Segretarja tal-PM kienet ‘fil-qalba tal-korruzzjoni’ fil-każ tal-liċenzji tas-sewqan

This article is available in English

Min hu ta’ ġewwa, lil The Shift qalilha li membru prominenti fis-segretarjat privat tal-Prim Ministru Robert Abela kienet tieħu ħsieb l-ismijiet li kienu jgħaddu l-ministri lill-uffiċjali ta’ Transport Malta. Dawn l-uffiċjali għandhom x’jaqsmu mal-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan u issa jinsabu akkużati l-qorti.

Il-prim ministru ‘ċaħad kategorikament’ illi l-Partit Laburista huwa involut f’din l-allegata biċċa intrigu. Imma bil-maqlub tal-impressjoni li ta Robert Abela, lil The Shift l-uffiċjali ta’ Transport Malta qalulha: “Is-segretarja privata tal-prim ministru bilfors tatu ħafna informazzjoni dwar dak li kien qed jiġri f’Transport Malta.”

Rachel Debono, is-segretarja privata ta’ Abela, sa ftit xhur ilu kienet l-assistent personali taċ-chairman ta’ Transport Malta, imbagħad il-prim ministru għażilha hu stess biex tkun is-segretarja privata tiegħu Kastilja.

Debono hija attivista tal-partit mill-Mellieħa u ngħaqdet mar-regolatur tat-trasport meta kien qed imexxih dak li kien is-CEO tal-Partit Laburista, James Piscopo.

L-uffiċjali ta’ Transport Malta qalulna li hi kienet “l-iktar uffiċjal afdat mill-kbarat” u kienet tieħu ħsieb l-affarijiet kollha importanti li għandhom x’jaqsmu mal-Partit Laburista fil-gvern.

“Jekk il-prim ministru mhux infurmat x’kien qed jiġri, u x’għadu jiġri, f’Transport Malta – ħaġa li ħadd ma jemminha – kull m’għandu jagħmel, isaqsi lis-segretarja personali tiegħu. Hi taf preċiż x’kien qed jiġri, bl-ismijiet u bid-djarji b’kollox,” qal uffiċjal minnhom.

Lil The Shift qalulha wkoll li Debono kienet tieħu ħsieb l-ismijiet hi, u tgħaddihom lill-kollegi mingħajr ma tinvolvi ruħha direttament f’ebda tip ta’ korruzzjoni.

Transport Malta ħolqot sistema timxi fuq ir-rubini li kienet tinvolvi l-iktar uffiċjali għolja li kien qabbadhom il-Ministru Ian Borg meta kien ministru tat-trasport.

Jidher li l-istruzzjonijiet tal-‘customer care’ lill-uffiċjali għolja ta’ Transport Malta, sew dawk li jinvolvu xi job, xi promotion, il-provvediment ta’ xi servizz jew ta’ xi ‘ħtiġijiet’ oħra, kienu jgħadduhomlhom direttament mill-ministeru tat-trasport bis-saħħa ta’ Jesmond Zammit, il-konsulent prinċipali tal-Ministru Borg.

Zammit huwa diġà mdaħħal f’għadd ta’ skandli, fosthom meta lil bintu stess, Adreana, qabbadha x-xogħol Transport Malta, meta kienet għadha studenta tal-liġi. Dak iż-żmien, Ian Borg kien qal li hu ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dil-biċċa.

Is-sorsi qalulna li f’Transport Malta normalment kienu jkellmu lil Donald Gouder – ‘canvasser’ ta’ Ian Borg mill-Imġarr u ħabib ħafna ta’ Zammit, li daħħluh jaħdem bħala l-uffiċjal prinċipali għar-riżorsi umani f’Transport Malta. U kienu jkellmu wkoll lil Kevin Farrugia, ‘canvasser’ ieħor tal-istess ministru. Dan qabduh jaħdem Transport Malta bħala deputat CEO mingħajer ma kienet ħarġet sejħa pubblika.

Skont min hu ta’ ġewwa, Clint Mansueto, direttur ta’ Transport Malta li qed jiffaċċja akkużi ta’ korruzjoni dwar dil-brikkunata tal-liċenzji tas-sewqan, l-istruzzjonijiet kien jirċevihom minn għand Gouder.

Fil-qorti diġà ħareġ li lil Mansueto, Gouder kien għaddielu informazzjoni li biha tah vantaġġ fl-eżami għall-post ta’ direttur ta’ Transport Malta, u fil-fatt, kien mar aħjar minn kandidati oħra iktar ikkwalifikati minnu.

Huwa magħruf li Gouder u l-konsulent tal-ministru Jesmond Zammit huma ħbieb tal-qalb, u t-tnejn huma  uffiċjali tal-istess team tal-football, Qrendi FC: wieħed huwa l-coach u l-ieħor huwa l-manager tat-team.

Lill-qorti, il-pulizija qalulha li Gouder mistenni jittella’ hu wkoll dwar l-iskandlu tal-korruzzjoni f’Transport Malta.

Skont ix-xhieda ppreżentata l-qorti, lill-eżaminaturi Mansueto kien jgħidilhom min kellu jingħata palata biex jgħaddi mill-eżami. Lill-qorti Mansueto qalilha li ħass li kellu jagħmel hekk fil-każ ta’ erba’ kandidati li kienu qed jaħdmu fil-‘villa ta’ ministru’.

Mix-xhieda fil-qorti, jirriżulta li Mansueto kellu djarju b’xi mitejn isem ta’ dawk li kienu għenuhom biex jgħaddu mill-eżami. Fost dawn hemm xi ħadd jismu ‘Francesco’ – reporter tal-One TV tal-Labour, kif ukoll messaġġi minn għand “zija ta’ ministru”.

Skont il-pulizija, l-istruzzjonijiet kienu qed jaslu wkoll minn “partit politiku” li ma semmewx min hu, imma l-investigazzjonijiet tagħhom ikopru s-snin li fihom kien hemm amministrazzjoni Laburista. Il-partit ilu fil-gvern mill-2013.

Nistennew li fil-granet li ġejjin, toħroġ iktar informazzjoni dwar dan il-każ.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo