Read this article in English.
Skont pjanijiet biex jinfirex l-iżvilupp fl-inħawi storiċi tal-Forti Chambray f’Għawdex, li għadhom kemm ġew ippreżentati quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (PA03884/23), jidher li għadd ta’ negozji kbar b’rabtiet qawwijin mal-gvern qed jingħaqdu biex jibnu iżjed lukanti, appartamenti u residenzi.
Filwaqt li l-proġett oriġinali, mogħti permezz ta’ konċessjoni parlamentari fid-disgħinijiet, tħalla fuq l-ixkaffa għal bosta snin, issa The Shift hu informat li grupp ta’ negozjanti influwenti għadhom kemm ingħaqdu biex jinvestu l-miljuni fi proġett kummerċjali ġdid f’dan il-forti mill-isbaħ ta’ żmien il-Kavallieri li hemm fuq l-għolja li tħares fuq il-port tal-Imġarr, Għawdex.
B’applikazzjoni li qed jidher għaliha n-negozjant Għawdxi Michael Caruana, is-sid uffiċjali tal-konċessjoni, qed jiġi propost pjan rivedut, differenti minn dak approvat fil-bidu, biex madwar 37,000 metru kwadru ta’ art fil-forti jinbidlu f’lukanda ta’ 64 kamra, 50 appartament bis-servizzi, u 105 residenzi.
Dan l-iżvilupp li qed jiġi propost u li l-kostruzzjoni tiegħu qed tinfirex fuq medda ta’ ħames snin kontinwi, se jwassal ukoll biex jiżżarmaw għadd ta’ strutturi storiċi fil-forti u jerġgħu jiġu integrati fil-proġett.
L-Awtorità tal-Ippjanar bħalissa qed tistieden il-kummenti u l-oġġezzjonijiet mingħand il-pubbliku u l-NGOs. Jekk dil-proposta tiġi approvata, twassal għall-iżvilupp ta’ xi 4,500 metru kwadru ta’ spazju ġdid li ma kinux inklużi fil-pjan oriġinali.
Min hemm wara l-proġett?
Sid il-Calypso Hotel Michael Caruana hu s-sid tal-konċessjoni u l-persuna li qed tidher fl-applikazzjoni. Madankollu, l-iżvilupp propost jidher li hu kollaborazzjoni bejn għadd ta’ żviluppaturi u negozjanti li ngħaqdu biex jagħmlu l-qligħ minn dan l-iżvilupp tal-forti.
Dawn huma Francesco Grima magħruf bħala l-Gigu u ħabib ta’ ġewwa tal-Ministru tal-Awtorità tal-Ippjanar u għal Għawdex Clint Camilleri, il-kuntrattur tat-toroq Vince Borg ta’ V&C magħruf bħala Ċensu n-Nizz, l-investitur Ninu Fenech u wliedu s-subien ta’ TUM Invest, Oliver Brownrigg tal-Grupp BT u Mario Gauci tal-Burmarrad Commercials.
Filwaqt li n-negozjanti diġà sawru l-kumpanija BBT Gozo Fort Ltd biex tmexxi l-proġett li għadu qas ġie approvat, għadha ma saret l-ebda tħabbira uffiċjali li l-konċessjonarju oriġinali għadda parti mill-konċessjoni lill-investituri l-ġodda. Fl-istess ħin, mhuwiex ċar jekk Caruana jistax ibigħ parti mill-konċessjoni tal-gvern lil partijiet terzi mingħajr riżoluzzjoni parlamentari ġdida.
Meta The Shift ikkuntattjah is-sena l-oħra, Caruana kkonferma li kien għaddej b’diskussjonijiet dwar ftehim possibli, iżda sa dakinhar kien għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim formali.
Fil-frattemp, skont minuti tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, is-Sindku Kevin Cauchi introduċa lil Francesco Grima waqt laqgħa tal-kunsill bħala “l-iżviluppatur il-ġdid tal-Forti Chambray”.
Proġett li ilu għaddej żmien twil
Il-Forti Chambray, mibni mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fil-bidu tas-seklu tmintax bħala parti mill-fortifikazzjonijiet tad-difiża ta’ Għawdex, kien jintuża bħala istituzzjoni tas-saħħa mentali fis-sittinijiet u fis-sebgħinijiet sakemm eventwalment ingħadda lill-familja Zammit Tabona lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-1987.
Meta l-Partit Nazzjonalista mbagħad kiseb il-poter, ċerta kumpanija Fort Chambray Ltd irreġistrata f’Monaco kienet ingħatat il-konċessjoni tas-sit għal 99 sena; iżda l-proġett qatt ma twettaq minħabba nuqqas ta’ fondi biżżejjed.
Fl-2004, imbagħad, il-gvern kien għadda l-proġett kollu f’idejn in-negozjant Għawdxi Michael Caruana, li kien biddel partijiet mis-sit f’appartamenti lussużi. Madankollu, sal-lum, bosta rqajja’ kbar tas-sit tħallew nofs leħja u jonqoshom ħafna xogħol biex jitlestew.