This article is available in English
L-investigaturi Taljani ta’ kontra l-mafja ħarġu rapport li jkopri sitt xhur: minnu jidher li f’Malta l-familji mafjużi abbondaw fl-attività kriminali, u l-kondizzjonijiet huma tajba għal iktar żviluppi ulterjuri.
Skont ir-rapport tad-Direzione Investigativa Antimafia (DIA) għat-tieni nofs tal-2021, hemm diversi fatturi li “għamluha iktar faċli biex diversi gruppi tal-kriminalità organizzata Taljana ‘jemigraw’ lejn Malta”. Fosthom hemm il-fatt li Malta hija daqshekk viċin l-Italja, il-fatt li hija ħaġa daqshekk faċli biex wieħed jevita l-kontrolli tad-dwana kif ukoll il-kumplessitajiet kollha li ġabet magħha s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Id-DIA ppreżentat ir-rapport tagħha lill-Parlament Taljan nhar il-Ġimgħa: jgħid li s-sistema “privileġġata” tat-taxxa li għandha Malta, kif ukoll il-qafas regolatorju li jiffavorixxi n-negozju, “it-tnejn iffaċilitaw il-ħasil tal-flus li huma involuti fih diversi familji mafjużi”.
Mill-investigazzjonijiet li saru dawn l-aħħar snin, jidher li l-mafja Taljana, is-settur Malti tal-online gaming qed tużah ħafna, l-iktar il-gangsters assoċjati mal-grupp Kalabriż tal-‘Ndrangheta.
Skont id-DIA, il-fatt li Malta hija daqshekk viċin ġeografikament, jista’ jkun konsiderazzjoni ewlenija għall-gruppi mafjużi Taljani, b’mod partikolari l-gruppi Sqallin: dawn jippreferu jagħżlu lil Malta bħala l-post fejn il-membri tagħhom jistgħu jqattgħu xi żmien mingħajr ma jagħtu wisq fil-għajn.
Ir-rapporti tad-DIA ħarġu minn għadd ta’ investigazzjonijiet reċenti u juru kif il-gruppi Pesce u Bellocco minn Reggina ġabu Malta kwantità kbira ta’ kokaina mill-Amerika t’Isfel permezz ta’ pajjiżi oħra Ewropej.
Skont id-DIA, fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet, l-‘Ndrangheta kkonfermat li hi kapaċi testendi l-interessi tagħha anki lil hemm mill-kuntest reġjonali billi għamlet pattijiet u alleanzi ma’ assoċjazzjonijiet mafjużi differenti.
Skont ir-rapport, dil-ħaġa tirriżulta mill-operazzjoni ‘Crypto’ li kienet tinvolvi lil Malta, u saret mill-Guardia di Finanza ta’ Catanzaro fl-14 ta’ Settembru tal-2021.
Id-DIA rrappurtat li din l-operazzjoni kixfet u fixklet konsorzju kriminali kumpless magħmul minn individwi fl-ogħla livell tal-management, li kienu qed joperaw fit-territorji ta’ Rosarno u Gioia Tauro, ddedikati għat-traffikar internazzjonali tad-droga, fir-rotta l-ġdida Rosarno – Catania – Malta.
“Din l-organizzazzjoni transnazzjonali ippjanat l-importazzjoni tal-kokaina mill-Olanda, mill-Ġermanja, mill-Belġju u minn Spanja u rnexxielha tissupplixxi lill-iktar ċentri lokali importanti għall-provvista tad-droga, kif ukoll lil Malta.”
L-investigaturi Taljani ta’ kontra l-mafja huma mħassba wkoll minħabba s-sens ikbar ta’ kollaborazzjoni kriminali li qed jinħoloq bejn il-gruppi Kalabriżi u Sqallin.
Bħala xhieda ta’ dan l-element koperattiv ġdid, id-DIA ssemmi l-operazzjoni ‘La Vallette’ li kient saret fl-1 ta’ Diċembru tal-2021. Tgħid li dan kien każ li juri ċar l-eżistenza ta’ konsorzju tat-traffikar tad-droga li jopera bejn Sqallija, il-Kalabria u Malta.
F’dan iċ-ċirku kriminali kien hemm membri tal-grupp ‘Ndrangheta Mazzaferro, kif ukoll individwi minn Malta, minn Ragusa u mill-Albanija. Skont id-DIA, biex jittraffikaw id-droga, kienu jużaw rotta li tibda fl-Albanija, taqsam mill-Puglia jew mill-Kalabria, u tasal fil-bażi operattiva tal-organizzazzjoni f’Ispica, fi Sqallija. Minn hemm imbagħad, jgħid ir-rapport tad-DIA, id-droga kienet terġa’ tinbigħ Malta.
Il-qrubija bejn Malta u Sqallija ‘tiffavorixxi ħafna l-iżvilupp tat-traffikar illegali’
Id-DIA qalet li “Din l-operazzjoni kompliet turi kif il-qrubija bejn il-gżejjer ta’ Malta u ta’ Sqallija, l-iżvilupp ta’ dan it-traffikar illegali tiffavorih bil-kbir.”
Id-DIA tasal għall-istess konklużjoni fil-konfront ta’ operazzjoni oħra kontra d-droga bl-isem ‘Alter Ego’ li kienet saret f’Novembru tal-2021. Bis-saħħa ta’ dik l-operazzjoni, tgħid id-DIA, setgħet “tikxef is-sehem importanti li kellhom xi individwi prominenti fil-familji Santa Paola u Cappello. Setgħet tistabbilixxi r-relazzjonijiet u l-kuntatti tagħhom, kif ukoll id-dinamika tat-traffikar u l-provvista ta’ kwantitajiet kbar ta’ droga lil hemm mill-fruntieri, biex eventwalment tinbiegħ anki Malta”.
Imma f’Malta, bis-saħħa tas-servers tal-online gaming, il-gruppi mafjużi jinqalgħu verament fl-imħatri llegali u fil-ħasil tal-flus.
Ngħidu aħna, id-DIA ssemmi l-operazzjoni ‘Game Over II’ tat-18 ta’ Novembru tal-2021, li kienet tinvolvi individwi assoċjati mal-familji Passo di Rigano u Noce. Dan iċ-ċirku, tipi differenti ta’ mħatri ġabarhom illegalment bis-saħħa ta’ websites propjetà ta’ bookmakers li għandhom servers ibbażati Malta.
Id-DIA ssemmi wkoll l-operazzjoni ‘Ludos’ tat-30 ta’ Settembru 2021. B’din l-operazzjoni ġiet identifikata assoċjazzjoni kriminali involuta fl-online gaming u fl-imħatri bis-saħħa ta’ siti illegali li għandhom fergħat Malta.
Biss biss, fit-tieni nofs tas-sena l-oħra, kienet saret investigazzjoni tixbahha mill-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Messina, u fl-20 ta’ Lulju tal-2021 inqabdu b’kemm jiswew 3 miljun Ewro punt 5 assi, propjetà tar-rappreżentant legali ta’ kumpannija Maltija.
Fit-12 t’Awwissu tal-2021, kien issolva każ ta’ ħasil ta’ flus, imsejjaħ ‘Il-Fond Agrikolu’, ibbażat Malta. Id-DIA spjegat kif raġel minn Messina kien jimmaniġġa kumpannija Maltija ‘shell’ “bl-iskop esklussiv li jevadi t-taxxa, u speċjalment biex jibbenefika mill-ħlasijiet li kienet tagħmel l-aġenzija agrikola Taljana, l-AGEA, fil-kuntest tal-kontribut tagħha għall-produzzjoni tal-enerġija renovabbli”.
Id-DIA użat ukoll l-operazzjoni ‘Piccadilly’ biex turi kif Malta kienu qed jużawha biex iwaqqfu kumpanniji ‘shell’ bl-iskop tal-frodi fit-taxxa għall-benefiċċju ta’ diretturi ta’ kumpanniji involuti fil-produzzjoni taż-żraben u tal-ħwejjeġ: dawn kienu jittrasferixxu ħafna fondi għal Malta, għar-Renju Unit, għall-Bulgarija, għal-Litwanja u għall-Polonja.