġi Maltija, dawk kollha li jirtiraw mix-xogħol u li jkunu ħallsu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali (il-bolol) għal ammont ta’ snin huma intitolati għal pensjoni kontributorja meta jagħlqu l-65 sena.

Minkejja li din kellha tammonta għal żewġ terzi tal-paga regolari tagħhom fiż-żmien meta jirtiraw, l-ammont eliġibbli tal-pensjoni ġie limitat u dan il-limitu ma jistax jinqabeż. Ħafna drabi dan l-ammont ma jistax jaqbeż l-€1,300 fix-xahar.

Fl-1975, il-prim ministru Laburista ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff kien daħħal pensjoni unika tas-servizz, esklussivament għall-membri tal-parlament. Permezz ta’ dik il-liġi kontroversjali, il-membri parlamentari li jservu għal żewġ termini, isiru eliġibbli għat-tieni pesjoni minbarra l-pensjoni l-oħra kontributorja.

It-tieni pensjoni ma kellhiex limitu, u l-benefiċjarji ġew intitolati għal żewġ terzi tal-onorarja parlamentari, li tiżdied kull darba li l-membri parlamentari jkollhom xi żieda. Din kienet ġiet estiża wkoll għall-membri tal-kabinett u għall-President ta’ Malta, biex issa għandhom it-tieni pensjoni bi privileġġi mingħajr limitu fuq is-salarju attwali tal-aħħar kariga politika li jkunu okkupaw.

Ftit snin ilu, bħala inċentiv biex l-aqwa imħuħ jingħaqdu mal-ġudikatura, bdiet tingħata pensjoni privileġġjata simili lill-imħallfin u lill-maġistrati, u żdiedet l-età tal-irtirar għal 68 sena.

Issa b’din l-emenda legali mingħajr daqq ta’ trombi, dawk kollha li okkupaw, qed jokkupaw jew se jokkupaw il-kariga ta’ segretarju permanenti prinċipali, segretarju permanenti jew segretarju tal-kabinett imqar għal terminu wieħed, ilkoll huma eliġibbli għal pensjoni tas-servizz addizzjonali mal-pensjoni kontributorja tagħhom.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Mario P. Attard
Mario P. Attard
4 months ago

Mhux hekk, u min hadem u hallas 44 sena bolli bil capping

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo