Read in English.
Dgħajsa tal-ibburdjar li l-gvern xtara second-hand għal nofs miljun ewro biex tintuża fil-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-ibburdjar tħalliet sena u nofs wieqfa u għadhom “qed isirulha xi aġġornamenti” sal-lum. Dan ħareġ minn tagħrif li kiseb The Shift.
Id-dgħajsa kienet ġiet inawgurata f’Diċembru 2022. Waqt dik iċ-ċerimonja lussuża fiċ-Ċentru Marittimu Malti tal-Marsa, il-Ministru għall-Isports Clifton Grima kien qal li l-investiment kien se jiftaħ bibien ta’ opportunitajiet għall-baħħara Maltin biex jikkompetu fi tlielaq prestiġġjużi barra minn xtutna.
Madankollu, sena u nofs wara, sorsi qrib il-Federazzjoni Maltija tal-Ibburdjar qalu lil The Shift li d-dgħajsa għadha qatt ma ħadet sehem f’xi tellieqa u tħalliet wieqfa għal xhur sħaħ, hekk kif għexieren tal-eluf tal-ewro qed jintefqu biex isirulha aġġornamenti ħalli tkun tal-livell mistenni għat-tlielaq.
Il-Cookson 50, li ssemmiet ‘Viva Malta’, kienet xtratha Yachting Malta Ltd – sħubija pubblika privata tal-gvern mal-Federazzjoni Maltija tal-Ibburdjar. Madankollu, qatt ma ngħataw dettalji dwar min kien il-bejjiegħ ta’ din id-dgħajsa second-hand jew jekk kienx hemm xi aġenti intermedjarji involuti fix-xiri.
Waqt seduta parlamentari tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi l-ġimgħa l-oħra, iċ-chairman ta’ Yachting Malta u Deputat Laburista Chris Agius u s-CEO Michael Mifsud (li nzerta wkoll il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Ibburdjar) qal li d-dgħajsa għadha mhijiex qed tintuża għalissa iżda dalwaqt kien se jibda t-taħriġ fuqha.
Meta kien qed jiġi mistoqsiji mid-Deputati Nazzjonalisti Graham Bencini u David Agius, Mifsud ammetta li dan il-proġett ħa fit-tul wisq biex jibda jagħti xi riżultati iżda wiegħed li Yachting Malta kien beħsiebha tikkompeti fi mqar tellieqa waħda sal-aħħar ta’ din is-sena.
Skont Mifsud, id-dgħajsa kellha bżonn xi aġġornamenti u dawn jieħdu l-ħin, madankollu dawn l-aġġornamenti tad-dgħajsa, għadu mhuwiex ċar xi kemm swew lill-poplu.
Mifsud qal ukoll li Yachting Malta kienet se tinvesti €150,000 oħra kull sena minn fondi pubbliċi għat-taħriġ u għal parteċipazzjoni annwali fi tlielaq madwar id-dinja.
Il-‘Viva Malta’ se jkollha ekwipaġġ ta’ 12-il ruħ, iżda dawn għad iridu jibdew it-taħriġ tagħhom biex ikunu jistgħu jinnavigaw id-dgħajsa.
Il-pjan hu li SportMalta, l-entità governattiva fdata bied tmexxi l-isports Malti, se tkun qed tmexxi wkoll dan l-investiment ġdid f’dgħajsa ta’ €500,000.