Florinda Sultana kif tivvjaġġa madwar id-dinja meta l-assi tagħha ffriżati?

This article is available in English

Florinda Sultana, ta’ 31 sena, hija ‘manager ta’ restorant’ u l-assi tagħha, il-qorti ordnat li jiffriżjawhomlha minħabba akkużi ta’ ħasil ta’ flus. Imma ma tantx tidher inkwetata bis-somma miżera  li ħallewha tiġbed darba fix-xahar mill-kont bankarju taghha biex suppost kemm jirnexxilha tiddobba.

F’Jannar tal-2021 akkużawha li kienet involuta f’ċirku ta’ ħasil ta’ flus assoċjat mal-allegat kuntrabandist taż-żejt u negozjant multi-miljunarju Darren Debono. Hu jiġi missierha mit-tieni żwieġ, u darba kien footballer internazzjonali. Imma minkejja dan kollu, hi għadha qed tgħix fil-ħela u qed issiefer madwar id-dinja kważi kull xahar.

Min jaf lil Sultana, lil The Shift qalilha li bejn seduta tal-qorti u oħra, hija tqatta’ l-parti kbira ta’ ħinha ssiefer. Għalhekk hemm is-suspett li minkejja l-ordni tal-qorti, il-flus xorta għadhom deħlin. Il-kawża qed tippresediha l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech u jista’ jkun ukoll li Sultana tintbagħat il-ħabs.

Ftit taż-żmien ilu, The Shift irrappurtat li Sultana qed tgħix ħajja ta’ sinjuruna fil-United Arab Emirates, kif jidher mill-posts tagħha fis-social media.

Florinda Sultana, Dubai.

Mill-profili ta’ Sultana fis-social media jidher li sa ftit ġimgħat ilu, din l-ex attriċi tat-teatru kienet qed tivvjaġġa mal-boyfriend tagħha fuq btajjel twal kważi kull xahar. Hija l-istess bniedma li kienet fl-aħbarijiet fl-2013 minħabba l-video tagħha ‘courage to vote Labour’ fil-kampanja elettorali.

Minn dakinhar f’Jannar tal-2021 meta l-qorti ffriżjatilha l-assi tagħha, Sultana tellgħet il-posts biex tiddandan bil-vjaġġi tagħha f’postijiet bħalma huma Capri, Thailand, it-Turkija, Cancun, Firenze, St Vincent u l-Grenadines fil-Karibew, Viareggio, Bali, l-Indonesja, Verona, Manchester, Taormina, Pariġi, Dubai u postijiet eżotiċi oħra.

Mill-posts tagħha, Sultana ma tantx tidher li qed titlef irqad minħabba l-akkużi li qed tiffaċċa, anzi għandha diversi ammiraturi li l-posts tagħha jagħmlulhom ‘like’ u jikkummentawlha fuq il-ħajja ta’ divertiment li għaddejja biha. Fosthom hemm għadd ta’ ex politikanti tal-Partit Laburista bħalma huma Chris Cardona, Alex Muscat u Silvio Parnis.

Apparti l-vjaġġi tagħha, Sultana ttella’ posts regolarment ukoll biex tirreklama ir-restorant Porticello, il-Belt, li kienet il-manager tiegħu sa ma arrestawha u tellgħuha l-qorti.

Skont l-akkużi, dan ir-restorant huwa wieħed minn diversi li allegatament kien juża Darren Debono biex jaħsel il-qligħ li kien jagħmel min-negozju tal-kuntrabandu taż-żejt u li jinvolvi ħafna miljuni ta’ Ewro. Kien jieħu sehem f’dan in-negozju flimkien mal-milizja Libjana.

Sultana ttellgħet il-qorti f’Jannar tal-2021 flimkien ma’ Albert Buttigieg, ex Manager ta’ Banif Bank. Akkużawhom li kienu mdaħħlin f’diversi kumpanniji li kienu jmexxu ir-restorant Porticello, il-Belt – dari kien jismu Scoglitti, kif ukoll ir-restorant Capo Mulini f’Marsaxlokk. Dawn it-tnejn allegatament kienu involuti f’attività massiċċa ta’ ħasil ta’ flus in konnessjoni mal-attivitajiet illegali ta’ Debono.

Meta ttellgħet il-qorti, l-assi kollha ta’ Florinda Sultana suppost kellhom jiġu f’idejn l-awtoritajiet. Dawn kienu jinkludu l-kontijiet bankarji kollha li kellha madwar id-dinja, il-propjetà immobbli u kull ma kellha. Tawha permess biss tiġbed 1,200 Ewro fix-xahar, sa massimu ta’ 13,976 Ewro fis-sena, kemm kemm tkun tista’ tkampa.

L-assi tal-kumpanniji tagħha MSI Catering u Nesvan Company Ltd ukoll iffriżawhomlha. Ir-restorant Porticello jaċċetta biss ħlas fi flus kontanti u dan għadu jopera bis-superviżjoni tal-qorti.

L-ordni tal-qorti għall-iffriżar tal-assi għadha tgħodd: il-qorti ma biddlithiex ħlief għal eċċezzjoni waħda. Lil Sultana, il-Maġistrat Frendo Dimech tatha permess toħroġ somma mhux magħrufa mill-kontijiet tagħha biex tkun tista’ tħallas lill-avukati tagħha li qed jiddefenduha – lil Stefano Filletti u Martina Cuschieri.

Sorsi viċin il-każ, lil The Shift qalulha li huwa ovvju mill-aġir ta’ Sultana stess fis-social media, li għandha aċċess għall-fondi minn x’imkien ieħor, għax “mhux possibbli tivvjaġġa kull xahar b’1200 Ewro kull erba’ ġimgħat”. Kemm il-qorti kif ukoll il-pulizija qed jilagħbu man-nar meta lil Sultana jħalluha titlaq mill-pajjiż daqshekk spiss qisu ma ġara xejn.

“Din hija sempliċement indikazzjoni kemm tkun ħaġa faċli għal Sultana titlaq minn Malta u ma terġax tiġi lura biex il-ġustizzja tiffaċċjaha. U jidher ukoll li l-flus mhux problema. Nittamaw li l-awtoritajiet jafu x’qed jagħmlu”, qalulna dawn is-sorsi.

U għadu mhux magħruf jekk il-pulizija hux qed jindagaw ukoll kif Sultana baqgħet tiffinanzja dan l-istil ta’ ħajja ħalja minkejja l-ordni tal-qorti biex jiġu ffriżati l-assi tagħha.

Sorsi fil-pulizija lil The Shift qalulha li s’issa lil Sultana il-pulizija għadhom ma kellmuhiex għalkemm jafu bil-vjaġġi u bl-infiq tagħha.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
AD38
AD38
2 years ago

Special vote holders.

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo