Il-finanzi tal-partiti: PL b’defiċit ta’ €2 miljun, PN jikser ir-regoli

Id-donaturi l-kbar min-negozju jibqgħu mistura

 

Il-Partit Laburista (PL) irrapporta defiċit ta’ aktar minn €2 miljun fl-aħħar kontijiet finanzjarji tiegħu, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista (PN) fl-oppożizzjoni ma ppubblikax il-kontijiet annwali tiegħu għall-2021 u għall-2022 u allura l-qagħda finanzjarja tiegħu hi misteru.

Il-kontijiet finanzjarji tal-Labour juru li l-2022 temmha b’defiċit ta’ aktar minn €2 miljun, l-aktar minħabba nfiq relatat mal-kampanja tal-elezzjoni ġenerali, li skont l-istess partit swietu €3.2 miljun.

Il-PN ilu ma jippubblika l-kontijiet finanzjarji tiegħu mill-2020, u dan bi ksur tal-liġijiet elettorali.

Anki l-aħħar dejta dwar id-donaturi u l-ammonti toħloq bosta mistoqsijiet, peress li dawn il-kontijiet finanzjarji u r-rappurtar mill-aktar kreattivi jiżguraw li jħarsu għalkollox il-privatezza tad-donaturi.

Skont ir-regoli dwar id-dikjarazzjonijiet tad-donazzjonijiet, il-partiti jridu jsemmu isem is-sors tad-donazzjonijiet biss jekk dawn ikunu jaqbżu s-€7,000. Dawk li ma jaqbżux dan il-limitu m’għandhomx għalfejn jissemmew fir-rappurtar uffiċjali.

Fir-rapport tad-donazzjonijiet tal-Labour għall-2022, il-partit iddikjara donazzjoni waħda biss ta’ dik it-tip – €10,000 mingħand Paul Gauci, sid il-Pavi u l-Pama, li bħalissa qed jistenna permess mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar dwar ftehim li jħalli l-qligħ.

Il-PL iddikjara li b’kollox irċieva €1.9 miljun f’donazzjonijiet, li ħafna minnhom kienu ferm inqas mis-€7,000 u għalhekk id-donaturi jibqgħu anonimi.

Id-dikjarazzjoni li donazzjoni kbira saret waħda biss toħloq bosta dubji meta hu fatt magħruf li l-negozjanti l-kbar, bħall-iżviluppaturi u l-kumpaniji tal-kostruzzjoni, jagħtu donazzjonijiet sinifikanti lill-partiti, speċjalment lil dawk fil-poter, lejliet l-elezzjoni.

Fl-2022, il-PL irrapporta donazzjoni waħda biss li taqbeż il-limitu.

Min-naħa l-oħra, il-PN għadu lanqas ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali, u r-raġuni mogħtija hi n-nuqqas ta’ riżorsi. B’hekk il-partit qed jikser il-liġi u hu suxxettibbli għal multi imposti mill-Kummissjoni Elettorali.

Sal-lum, il-Kummissjoni, li mhix magħrufa li tħaddem xi approċċ proattiv fejn tidħol is-superviżjoni, għadha ma ħarġitx multa lill-PN għal dan il-ksur.

Ir-rapport tal-Labour, iffirmat mit-teżoriera tal-partit Marisa Ciappara, li inzertat ukoll il-kontrollur finanzjarja tal-ARMS Ltd, u awditjat minn RSM – l-istess kumpanija li uża l-gvern fl-iskandlu tal-isptarijiet lill-VGH, juri li l-partit temm is-sena b’telf ta’ €2.1 miljun.

Sena qabel biss, fl-2021, il-Labour kien għalaq is-sena b’surplus ta’ kważi €1 miljun.

L-akbar nefqa rrapportata mill-PL fis-sena finanzjarja 2022 kienet il-kampanja elettorali, li skontu swiet xi €3.2 miljun, id-doppju ta’ kemm kien irrapporta li swietu l-kampanja tal-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Din is-somma tħalli barra l-fornimenti tas-servizzi mogħtija “b’xejn” minn bosta fornituri minn tiegħu u dawk imħallsa mill-Istat, kif diġà kixef The Shift.

Interessanti li, filwaqt li l-Partit Laburista hu azzjonist maġġoritarju f’bosta kumpaniji, fosthom fil-kumpanija tal-produzzjoni televiżiva tiegħu ONE Productions, ir-rapport tiegħu ma jsemmi xejn dwar il-qagħda finanzjarja ta’ din l-entità kummerċjali ewlenija tiegħu.

Il-kontijiet finanzjarji ta’ ONE Productions, entità kummerċjali separata, ġew ippubblikati l-aħħar fl-2009, bi ksur tal-Att dwar il-Kumpaniji.

L-istess japplika għall-kontijiet finanzjarji tal-entità kummerċjali tal-PN, il-Medialink Communications, li l-kontijiet finanzjarji tagħha ġew ippubblikati l-aħħar fl-2005.

Hu mifhum li ż-żewġ stazzjonijiet televiżivi politiċi jitmexxew b’telf konsiderevoli kull sena.

Filwaqt li l-Kummissjoni Elettorali hi mistennija tivverifika l-integrità ta’ dan ir-rappurtar finanzjarju mill-partiti politiċi, fil-verità dan ma jsirx.

Apparti li minħabba l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni, li tinkludi rappreżentanti taż-żewġ partiti l-kbar, dan ir-“regolatur” m’għandux il-mezzi, inkluż l-esperti, biex jivverifika d-dikjarazzjonijiet.

Dan il-fatt kien issemma wkoll f’rapport tal-Uffiċċju tal-OSCE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) wara l-elezzjonijiet tas-sena l-oħra.

Ir-rapport kien ħareġ fid-dieher li aktarx il-kampanja elettorali swiet ferm iżjed minn kemm ġie rrapportat. Dan qalu fl-aħħar kampanja meta d-dominanza tal-PL fir-riklamar, b’ħafna billboards u riklami online, flimkien mal-attivitajiet tal-massa li jiswew ħafna flus organizzati miż-żewġ partiti, wasslu għal “kampanja elettorali distorta li ffavuriet sproporzjonalment lill-partiti b’ħafna riżorsi.”

Bosta rakkomandazzjonijiet li għamlet l-OSCE mill-2013 sal-lum għal aktar trasparenza fil-finanzjamenti tal-partiti baqgħu fuq l-ixkaffa.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo