2022: Malta bir-raba’ l-akbar defiċit fl-UE

Malta rreġistrat defiċit ta’ 5.7% tal-GDP fl-2022, jiġifieri r-raba’ l-ogħla minn fost is-27 Stat Membru tal-UE, skont dejta ġdida ppubblikata mill-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, il-Eurostat.

Għalkemm Malta kellha wieħed mill-akbar tkabbir ekonomiku mil-lat ta’ GDP fl-2022, id-dejta toħroġ fid-dieher li fl-2022, Malta nefqet €982 miljun iżjed milli daħlet, u b’hekk id-dejn nazzjonali żdied għal rekord ta’ €9 biljun.

Safrattant, minkejja d-dejn ġenerali tagħha, Malta baqgħet fi 52.3% tal-GDP, jiġifieri xorta taħt il-limitu tas-60% permess fl-UE.

Iżda peress li d-defiċit annwali tal-pajjiż kien ferm iżjed mit-3%, pajjiżna mistenni jkollu jaffaċċja Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv li ġġiegħel lil Malta tnaqqas in-nefqa tagħha ġaladarba l-UE terġa’ ddaħħal fis-seħħ dawn ir-regoli tagħha wara s-sospensjoni minħabba l-pandemija.

Skont il-Eurostat, id-defiċit ta’ Malta fl-2022 kien ir-raba’ l-ogħla fost l-Istati Membri tal-UE, jiġifieri inqas biss mill-Italja (8%), mir-Rumanija (6.3%) u mill-Ungerija (6.2%).

Id-defiċit medju fl-UE fl-2022 kien 3.3%

Minn mindu kisbet ir-riedni tal-pajjiż f’idejha f’Jannar 2020, l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela żiedet id-dejn pubbliku tal-pajjiż b’madwar €3.5 biljun – minn €5.7 biljun għal €9.2 biljun sa tmiem Ġunju li għadda.

Fit-tliet snin u nofs kemm ilha tmexxi l-pajjiż, il-livelli tad-dejn żidithom għal 61.4%, filwaqt tul is-sena l-oħra biss żdiedu €756.8 miljun oħra mad-dejn. Barra minn dan, il-poplu qed iħallas ukoll madwar €3.85 miljun fil-ġimgħa f’imgħaxijiet biss filwaqt li r-rati tal-imgħax qed ikomplu jogħlew.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Programm tar-Riforma Nazzjonali ta’ Malta tal-2023, ippubblikata f’Ġunju li għadda, twissi li l-Kummissjoni Ewropea indikat li se tipproponi l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv kontra Malta fir-rebbiegħa tal-2024, u din se tiddependi mid-dejta ta’ Malta għall-2023.

F’Mejju li għadda, il-Kummissjoni kienet ippubblikat rapport dwar is-sitwazzjoni baġitarja ta’ Malta peress li d-defiċit ġenerali tal-gvern fl-2022 kien qabeż il-limitu ta’ 3% tal-GDP. Dak ir-rapport ikkonkluda li l-kriterji tad-defiċit tal-UE ma kinux intlaħqu.

Minkejja dak il-ksur, il-Kummissjoni xorta ma pproponietx li jinfetħu proċeduri ta’ defiċit eċċessiv kontra Malta fir-rebbiegħa li għaddiet, iżda qalet li kienet se tipproponi dan tul is-sena d-dieħla.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo