Opinjoni: Post perikoluż u riskjuż

Nhar is-7 ta’ Lulju 2017, l-eks Ministru Edward Scicluna kien kiteb ittra lil Werner Langer, iċ-chairman tal-Kumitat tal-Panama Papers (PANA) tal-Parlament Ewropew, wara li dan kien għamel mistoqsijiet dwar it-tkeċċija ta’ Jonathan Ferris minn kap ta’ unità fl-FIAU.

Scicluna kien insista li t-tkeċċija ta’ Ferris kienet “skont il-liġi”.

Sitt snin wara, it-Tribunal Industrijali għadu kemm sab li t-tkeċċija ta’ Ferris kienet illegali, “diskriminatorja”, u “mhux ġustifikata”. Ferris irid jingħata kumpens ta’ €20,000.

It-Tribunal Industrijali kkonferma fiss-entenza tiegħu li kulma qal Scicluna dwar it-tkeċċija ta’ Ferris kien skorrett – ma kien hemm xejn legali fit-tkeċċija tiegħu.

L-FIAU dejjem ħadmet kif xieraq, kien qalilna Scicluna fl-2017.

Le, mhux vera.

“Il-Bord tal-FIAU ħa dawk id-deċiżjonijiet b’mod unanimu u mingħajr indħil estern”.

Assolutament mhux vera.

Tlett ijiem biss qabel tkeċċa Ferris, Scicluna kien għamel attakk qawwi fuq l-FIAU. Kien talab lill-Bord tal-FIAU jispjega kif rapporti dwar Konrad Mizzi, Keith Schembri, il-Bank Pilatus, Adrian Hillman u t-terminal tal-LNG spiċċaw f’idejn il-midja.

Kien qalilna li dawk ir-rapporti kienu nkitbu biex imbagħad jiġu llikjati.

Scicluna kien irrabjat għax dawk ir-rapporti ħarġu fil-beraħ nuqqasijiet serji ta’ konformità fil-Bank Pilatus, filwaqt li l-prim ministru diżonorat Joseph Muscat kien qal li ma kien hemm xejn ħażin.

Dawk ir-rapporti kienu żvelaw li l-kumpanija responsabbli mit-tanker tal-LNG kienet ħallset flus lill-kumpanija 17 Black.

Ikkonkludew li Keith Schembri għandu jiġi investigat dwar tixħim mill-bejgħ tal-passaporti u dwar ħasil tal-flus.

Kixfu strutturi finanzjarji suspettużi ta’ Konrad Mizzi.

Scicluna – illum il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta – deher inkorlat bil-kbir, u beda jixħet it-tort kollu pubblikament fuq l-FIAU. Ħadd ma jaf x’ġara minn wara l-kwinti matul dawk it-tlett ijiem – għax Scicluna ma riedx iwieġeb il-mistoqsijiet.

Scicluna baqa’ jiġi mistoqsi kemm-il darba jekk kienx involut fit-tkeċċija ta’ Ferris. Iżda Scicluna baqa’ sieket.

Fi tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 2702 u 2703 dwar it-tkeċċija, Scicluna kien qal li ma kellu xejn xi jżid.

Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari 347 tad-29 ta’ Novembru 2017, Scicluna kien qal li “ma kienx hemm indħil” iżda rrifjuta li jikkummenta dwar jekk hu kellux aċċess għall-informazzjoni jew jekk kienx involut fil-komunikazzjoni dwar Ferris.

Meta ppressat minn The Shift, il-ministeru tiegħu kien qal, “Il-Ministru m’għandu xejn iżjed xi jżid”.

Anki l-FIAU irrifjutat li twieġeb il-mistoqsijiet.

Iżda l-FIAU kellha ħafna x’taħbi. Ferris kien sar kap tal-unità fl-FIAU fl-1 ta’ Novembru 2016. F’dik il-kariga hu kien wettaq investigazzjonijiet profondi dwar persuni esposti politikament (PEPs). Hu ffirma rapport dettaljat dwar il-flus li ħallset il-kumpanija wara t-tanker tal-LNG lill-kumpanija 17 Black fid-Dubai li sidha hu Yorgen Fenech.

Il-Bord tal-FIAU naqas milli jiffinalizzah.

Żewġ rapporti dwar Keith Schembri li tlestew f’Ġunju u f’Novembru 2016, kienu ngħaddew lill-pulizija. Rapport ieħor dwar Konrad Mizzi kien ġie konkluż iżda l-Bord tal-FIAU qatt ma ltaqa’ biex jiddeċiedi li jgħaddih lill-pulizija.

Sa Mejju 2017, għalkemm kien għadu kap tal-unità, Ferris kien tħalla barra minn kull diskussjoni tal-FIAU dwar il-PEPs.

L-FIAU stenna sakemm il-Labour jirbaħ l-elezzjoni tal-2017 li kienet saret fit-3 ta’ Ġunju. Xi ġranet wara, Ferris tkeċċa flimkien ma’ Charles Cronin, uffiċjal għoli ieħor tal-FIAU b’esperjenza twila fis-settur tas-servizzi finanzjarji f’Londra, Jersey u Frankfurt.

Dawn it-tnejn tkeċċew wara deċiżjoni unanima mill-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU b’rakkomandazzjoni tad-direttur tal-FIAU, Kenneth Farrugia.

Dak il-Bord tal-Gvernaturi kien ippresedut mill-eks Avukat Ġenerali Peter Grech. Fuq il-Bord kien hemm ukoll il-kandidat magħżul ta’ Edward Scicluna, Silvio Valletta, ir-raġel tal-eks ministru Justyne Caruana, fil-Kabinett ma’ Scicluna, Konrad Mizzi u Joseph Muscat.

Scicluna xehed bil-ġurament fl-Inkjesta Pubblika dwar Daphne Caruana Galizia li hu kien għażel lil Valletta minn lista ta’ tliet kandidati potenzjali ppreżentati mill-pulizija għax hu kien l-aktar uffiċjal għoli fosthom.

Scicluna gideb. U biex jaħbi l-gidba tiegħu, irrifjuta li jiżvela minn kienu ż-żewġ kandidati l-oħra, u dan saħansitra anki quddiem it-Tribunal tal-Appelli dwar il-Protezzjoni tal-Informazzjoni u tad-Dejta.

Meta sfidat dwar għalfejn kien għażel lil Valletta, bl-aktar mod arroganti hu wieġeb, “Kienet il-prerogattiva tiegħi, u m’għandix għalfejn nagħti raġunijiet”, filwaqt li kkontradixxa x-xhieda maħlufa tiegħu stess li kien għażlu għax kien l-aktar uffiċjal għoli fosthom.

Valletta ma kienx l-aktar uffiċjal għoli fosthom. Fil-lista kien hemm l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Pierre Calleja li kien ilu jservi fuq il-Bord tal-FIAU minn mindu twaqqfet l-FIAU. Hu uffiċjal ferm ogħla minn Valletta, iżda baqa’ supretendent.

L-għażla bejn Valletta u Calleja kienet ovvja iżda Scicluna xorta għażel lil Valletta u mbagħad gideb dwar ir-raġunijiet għall-għażla tiegħu u ħeba l-ismijiet tal-kandidati l-oħra. Fil-frattemp, Valletta ġie sfurzat jirreżenja bid-diżunur.

Ferris tella’ lill-FIAU quddiem it-Tribunal Industrijali. Hemm stqarr li t-tkeċċija tiegħu kienet “motivata politikament”. Baqa’ jsostni u jinsisti li hu tkeċċa biex jiġi intimidat u biex ma jitħalliex jinvestiga lill-PEPs.

L-FIAU innegat id-dikjarazzjonijiet tiegħu u qalet li hi aġixxiet sew u b’mod responsabbli fl-aqwa interess tal-poplu.

Qalet li dejjem ħalliet lill-uffiċjali tagħha jagħmlu xogħolhom fil-libertà. L-FIAU qalet li “ma jeżisti l-ebda rapport konklussiv” dwar it-terminal tal-LNG. Madankollu, it-Tribunal sema’ quddiemu li Ferris kien iffirma rapport dwar it-terminal tal-LNG iżda l-Bord tal-FIAU ma kienx iffinalizzah.

Ferris stqarr ukoll li l-pulizija kienu injoraw ir-rapporti tiegħu dwar Keith Schembri. Il-pulizija kienet ħarġet qatta’ bla ħabel tgħid li hu tal-mistħija li jitnissel id-dubju fuq l-integrità tal-korp b’fatti li ma jeżistux.

Kellhom jgħaddu erba’ snin u jitneħħa Muscat mill-poter biex Schembri jiġi arrestat u jitressaq b’akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus abbażi ta’ dawk “il-fatti li ma jeżistux”.

Biex tiftħilna għajnejna, Daphne Caruana Galizia kienet ikkummentat dwar it-tkeċċija. Qaltilna, “Istituzzjoni tal-Istat oħra li nħatfet u nqerdet – mhux biss għall-imbroljuni fil-poter iżda daqstant kruċjali kontra l-għedewwa ta’ dawk l-imbroljuni u l-gvern li jmexxu.”

“Dan hu perikoluż għal kulħadd. Jagħmel lil Malta post perikoluż u riskjuż biex tgħix”. Tliet xhur wara, splodewha f’karozza bomba.

Sitt snin wara, Jonathan Ferris ingħata r-raġun. It-tkeċċija tiegħu kienet diskriminatorja u mhux ġustifikata.

Sitt snin wara, Daphne reġgħet ingħatat ir-raġun. Malta hi post perikoluż u riskjuż.

Dik is-sentenza kundannatorja tat-Tribunal tikxef it-tnawwir kundannabbli ta’ dak li kien kompliċi biex Malta saret hekk. Illum jinsab sieq fuq sieq f’kariga komda bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Forsi għandna nitolbuh iħallas il-kumpens ta’ €20,000 lil Ferris minn butu. Forsi wasal iż-żmien li jħallas għal għemilu.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo