This article is available in English
Ix-xorti tal-akkademiku Frank Bezzina m’għandhiex limiti: ngħażel biex jaġixxi flok il-President George Vella fil-Palazz ta’ Sant Anton kull darba li dan ikun imsiefer, ħaġa li qed tiġri f’okkażjonijiet ftit u xejn inkonvenjenti.
Bezzina huwa Pro-Rettur fl-Università ta’ Malta: Robert Abela ħatru Aġent President f’mossa bla preċedenti. Ħafna fehmu li dan għamlu biex l-emendi kontroversjali tal-liġi tal-IVF jgħaddu mingħajr xkiel.
Bezzina u sieħbu Vincent Marmara, li jagħmel il-polls għall-Partit Laburista, tħallsu 152,000 Ewro oħra iktar mill-valur tat-tender li kienu rebħu meta ssottomettew offerta rħas.
Fl-2019 it-tnejn li huma tqabbdu jmexxu “mystery shopping għall-amministrazzjoni pubblika” bis-saħħa tal-kumpannija kummerċjali tagħhom it-tnejn, jisimha Power Knowledge. Barra minn hekk, it-tnejn li huma għandhom diversi karigi oħra governattivi.
Bezzina u Marmara qalbuha lill-kompetituri tagħhom billi ssottomettew l-irħas offerta tiswa 453,000 Ewro, imma kif ngħalaq il-proċess u ngħata t-tender, l-affarijiet inbidlu mill-ewwel.
Kif beda l-eżerċizzju, lil Power Knowledge tawha iktar xogħol, u b’hekk żdied il-valur oriġinali tat-tender.
L-Aġent President u l-bniedem li jmexxi l-polls għall-Partit Laburista spiċċaw ħadu 605,000 Ewro għal dil-biċċa xogħol – żieda ta’ iktar minn 33%.
Huwa ‘normali’ li l-prezz ta’ tender ivarja, imma normalment din il-varjazzjoni ma tleħħaqx iktar minn 5%.
Saħansitra sorsi fl-OPM ma setgħux jispjegaw kif “studju sempliċi bħal dan kellu jkollu żieda daqshekk għolja f’kemm suppost kellu jiswa.”
Ikkonfermaw ukoll li “il-ministeru tal-finanzi ma qajjem ebda dubju u qabad u approva l-bidla fil-prezz”.
Lil Frank Bezzina, il-Prim Ministru Robert Abela qabad u ħatru Aġent President flok l-ex ministru Dolores Cristina, li kienet serviet f’din il-ħatra għal għadd ta’ snin.
Il-ħatra tiegħu ġiet b’sorpriża mhux ħażin. La hu magħruf fl-amministrazzjoni pubblika u lanqas fil-politika. Imma b’dan kollu m’hemmx l-iċken dubju x’kien l-iskop ta’ din il-ħatra – l-ewwel ħaġa li għamel Bezzina meta wasal fil-Palazz Presidenzjali kienet li jiffirma l-file li ħallielu l-President George Vella dwar l-emendi kontroversjali għal-liġi tal-IVF.
Barra mill-business li Bezzina għandu bi sħab ma’ Marmara, huwa jagħti l-lectures ukoll l-Università, jaġixxi flok il-President Vella, u l-gvern ħatru wkoll Chairman tal-Wasteserv u membru fil-bord tal-gvernaturi tal-Bank Ċentrali.