Ġlieda FOI li damet għaddejja sentejn, tikxef kif il-kap tal-PBS qed jitħallas darbtejn għall-istess rwol

This article is available in English

Mark Sammut, iċ-Chairman Esekuttiv tal-PBS, qed jirċievi żewġ salarji separati għall-istess job – wieħed bħala chairman esekuttiv, u l-ieħor talli huwa ċ-chairman tal-bord tad-diretturi.

Meta ngħażel speċifikament mill-Prim Ministru Robert Abela biex imexxi x-xandir tal-istat, il-kap tal-PBS ma kellu ebda esperjenza fix-xandir, u fl-istess ħin qed jirċievi d-direct orders mill-ministeru tas-saħħa minħabba l-business personali tiegħu. Huwa wkoll iċ-chairman ta’ entità oħra tal-gvern u għal dan ix-xogħol jitħallas separatament.

Mid-dokumenti li ġew f’idejn The Shift bis-saħħa tal-Freedom of Information Act, u li Sammut dam iktar minn sentejn jirrifjuta li jippubblikahom, jidher li qed jitħallas iktar minn 130,000 Ewro fis-sena mix-xandar tal-istat.

Minnhom insiru nafu li Sammut qed jaqla’ iktar minn 100,000 Ewro bħala s-CEO tal-PBS, u fl-istess ħin qed iħallas lilu nnifsu 26,000 Ewro oħra bħala chairman tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija.

Dan ifisser li Sammut qed jaqla’ kważi 11,000 Ewro fix-xahar minn dan il-kuntratt ta’ tliet snin (tista’ taċċessah hawn) iffirmat minn Albert Marshall.

26,000 Ewro oħra li qed jagħti lilu nnifsu

Minbarra l-kuntratt bħala Chairman Esekuttiv, fit-talba tagħha Freedom of Information, The Shift saqsiet ukoll dwar il-ħlas għall-pożizzjoni tiegħu fil-bord, li mhijiex parti mill-kuntratt. U minn hawn sirna nafu bis-26,000 Ewro oħra li qed jitħallas fis-sena.

Sadattant, il-PBS qed titlef il-miljuni fis-sena, minkejja li biex ma tegħreqx, minn għand min iħallas it-taxxa, qed tirċievi kważi 6 miljun Ewro.

Marshall ukoll huwa persuna oħra maħtura politikament; huwa wkoll ex CEO tat-TV tal-Labour u ilu membru tal-bord tal-PBS sa mill-2013. Barra minn hekk għandu diversi ħatriet oħra governattivi kif ukoll konsulenzi.

Meta lil Sammut, The Shift saqsietu dwar is-26,000 Ewro l-oħra li jitħallas talli huwa ċ-chairman tal-laqgħat tal-bord tal-istess kumpannija li tagħha huwa l-kap, Sammut ma indejnax jipprova jiġġustifika lilu nnifsu. U lanqas m’hu qed jgħid il-bord kemm-il darba jiltaqa’ fis-sena.

Sorsi fi ħdan il-PBS, lil The Shift qalulha li minn mindu leħaq Sammut, dawn il-laqgħat naqsu ħafna, u jsiru biss biex id-deċiżjonijiet li jkun diġà ħa ċ-chairman, il-bord sempliċement japprovahom.

Edward Woods li huwa wkoll membru tal-bord tal-PBS, din is-sitwazzjoni, dan l-aħħar ikkonfermaha li hi hekk. Meta l-kumitat parlamentari saqsieh kienx hemm xi konflitt potenzjali ta’ interess bejn il-pożizzjoni tiegħu fil-bord tal-PBS u l-fatt li huwa ċ-chairman tal-Malta Further and Higher Education Authority, lill-Membri Parlamentari Woods qalilhom li l-bord tal-PBS bil-kemm kien qed jiltaqa’.

Minbarra dawn iż-żewġ ħlasijiet mill-PBS, Sammut huwa wkoll iċ-chairman tal-Malta Air Travel, il-kumpannija tal-gvern b’ajruplan wieħed li waqqaf l-ex ministru diżonorat Konrad Mizzi.

Rapport reċenti mill-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali jgħid li Sammut u l-membri l-oħra tal-bord kienu qed iħallsu lilhom infushom iktar milli suppost, u terġa’, b’mod irregolari.Wara li ħareġ dan ir-rapport, dawn il-pagamenti żejda il-gvern lanqas biss ma pprova jeħodhom lura.

U bis-saħħa tal-business privat tiegħu fl-IT – Cursor Limited and Mall Systems Ltd –  mill-ministeru tas-saħħa, Sammut qed jirċievi wkoll kuntratti diretti li jiswew l-eluf ta’ Ewro.

Sa ftit xhur ilu, mart Sammut, Carmen, kienet iċ-Chief of Staff ta’ Chris Fearne, il-Ministru tas-Saħħa. Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, issieħbet mas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg bħala ċ-chief of staff tagħha.

Ġlieda li damet sejra sentejn biex il-pubblikazzjoni ma ssirx

Sammut qatta’ sentejn jirreżisti l-pubblikazzjoni tal-kuntratt tiegħu u ġġieled ġlieda legali bl-avukati mħallsa mill-PBS minn fondi pubbliċi, biex jargumenta li dan ma kellux jiġi ppubblikat.

It-talba Freedom opf Information għall-kuntratt tiegħu li għamlitlu The Shift, Sammut baqa’ jirreżistiha għax qal li l-PBS huwa entità kummerċjali u allura ma kellux ikollha skrutinju bħal dan.

Imma The Shift, dan l-argument ta’ Sammut oġġezzjonat għalih, għax qalet li bħala entità pubblika iffinanzjata mit-taxxi tan-nies, il-PBS kien obbligat ikun trasparenti.

Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data qabel mat-talba ta’ The Shift, u lil Sammut ordnalu l-kuntratt jurih. Imma Sammut webbes rasu, u bis-saħħa tal-avukati tiegħu, it-talba ta’ The Shift għal darb’oħra reġa’ mblukkaha billi appella .

Iċ-chairman tat-Tribunal tal-Appelli, Anna Mallia, hi wkoll qablet ma’ The Shift, u lil Sammut tatu ħasla.

Fid-deċiżjoni tagħha, Mallia qalet li ladarba Sammut kien qed jitħallas mill-fondi pubbliċi, allura din l-informazzjoni hija fl-interess pubbliku.

Il-ġlieda legali li għamel Sammut, mexxihielu Mark Vassallo, l-avukat tal-PBS. Huwa l-istess avukat li qed jiddefendi  wkoll lil Keith Schembri, l-ex chief of staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fil-kawżi legali li għandu għaddejjin. Vassallo huwa wkoll is-segretarju tal-bord tal-PBS.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Robert
Robert
1 year ago

No votes !

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo