Kuntratt speċjali lis-CEO il-ġdida tal-OHSA biex tibqa’ taħdem fil-privat ukoll

Id-direttiva tal-prim ministru ġiet injorata

 

Josianne Cutajar li dan l-aħħar inħatret CEO tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (l-OHSA), ingħatat kuntratt tal-impjieg speċjali li jippermettilha tokkupa l-kariga tagħha mal-gvern u xorta waħda tibqa’ taħdem bħala tabiba fil-klinika privata tagħha.

Il-kuntratt il-ġdid tagħha li The Shift kiseb b’talba tal-libertà tal-informazzjoni (FOI) jikser ukoll direttiva li ħareġ il-Prim Ministru Robert Abela. Din id-direttiva tgħid li s-CEOs tal-aġenziji tal-gvern ma jistgħux jibqgħu jaħdmu fil-privat.

Minkejja li l-ħatra l-ġdida ta’ Cutajar hi distinta għalkollox mill-professjoni medika, is-CEO ingħatat l-hekk imsejjaħ “Kuntratt B+6 tal-Principal General Practitioners” riżervat biss għat-tobba tal-mediċina prattikanti impjegati mas-servizz nazzjonali tas-saħħa.

Iffirmat miċ-chairman tal-OHSA David Xuereb, li, apparti mill-bosta ħatriet differenti mal-gvern, xorta joffri s-servizzi tiegħu bħala konsulent privat, il-kuntratt ta’ Cutajar jippermettilha li żżomm l-impjieg primarju tagħha bħala tabiba fis-servizz nazzjonali tas-saħħa anki jekk ikollha titkeċċa mill-OHSA minħabba inkompetenza u kondotta mhix xierqa.

Dan ifisser li minkejja li hija s-CEO ta’ aġenzija li m’għandha x’taqsam xejn mal-professjoni tas-saħħa, Cutajar baqgħet fuq il-kotba tas-sistema nazzjonali tas-saħħa biex ikun salvagwardjat l-impjieg preċedenti tagħha.

Il-kuntratt il-ġdid tagħha jippermettilha tibqa’ tara l-pazjenti u titlobhom il-ħlas, b’kunflitt ta’ interess ċar mar-rwol tagħha, peress li l-pazjenti privati tagħha jistgħu jinkludu klijenti tal-OHSA, fosthom negozjanti jew kuntratturi li jaqgħu fis-sorveljanza tal-istess awtorità.

Sorsi qrib l-OHSA ddeskrivew il-kundizzjonijiet mogħtija lil Cutajar bħala “skandalużi” għax il-pożizzjoni l-ġdida tagħha m’għandha x’taqsam xejn mal-professjoni medika. Ma jistax jinftiehem għalfejn bħala s-CEO tal-awtorità regolatorja tar-regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, Cutajar ingħatat kuntratt relatat ma’ impjieg tat-tobba prattikanti fis-servizz nazzjonali tas-saħħa.

“Minbarra l-fatt li Cutajar m’għandha l-ebda għarfien jew esperjenza esperta fis-saħħa u s-sigurtà, għax hi rreġistrata mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (il-MAM) bħala tabiba prattikanti ġenerali, jidher ċar li hi ngħatat kuntratt li jiġbor l-allowances kollha disponibbli u riżervati għat-tobba li jaħdmu mas-servizz pubbliku,” qalulna s-sorsi.

“U għax dan ma kienx biżżejjed u bi ksur ċar tad-direttiva mħabbra pubblikament mill-prim ministru, Cutajar ingħatat ukoll eċċezzjoni, biex tagħmel eżattament bil-kontra tal-istruzzjonijiet ta’ Kastilja.”

Filwaqt li l-ftehim kollettiv bejn il-MAM – l-assoċjazzjoni Maltija tat-tobba – u l-gvern hu sigriet statali, għax sal-lum għadu ma ġiex ippubblikat, bosta esperti fil-qasam li tkellmu ma’ The Shift qalulna li l-kuntratt u l-pakkett mogħtija lil Cutajar aktarx jaqbżu l-€100,000 fis-sena.

Apparti minn paga bażika bħala tabiba, ingħatat ukoll l-ogħla ħlasijiet tal-extra duty possibbli fil-ftehim kollettiv tat-tobba, u saħansitra fil-kuntratt tagħha hemm ukoll allowance maħsub u riżervat għat-tobba li jagħtu t-taħriġ prattiku fl-isptarijiet, fosthom it-tutors tal-postgradwati, anki jekk hi mhix se tkun preżenti f’xi sala medika tal-isptar.

Silta mill-kuntratt il-ġdid ta’ Cutajar lijuri l-perkaċċi kollha tagħha

Cutajar, l-eks CEO ta’ entità governattiva oħra, tar-residenza għall-anzjani San Vincenz De Paul (SVDP), intgħażlet għal din il-kariga mingħajr sejħa mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi Stefan Zrinzo Azzopardi.

Anki meta kienet tmexxi l-SVDP, Cutajar kienet baqgħet taħdem fil-klinika privata tagħha f’San Pawl il-Baħar u tara privatament lil bosta pazjenti li kellhom bżonn l-assistenza f’SVDP.

Tul it-terminu ta’ Cutajar ngħataw bosta offerti u direct orders skandalużi li swew lill-poplu għexieren ta’ miljuni tal-ewro, fosthom l-akbar direct order li qatt ingħatat ta’ iżjed minn €300 miljun b’rabta mal-estensjoni ta’ dik ir-residenza tal-anzjani.

Madankollu, minkejja l-prestazzjoni tagħha, Cutajar xorta waħda ntgħażlet biex tmexxi aġenzija sensittiva li bħalissa għandha ħafna pressjoni biex tirregola l-industrija tal-kostruzzjoni.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo