Skandlu f’Infrastructure Malta: qed jingħataw id-direct orders li ħu uffiċjal ewlieni

F’sitt xhur,  ngħataw b’kemm jiswew kważi miljun Ewro f’direct orders lil ħu l-kap tal-implimentazzjoni f’IM

 

This article is available in English

The Shift tista’ tiżvela li hemm żewġ kumpanniji privati u din l-aġenzija tal-gvern regolarment qed tagħtihom b’kemm jiswew mijiet ta’ eluf ta’ Ewro f’direct orders. Ħu wieħed mill-uffiċjali l-iktar anzjani f’Infrastructure Malta (IM) huwa shareholder f’dawn il-kumpanniji.

Mill-investigazzjonijiet jidher li dawn il-kumpanniji bdew jirċievu dan il-ġid ta’ direct orders ftit wara li Noel Vella beda jaħdem ma’ IM bħala Kap tal-Implimentazzjoni tal-Proġetti. Qabel, kien għamel snin jaħdem mal-kuntrattur gwapp Charles Polidano magħruf bħala Iċ-Ċaqnu.

Biss biss, skont il-lista ta’ direct orders ippubblikata mill-IM, fl-ewwel nofs tas-sena, żewġ kumpanniji – Darna Properties Ltd u JV Infrastructure Ltd – ingħataw erba’ proġetti differenti b’valur ta’ kważi miljun Ewro.

Dil-biċċa li Darna Properties, aġenzija tar-real estate, kienet bdiet tagħmel xogħol tat-toroq, The Shift mill-ewwel kienet kixfitha. Issa nsiru nafu li wieħed mis-sidien huwa Jonathan Vella ta’ 32 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li jiġi ħu Noel Vella, l-uffiċjal anzjan f’IM.

Jonathan Vella huwa involut ukoll f’kumpannija ġdida infrastrutturali li twaqqfet fl-2021 flimkien mas-sieħba tiegħu Amanda Muscat. Dil-kumpannija wkoll bdiet tieħu d-direct orders minn Infrastructure Malta.

Amanda Muscat u Jonathan Vella, sħab u shareholders

Mil-lista tad-direct orders, fl-ewwel semestru tal-2022, jidher li Darna Properties ħadet tlett direct orders separati – kuntratt jiswa 70,000 Ewro għall-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ f’postijiet rurali mhux speċifikati, kuntratt ta’ 350,000 Ewro għal xogħlijiet tat-toroq il-Għargħur, u kuntratt ieħor jiswa 200,000 Ewro għal xogħol tal-konkos fit-toroq ir-Rabat.

Fl-istess żmien, JV Infrastructure Ltd, il-kumpannija l-oħra li fiha hemm imniżżla mart ħu Noel Vella bħala shareholder, ingħatat direct order ta’ 350,000 Ewro għall-manteniment tal-ħitan tas-sejjieħ u għal xogħol biex jingħata wiċċ ġdid lit-toroq f’postijiet li din l-aġenzija tal-gvern ma speċifikatx.

B’kollox, fl-ewwel sitt xhur tas-sena, lill-qraba tal-Kap tat-Taqsima tal-Implimentazzjoni, IM tathom kważi b’miljun Ewro xogħol.

Lis-CEO tal-IM, Ivan Falzon, saqsejnieh dawn id-direct orders min approvahom. Saqsejnieh ukoll kienx involut Noel Vella, jew kinitx involuta t-taqsima li jmexxi hu, biex ingħataw dawn id-direct orders lill-kumpanniji li fihom hemm involuti qrabatu stess. Imma s-CEO Ivan Falzon ma tanix tweġiba.

Minflok, il-mistoqsijiet speċifiċi ta’ The Shift weġibhom b’mod ġenerali u insista li “Il-każijiet li ssemmew huma parti miċ-ċiklu ta’ procurement, u saru skont rakkomandazzjonijiet validi koperti mil-liġi.”

Qal ukoll li l-kumpanniji li semmiet The Shift “huma biss tnejn minn xi 70 kumpannija oħra li tathom ix-xogħol IM”. Saħaq ukoll li “l-proċess li jużaw id-dipartimenti interni kollha ta’ IM huwa wieħed standard u skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-procurement.”

“Biex niffinalizzaw ċiklu ta’ procurement, tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn nies varji,” qalilna Falzon, imma mingħajr ma spjegaalna x’jkun is-sehem tal-Kap tal-Implimentazzjoni f’dan il-proċess.

The Shift saqsietu wkoll kienx kuntent bil-fatt li kienu qed jingħataw id-direct orders lill-qraba ta’ uffiċjal kruċjali tal-aġenzija, imma baqa’ ma weġibniex.

Lanqas ma ried jagħtina lista tad-direct orders li ngħataw lil dawn iż-żewġ kumpanniji minn mindu ssieħeb Vella mal-IM, u ma riedx jgħid jekk dawn il-kumpanniji kienux tawhom xi direct orders qabel ma ssieħeb Vella ma’ din l-aġenzija tal-gvern.

The Shift għandha informazzjoni li Noel Vella ddaħħal jaħdem ma’ IM mill-ex CEO Frederick Azzopardi mingħajr ma saret sejħa kif suppost.

Dil-kamra tal-aħbarijiet għandha informazzjoni li f’din l-aġenzija tal-gvern, Noel Vella għandu rwol kruċjali meta jiġu biex jiddeċiedu liema xogħol għandu jinħareġ direct order għalih, u liema kumpanniji dan ix-xogħol għandhom jeħduh.

Noel Vella, il-Kap tal-Implimentazzjoni f’Infrastructure Malta

The Shift għandha informazzjoni li l-ammont li ħallset s’issa IM lill-kumpanniji ta’ qrabat Vella, fil-fatt huwa ħafna ikbar minn dak li hemm iddikjarat fil-lista ta’ direct orders l-iktar reċenti ta’ IM. U dan juri li minn Ġunju ‘l hawn, dawn iż-żewġ kumpanniji setgħu ngħataw ħafna iktar xogħol.

Darna Properties kienet rreġistrata fl-2019, u sidha hu Joħann Vella, ħu l-uffiċjal ta’ IM, flimkien ma’ Jeffrey Vella, negozjant minn Ħal Luqa.

Dan tal-aħħar huwa shareholder ukoll fil-kumpannija ġdida JV Infrastructure Limited, flimkien ma’ Mario Vella min-Naxxar. Terz tal-ishma tal-kumpannija huma rreġistrati f’isem Amanda Muscat, is-sieħba ta’ Jonathan Vella, li jiġi ħu l-uffiċjal ta’IM.

Sorsi ta’ min joqgħod fuqhom, lil The Shift qalulha li bis-saħħa ta’ dan l-arranġament, in-negozjant Jeffrey Vella qed jagħmel l-investiment kollu li hemm bżonn biex jakkwista l-makkinarju kollu meħtieġ. U dan in vista tad-direct orders li qed toħroġ IM għal xogħlijiet varji maqwar il-pajjiż.

Jeffrey Vella huwa shareholder ukoll fil-kumpanniji l-oħra Sanotech Ltd u Valuru Company Ltd imma dawn m’għandhom l-ebda rabta mad-direct rders ta’ IM.

Infrastructure Malta ilha fl-aħbarijiet minn mindu twaqqfet. Id-direct orders li ħarġet għall-proġetti infrastrutturali u tat-toroq jiswew ħafna miljuni ta’ Ewro fis-sena.

Is-soltu, il-maġġorparti ta’ dawn id-direct orders jeħduhom ftit kuntratturi kbar, magħrufin li huma viċin jew tall-Partit Laburista fil-gvern, jew tal-ex Ministru tat-Trasport Ian Borg jew ta’ uffiċjali ewlenin f’IM.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,
Il-pulizija rċeviet l-investigazzjoni interna ta’ TM dwar l-iskandlu tar-RHIBs – l-ebda akkuża s’issa
Read in English. Transport Malta għadha kif ikkonfermat ma’

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo