Lanqas id-disprezz ma ħaqqu

Read this article in English here.

Kemm ġew jiswew il-Malta Film awards? “Jien ma noqgħodx nispekula fuq in-numri.” Din kienet it-tweġiba arroganti tal-Ministru Clayton Bartolo.

“Meta saqsewni kemm se jiġu turisti Malta dis-sena, ma qgħadx nispekula,” qal. Imma hemm differenza fina, għax il-Film Awards huwa okkażjoni li ġrat fl-imgħoddi. Allura f’dal-każ m’hemm xejn li trid tispekula dwaru. Kull m’hemm bżonn hu li jkollok gvern risponsabbli lest iwieġeb għal għemilu. Imma dil-ħaġa, l-ministru inkompetenti ma jafx fejn toqgħod.

“Jien kelmti nżommha,” iddikjara, “u allura meta jerġa’ jiltaqa’ l-parlament l-informazzjoni kollha nagħtiha”. X’ried ifisser: M’iniex se ngħidilkom kemm infaqt fuq dik il-lejla waħda. Dik l-informazzjoni se nżommha moħbija sa wara l-elezzjoni ġenerali. Imbagħad ma tantx ikun jimporta għax nerġa’ nkun ministru u l-Labour ikun fil-gvern – u għala biebi kull ma tgħidu.

It-talbiet skont il-Libertà tal-Informazzjoni għal tagħrif dwar kemm swiet dik is-serata, kollha rrifjutahom. Lill-ministru saqsewh dwarhom għal darba tnejn, imma kull darba rrifjuta li jwieġeb. Wera kemm kien arroganti u goff bil-kummenti antipatiċi tiegħu: “Għax ma tinvestigawx il-mexxej tagħkom Bernard Grech , u taraw kemm ħallas taxxa?”

Bartolo għaliex huwa daqshekk iddisprat biex jaħbi l-fatti?

Kemm ħela flus għal-lejla waħda Bartolo ma jistax jgħid għax il-ħsara li ssirlu tkun kbira wisq, mhux biss għalih imma għall-Gvern u għall-Partit tiegħu wkoll.

Bartolo jaf preċiż kemm ħela flus.  U qed jigdeb meta jgħid  – iktar minn xahar wara – li għadhom qed jikkalkulaw l-ammont.

Jekk il-ministru veru ma jafx kemm intefqu flus, mela allura mhux biss tilef il-kontroll tal-entitajiet li tagħhom huwa responsabbli, imma tal-budget tal-ministeru tiegħu wkoll. Inkella lill-Malta Film Commission tahom il-permess jonfqu kemm iridu sakemm iħalluh jippoża fuq il-palk liebes it-tuxedo, u sakemm seta’ jippretendi imqar għal lejl wieħed biss li hu xi ċelebrita waqt iċ-‘ċerimonja tal-Oscars’.

U kieku stess ma kienx jaf kemm intefqu flus, s’issa mhux ilu li suppost skopra kemm, meta kellu dawn il-mistoqsijiet kollha. U jekk s’issa għadu ma skopriex, allura bilfors li hu l-iktar ministru inkompetenti fil-Kabinett – mhux distinzjoni taċ-ċajt. Forsi għażżien wisq, jew aljenat wisq jiġri wara s-segretarja privata tiegħu flok ma jamministra flus il-poplu b’mod responsabbli.  

Il-verità kulħadd jafha. Biex jakkwista ħames minuti ta’ publiċità u biex jieħu ritratt ma’ David Walliams, il-ministru berbaq miljuni ta’ Ewro minn flus il-poplu. Biex iħossu importanti u famuż, u biex ikollu riklam b’xejn fuq it-TV tal-istat, abbuża mill-fondi pubbliċi. 

Lill-alleati viċin tal-Partit Laburista ppumpjalhom mijiet ta’ eluf ta’ Ewro ta’ fondi pubbliċi, ippremjahom talli appoġġawh u xtara l-lealtà tagħhom in vista tal-elezzjoni ġenerali. 

L-ipokrisija grassa tiegħu narawha ikkristallizata fil-kumment insolenti tiegħu: “X’ħasra li l-Film Awards kien hemm  min ipprova jippolitiċizzahom”.

Imma dik is-serata ma setgħux jippolitiċizzawha iktar milli għamlu. Kien hemm parata sħiħa ta’ ministri Laburisti jiżżeffnu fuq il-palk – Clayton Bartolo, Carmelo Abela, Jose Herrera. Anki l-kap pikuż ta’ ONE Productions, Jason Micallef, kien hemm. 

Kurt Farrugia, il-kelliem ta’ dak li kien il-prim ministru diżonorat, kien hemm iqassam il-premjijiet. Kien hemm ukoll Norma Saliba, il-kap tal-aħbarijiet tal-PBS li kienet ukoll ġurnalista mal-ONE. U magħhom ingħaqad ukoll Albert Marshall, dak li kien s-CEO ta’ ONE TV, magħruf għax l-NAO ċanfritu bil-kbir talli qassam il-miljuni ta’ Ewro f’direct orders. 

Johann Buttigieg li kien wieħed minn ta’ ġewwa fiċ-ċirku ta’ Joseph Muscat, kien hemm ukoll il-premjijiet. Waqt li kien iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar, jingħad li lil Yorgen Fenech Buttigieg kien qallu, “In-negozju nistgħu nagħmluh meta trid”. Fl-istess ħin, lil Robert Abela kien qed jgħaddilu 17,000 Ewro fix-xahar għal xogħlu mal-PA. Lil Yorgen Fenech Buttigieg urieh liema propjetà kellu jixtri minn għand Joseph Portelli, “Il-propjetà f’Ħal Qormi ħu, faċċata tal-uffiċċju tal-posta – dik propjetà tajba”.

Minflok m’arrestawh u xlewh bil-korruzzjoni, Buttigieg kien hemm, iqassam il-premjijiet fis-serata ksuħat ta’ Clayton Bartolo.

Li Bartolo m’għandux sens ta’ dekor jew ta’ deċenza huwa ovvju. Meta The Shift kixfet l-kwistjoni ta’ Amanda Muscat, it-tfajla tiegħu, tah ferħ ta’ ġenn biex il-ħaġa jaħbiha. 

“Ms Amanda Muscat la hi impjegata tal-Ministeru tat-Turiżmu u lanqas tal-Ministeru t’Għawdex” iddikjara l-kelliemi tiegħu. Imma The Shift kellha screenshot tal-indirizz governattiv tagħha, u kienet imniżżla bħala person of trust fis-Segretarjat tal-Ministeru t’Għawdex. 

Imma anki din kienet gidba. Muscat ma kinitx qed taħdem il-Ministeru t’Għawdex. Kien hemm xhieda fotografika li wrietha bil-qiegħda maġenb il-Ministru Bartolo f’xi waħda mil-laqgħat li kellu. Fil-lista tal-Malta Chamber, Muscat tniżżlet bħala s-segretarja privata tal-Ministru bartolo, u akkumpanjatu għal xi okkażjoni.  U fil-ministeru organizzatlu wkoll il-party tal-birthday li qam kemxa flus: u ġabitlu lil Destiny, il-kantanta tal-Eurovision. 

U Bartolo reġa’ nqabad f’gidba. Isuqu l-istint baxx u jagħtik sens ta’ inkompetenza u inkapaċità mħalltamal-arroganza u l-guffaġni. Il-ħatra ministerjali tiegħu jqisha għajn bla tarf biex tiffinanzja d-divertiment personali tiegħu u tal-kollaboraturi viċin tiegħu. Tella’ ritratt tal-mawra VIP li għamel sa Old Trafford tal-Manchester United, akkumpanjat minn Amanda Muscat u mill-inqas tliet impjegati oħra tal-ministeru tiegħu. Imma l-mistoqsijiet dwar min ħallas għal dan il-vjaġġ baqa’ ma weġibhomx. Bħalma jagħmlu ministri oħra tal-gvern, il-fondi pubbliċi Bartolo jaħlihom fil-miftuħ, imma b’insolenza kbira jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet dwar l-jinfiq li jonfoq.

Dan l-aħħar kellu intervista promozzjonali u lil Bartolo saqsewh dwar ‘l-inkwiet tan-nies’. U wieġeb: ‘Qed ninduna li hemm tħassib komuni minħabba dak li qed jiġri fl-Ukraina”. Għal mument deher donnu politikant li kien jikkonċernah dak li qed jiġri fid-dinja u l-atroċitajiet li qed isiru fl-Ukraina. Imma mbagħad żied jgħid: “In-nies qed isaqsu dil-gwerra kemm se taffettwa l-ekonomija tagħna, speċjalment għal dak li hu l-prezz tal-fuel u tal-ikel”. 

X’jimpurtah Bartolo mit-tfal midfuna fit-terrapien, mill-ommijiet qed jistennew tarbija maqbuda fi sptar tal-maternità mġarraf, mill-miljuni li kellhom jaħarbu minn djarhom u mill-imwiet li ma tgħoddhomx. Minflok qed jinkwieta għax jista’ jkun li l-kostitwenti tiegħu jkollhom iħallsu prezz ogħla għall-ħobż. Parrokkjaliżmu bla sugu, qtugħ sfrenat minn dak li qed jiġri madwarna, egoiżmu ħiereġ minn moħħ magħluq u abbuż bil-miftuħ: dan huwa dak li għandu x’joffri lill-elettorat il-partit Laburista.     

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Toni Borg
Toni Borg
2 years ago

ministru iehor inkompetenti, arroganti u korrott!!

nahseb minn butu harihom it titjiriet u l akkommodazzjoni biex mar jara li United!

nies aghar miz zibel dawn!

Related Stories

‘Il-Billi’ proposes more flats instead of Calypso Hotel extension
Gozitan businessman Michael Caruana, known as ‘il-Billi’ and the
Acquisition of €70,000 crib for St John’s Co-Cathedral raises questions on source
A small Neapolitan crib acquired by the St John’s

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo