Falliment totali fi grad ta’ eċċellenza

Tul l-aħħar erba’ snin, dak li minn uffiċjal tal-PR tal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat spiċċa l-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, kien għaddej b’kampanja aggressiva dwar kif l-iskema tar-rebate f’Malta u l-gvern tal-Partit Laburista kien taw spinta lill-industrija tal-films, li ħolqu xogħol fil-films f’kull perjodu tas-sena, u li f’din l-industrija li dejjem qed tikber hemm jaħdmu 1,400 persuna.

Biex iwassal dan il-messaġġ, hu juża l-uċuħ ta’ membri tal-kru Maltin u barranin, u l-islogan ‘Jobs għall-Maltin’. Iżda fil-frattemp, bosta produtturi Maltin tal-films li kienu ġew allokati madwar €1.5 miljun bħala fondi mill-Iskema Malta Kreattiva biex jiktbu, jiżviluppaw u jipproduċu l-films tagħhom, għadhom kemm ġew infurmati mill-Kummissjoni tal-Films li se jkun hemm xi dewmien fl-għoti ta’ dawn il-fondi li kienu wegħduhom.

Skont bosta sorsi li tkellmu ma’ The Shift, il-kru tħallew imdendlin mingħajr ħlas.

Allura wieħed jistaqsi, x’inhu jiġri hawn? Il-kummissjoni spiċċat fixxa?

Fit-13 ta’ Lulju li għadda, l-iScreen Actor’s Guild (SAG) fl-Amerka sejħet għal strajk tal-atturi, li finalment wassal għal waqfien fil-filming ta’ Gladiator 2 tal-Paramount Pictures li qed jidderiġih Ridley Scott. Dan il-film qed jingħata servizzi lokali mill-kumpanija tal-produzzjoni tal-films Latina Pictures ta’ Winston Azzopardi.

Il-konsegwenzi tal-istrajk u l-impatti li ħalla fuq id-dinja tal-films f’Malta kienu ġmielhom – mijiet ta’ kru tilfu l-impjieg tagħhom, fornituri terzi li jagħtu ċerti servizzi spiċċaw tilfu bosta dħul li kienu qed jipproġettaw li jagħmlu, filwaqt li l-lukandiera spiċċaw b’mijiet ta’ kmamar vojta.

Xahar wara, f’Awwissu, it-Times of Malta żvelaw li Gladiator 2 hu proġettat li jirċievi €47 miljun bħala cash rebate mill-kaxxa ta’ Malta, jiġifieri “l-akbar għajnuna mill-Istat liċ-ċinema fl-UE”.

Kif tista’ l-Kummissjoni timpenja ruħha li tħallas €47 miljun lil kumpanija tal-films Amerikana u ma jkollhiex fondi għall-produtturi tal-films lokali?

Ir-reazzjoni ta’ rabja kienet mistennija u l-pubbliku wera d-diżapprovazzjoni tiegħu. Il-Kummissarju tal-Films irreaġixxa billi qal li l-impjiegi tal-Maltin kienu qed jiġu “attakkati” u li hu kien se jżomm sod biex jipproteġi lill-ħaddiema Maltin tal-films.

Minnufih jidher li kienet bdiet kampanja tal-PR biex ittaffi l-ħsara li kienet qed issir bid-deċiżjonijiet bla sens ta’ persuna li kien daħħalha f’rasu li jibqa’ jissemma bħala l-aktar kummissarju tal-films ta’ suċċess u bħala dak li kisser l-industrija, bil-barka tal-ministru tiegħu Clayton Bartolo li ħataf kull opportunità għal ritratt u biex iroxx il-wegħdi fiergħa.

Allura, min eżattament qed jhedded l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin tal-films?

Sorsi mill-industrija qalu lil The Shift li “Johann Grech għandu jkun apprezzat li żied ir-rebate għal 40% għax din poġġiet ir-rebate ta’ pajjiżna fl-istess livell ma’ ġurisdizzjonijiet kompetituri oħra. Madankollu, hu kien irresponsabbli li żied ukoll il-parametri tal-ispejjeż eliġibbli, li aktarx issa għamlu r-rebate mhux sostenibbli.

Issa li produzzjoni waħda qed tingħata €47 miljun (u aktar) minn total ta’ €50 miljun permissibbli mhu se jibqa’ xejn għall-produzzjonijiet l-oħrajn. Mingħajr rebate, ma teżisti l-ebda industrija tal-films, u dawk kollha li jiddependu fuq din l-industrija għall-għajxien tagħhom se jispiċċaw b’xejn.”

Qalu wkoll lil The Shift li mhuwiex minnu li l-ispejjeż li jgħoddu għar-rebate kienu qed jintefqu f’Malta bħalma qal il-kummissarju tal-films. Dwar dan semmewlna eżempju wieħed minn bosta: ma jistax ikun li issa anki l-pagi tal-kru barranin huma eliġibbli, meta qabel il-pagi tal-Maltin, tal-Ewropej u tal-Ingliżi biss kienu eliġibbli.

“Dan waħdu, hu diġà attakk fuq l-impjiegi tal-kru Maltin,” insistew magħna.

Issa l-films Maltin qed jitħallew b’xiber imnieħer, u l-kru u dawk li jfornu s-servizzi qed jirriskjaw li jkollhom jistennew biex jitħallsu jew ma jitħallsu xejn.

Hemm mill-anqas tliet films Maltin li qed jiġu ffilmjati bħalissa jew li għadhom kif spiċċaw jiffilmjaw, u li kellhom jaraw x’se jagħmlu meta rċivew din l-aħbar li m’hemmx flus għalihom.

Anki oħrajn li ġew imwiegħda għotjiet tal-awturi jew fondi tal-iżvilupp biex joħolqu l-proġetti tal-films tagħhom spiċċaw isaffru l-Aida.

Għalfejn m’hemmx flus għall-films Maltin?

Dan kollu qed jiġri waqt li s-€47 miljun li twiegħdu lill-produzzjoni Amerikana mhumiex se jingħataw lill-produtturi tal-films lokali. Tajjeb jingħad li dawk il-fondi qed jiġu allokati għal żewġ produzzjonijiet Amerikani – Napoleon u Gladiator 2 – li għandhom l-istess produttur u direttur.

Allura bir-raġun kollu li wieħed jistaqsi jekk dawk il-linji gwida tfasslux apposta għall-benefiċċju ta’ dawn iż-żewġ produzzjonijiet.

Il-produttur Aidan Elliott kien qal:  “Kienet qed tissemma verżjoni oħra, xi White Paper mhux approvata li kienet qed tinħema mill-gvern, u l-idea kienet li aħna nkunu l-ewwel film li effettivament jieħu vantaġġ minnha, u aħna aċċettajna bil-qalb kollha.”

Allura kif produttur barrani jasal għal widnejh li hemm “White Paper mhux approvata” meta l-Assoċjazzjoni tal-Produtturi Maltin qalet li l-linji gwida kienu ħarġu mingħajr konsultazzjoni?

Il-kelliema tal-oppożizzjoni Julie Zahra qalet li għandu jkun hemm limitu għall-fondi mogħtija lil produzzjoni waħda tal-films.

Din jidher li hi idea sensibbli u hekk fil-verità jiġri f’pajjiżi oħrajn, iżda l-kummissarju tal-films xorta ħareġ jikkritika d-diskors ta’ Zahra bħala attakk fuq il-ħaddiema Maltin tal-films.

Fil-frattemp, l-istrajk fl-Amerka ċaħħad lil produtturi tal-films oħrajn milli jużaw il-faċilitajiet ewlenin tal-films f’Malta, bħall-fetħa fil-Forti Ricasoli u l-Malta Film Studios. L-istrutturi li bniet il-produzzjoni baqgħu jokkupaw l-ispazju meħtieġ mill-produzzjonijiet tal-films l-oħra, allavolja mhumiex jintużaw minħabba l-istrajk fl-Amerka.

Sorsi mill-industrija qalu lil The Shift li bosta proġetti oħrajn kellhom jiġu posposti għax il-faċilitajiet kienu mwaħħlin.

Hemm ħemel ta’ mistoqsijiet li jeħtieġu t-tweġiba. Għalfejn qegħdin intellfu l-qaleb u l-ġbejna lil produzzjonijiet tal-films oħrajn minħabba film wieħed? Paramount Pictures qegħdin iħallsu għall-Fort Ricasoli u għat-tankijiet tal-ilma bl-istess rati tul dan iż-żmien, jew qed jingħataw xi trattament preferenzjali?

Kien hemm xi ksur materjali taċ-ċertifikat proviżorju tal-Kummissjoni tal-Films maħruġ għal Gladiator 2? Il-linji gwida tal-cash rebate jgħidu:

3.7. BIDLIET FIL-PROĠETT

Iċ-ċertifikat proviżorju jinħareġ abbażi tal-informazzjoni mogħtija waqt il-proċess tal-applikazzjoni. Kull bidla materjali jew tal-kontenut fl-informazzjoni mogħtija lill-Kummissarju tal-Films b’rabta ma’:

• bidliet sinifikanti fil-proġett (mil-lat ta’ personnel ewlieni)

• bidliet sinifikanti fl-iskedi

• bidliet sinifikanti fil-baġit

li fuqhom ikun issejjes il-ħruġ taċ-ċertifikat, li jistgħu jinqalgħu tul-proġett, iridu jiġu notifikati u maqbula mill-Kummissarju tal-Films. Mingħajr dan il-qbil, jitqies li jkun hemm ksur materjali tal-kundizzjonijiet taċ-ċertifikat.

Allura l-Kummissarju tal-Films qabel mal-bidliet?

Indubjament kien hemm bidla sinifikanti fl-iskeda u bidla konsiderevoli fil-baġit. Il-kummissarju tal-films għandu mezz ċar biex ma jħallasx is-somma ta’ aktar minn €47 miljun mit-taxxi tagħna lil Paramount Studios. Allura x’aċċetta eżattament?

Il-poplu Malti li jħallas it-taxxi għandu d-dritt ikun jaf. Hawn qed nitkellmu fuq sogru tal-pożizzjoni ta’ Bartolo u Grech, u l-ebda pożi tal-PR biex isalvaw l-impjiegi tal-Maltin m’huma se jsalvawhom milli jitqaċċtu minn posthom.

Il-gvern Malti se jiffavorixxi lil entità barranija flok lil min iħallas it-taxxi, u jħalli lill-prodotturi Maltin tal-films jagħmlu s-sagrifiċċji filwaqt li jipperikola l-eżistenza sħiħa u l-kontinwazzjoni tal-industrija tal-films f’Malta?

Dan hu falliment totali fi grad ta’ eċċellenza liema bħalha, u li ma titwemminx.

Johann Grech – l-espert tal-marketing tal-Partit Laburista – hu l-perċimes ta’ dan kollu, u jidher li għandu kull libertà biex jiddeċiedi kif irid id-destin tal-industrija filwaqt li jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet dwar il-miljuni li nefaq mingħajr nitfa kontabbiltà.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo