Heritage Malta tiċċelebra anniversarju b’party ta’ €45,000

L-aġenzija Maltija tal-wirt nazzjonali – Heritage Malta – nefqet aktar minn €45,000 f’party biex tiċċelebra l-20 anniversarju tagħha f’Settembru li għadda, skont informazzjoni mogħtija fil-parlament. Iżda din l-informazzjoni ma pprovdiet l-ebda dejta dwar liema fornituri tqabbdu u kif tqabbdu.

L-aġenzija kienet ġiet stabbilita bl-Att dwar il-Wirt Kulturali u hi responsabbli biex tmexxi l-mużewijiet, is-siti storiċi u l-kollezzjonijiet tagħhom, u li tikkonservahom madwar il-pajjiż.

Għal dan il-party li sar fil-Forti Sant’Iermu, wieħed mis-siti storiċi li tieħu ħsieb l-aġenzija, iċ-chairman Mario Cutajar u s-CEO Noel Zammit ippjanaw serata ta’ videos dwar ħidmet l-aġenzija matul is-snin u wara kien hemm reception bil-mużika live.

Skont l-informazzjoni mogħtija fil-parlament lid-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra, dan il-party ta’ tliet sigħat tħallas kollu mill-fondi pubbliċi u tella’ kont ta’ aktar minn €45,000.

Il-flus intefqu għall-catering, id-dawl u s-sound, u għal servizzi oħra tal-ospitalità, filwaqt li l-post kien gratis għax dan jinsab fil-kustudja ta’ Heritage Malta stess.

Ma ngħata l-ebda dettall dwar l-arraġamenti għall-akkwist tas-servizzi għas-serata, iżda uffiċjali minn Heritage Malta qalu lil The Shift li l-fornituri kienu dawk magħrufin li huma qrib il-Partit Laburista u li għandhom karriera jintgħażlu għal avvenimenti simili.

Fejn jidħlu l-ispejjeż għal servizzi individwali, apparti li ntefqu xi €5,000 għall-ikel, intefqu wkoll mill-anqas €11,000 biex inkrew xi skrins tal-LED biex jipproġettaw id-diskors ta’ Cutajar.

Il-materjal awdjoviżiv, il-videos mużikali u l-iffilmjar għall-okkażjoni swew lill-poplu €11,000 oħra, filwaqt li ntefqu €6,000 biex inkera l-apparat tad-dawl u €3,000 għas-sistema tas-sound.

Għall-party tqabbad ukoll DJ għal €1,300 biex jiddeverti lill-mistednin.

Cutajar qatta’ bosta snin fil-General Workers’ Union bħala deputat segretarju ġenerali qabel irreżenja minħabba differenzi li kellu mal-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien. Imbagħad kien intbagħat jaħdem Heritage Malta iżda ngħata l-ġenb minħabba xi diżgwid mat-tmexxija tagħha. Aktar tard Cutajar kien iddikjara li kien ġie diskriminat u rebaħ kawża fil-qorti, u ngħata kumpens.

Meta l-Labour kiseb il-poter f’idejh fl-2013, Cutajar inħatar il-kap taċ-ċivil u mbagħad ħa l-kariga ta’ direttur eżekuttiv ta’ Heritage Malta.

Wara li rtira mis-servizz pubbliku, ftit wara li Robert Abela laħaq prim ministru, hu nħatar chairman ta’ Heritage Malta, b’suppliment addizzjonali mal-pensjoni ta’ ftit eluf tal-ewro fis-sena.

Tul it-terminu tiegħu, Heritage Malta daħlet f’bosta kontroversji, fosthom meta ħarġu pjanijiet biex il-bitħa ewlenija tal-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina tinbidel f’restorant alfresco b’direct order. Il-pjan kien eventwalment ingħata l-ġenb wara kritika u tgergir qawwi mill-pubbliku.

Hekk ġara wkoll fil-każ tal-katakombi Ta’ Bistra, li nkrew lil restorantier tal-qalba mill-Mosta.

Wara bosta rappurtaġġi ta’ The Shift dwar it-tmexxija ħażina tal-aġenzija, Noel Zammit, ic-CEO magħżul minn Cutajar, bagħat memo lill-ħaddiema kollha tal-aġenzija biex iwissihom b’passi dixxiplinarji jekk jagħtu informazzjoni lil terzi.

                           
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Opinjoni: Meta l-mistħija tmut
This opinion was originally written in English. This below
L-offerent rakkomandat għal €600 miljun inċineratur kien investigat fi Franza fl-2022
This article is available in English. Is-CEO tal-kumpanija Franċiża

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo