Il-gvern qed jerġa’ jiftaħ l-istaġun tal-insib għal “riċerka”, minkejja l-passi li ħadet l-UE

Il-Kumitat ORNIS laqa’ r-rakkomandazzjoni tal-lobby tal-kaċċa u l-insib FKNK li jiftaħ l-istaġun tal-insib għall-imlievez u l-pluvieri, filwaqt li ntlaqgħet ukoll rakkomandazzjoni għal perjodu ta’
“riċerka” għall-insib tal-għasafar tal-għana, minkejja li għaddejjin proċedimenti ta’ ksur mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kumitat, bord li jinkludi lobbyists tal-kaċċa u l-insib u għaqdiet ambjentali inkarigati biex jagħtu pariri lill-gvern dwar il-politika nazzjonali tal-kaċċa u l-insib, se jibgħat ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri għal deċiżjoni aħħarija.

Camilleri, li storikament xaqleb lejn il-lobby tal-kaċċaturi u n-nassaba fejn jidħlu r-rakkomandazzjonijiet tal-ORNIS, mistenni jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet minkejja li din il-prattika tqieset illegali mill-Unjoni Ewropea u li Malta hi soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur.

F’post fuq Facebook wara l-laqgħa tal-ORNIS it-Tlieta li għadda, l-FKNK qalet li l-istaġun tal-insib mistenni jiftaħ soġġett għall-kundizzjonijiet tas-sena l-oħra. B’hekk l-imlievez ikunu jistgħu jinqabdu bejn l-20 t’Ottubru u l-31 ta’ Diċembru u l-pluvieri jistgħu jinqabdu bejn l-1 ta’ Novembru u l-10 ta’ Jannar.

L-insib għall-għasafar tal-għana s-sena l-oħra tħalla jsir bejn l-20 t’Ottubru u l-20 ta’ Diċembru. Biex l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana jinfetaħ għal raġunijiet ta’ “riċerka”, Malta trid tadotta reġim ta’ deroga mir-regolamenti li hemm fid-Direttiva dwar l-Għasafar tal-2009 tal-Kummissjoni Ewropea.

Bħala rispons għad-derogi preċedenti ta’ Malta mid-Direttiva dwar l-Għasafar, il-Kummissjoni Ewropea kienet nediet proċedimenti ta’ ksur kontra Malta li fl-2018 wasslu għal sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ddikjarathom illegali.

Minkejja s-sentenza tal-Qorti, fl-2020 Malta xorta waħda reġgħet fetħet l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana filwaqt li invokat deroga għal finijiet ta’ “riċerka”.

Dik is-sena, il-Kummissjoni kienet qalet, “Għalkemm l-objettiv dikjarat hu “riċerka”, hemm bosta elementi li jindikaw li l-iskema – fil-prattika – tippermetti l-qbid ta’ ammont kbir ta’ għasafar mingħajr ma jingħata rendikont tiegħu, u dan jikser il-kundizzjonijiet stretti tad-derogi stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Għasafar,” u wassal biex infetħu proċedimenti ta’ ksur kontra Malta.

Sussegwentement, f’Diċembru 2020 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ notifika formali u f’Ġunju 2021 ħarġet opinjoni motivata, u wara tweġibiet mhux sodisfaċenti f’Novembru 2021 irreferiet il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-lobby tal-kaċċa u l-insib adottati mill-Kumitat ORNIS ġew ikkritikati bil-kbir. Bi tweġiba għal rakkomandazzjoni tal-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’Marzu li għadda, BirdLife Malta kienet qalet li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ma kinux ibbażati fuq biżżejjed dejta.

Bħala tweġiba għall-ftuħ, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent kien bagħat ittra lil Camilleri (li jieħu ħsieb id-deċiżjonijiet relatati mal-kaċċa u l-insib) u f’dik l-ittra kien esprima t-“tħassib kbir” tiegħu. Madankollu, Camilleri qal li “dak li hu tagħna, jibqa’ tagħna.”

Il-Kumitat ORNIS fih tliet rappreżentanti mil-lobby tal-kaċċa u l-insib, żewġ rappreżentanti ta’ BirdLife Malta, rappreżentant mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, tliet rappreżentanti “indipendenti” maħtura mill-gvern, u espert fl-għasafar.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo