Il-ministru u l-ministeru tat-turiżmu jikkontradixxu lil xulxin fuq il-biljetti tal-kunċerti

Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-ministeru tiegħu kkontradew lil xulxin rigward l-1,300 biljett tal-kunċert li tqassmu b’xejn. Dawn il-biljetti ngħataw lill-ministeru mill-organizzaturi privati ta’ dan l-avveniment li jirċievu miljuni tal-ewro fi sponsorships mingħand l-istess gvern għall-avvenimenti tagħhom.

Wara li Bartolo ammetta fil-parlament li l-ministeru tiegħu rċieva 600 biljett mingħand l-organizzaturi tal-kunċert ta’ Robbie Williams u 700 biljett mingħand l-organizzaturi ta’ Andre Rieu, The Shift bagħat talba tal-libertà tal-informazzjoni (FOI) għal iżjed dettalji dwar lil min ingħataw, u r-risposta li ngħatajna kienet li l-Ministeru ma rċieva l-ebda biljetti b’xejn.

F’Ottubru li għadda, wara mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, Bartolo ammetta li l-ministeru tiegħu rċieva xi biljetti b’xejn mingħand l-organizzaturi ta’ kunċerti kbar, u b’mod speċifiku semma l-avvenimenti ta’ Robbie Williams u ta’ Andre Rieu.

Bartolo ma riedx jgħid kemm ingħataw għajnuna l-organizzaturi mingħand il-gvern fil-forma ta’ sussidji biex itellgħu dawn il-kunċerti fil-Floriana.

The Shift bagħat FOI biex jitlob lista sħiħa tar-riċevituri, iżda t-tweġiba uffiċjali li ngħatajna qed tikkontradixxi direttament dak li l-ministru qal fil-parlament.

“Il-Ministeru mhuwiex f’qagħda li jwieġeb it-talba tal-applikant peress li l-organizzaturi tal-kunċert ta’ Robbie Williams u tal-kunċerti ta’ Andre Rieu ma kkonċedew l-ebda biljetti lill-ministeru,” tgħid it-tweġiba.

It-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari tad-deputat Mark Anthony Sammut.

The Shift issa ressaq ilment rigward it-tweġiba, għax skont l-istanding orders tal-parlament, il-ministri huma obbligati jipprovdu l-informazzjoni korretta lill-kamra tar-rappreżentanti u jekk le, jaf ikollhom jaffaċċjaw proċeduri tad-dixxiplina.

It-tweġiba FOI tal-Ministeru tat-Turiżmu.

The Shift diġà kien irrapporta kif mijiet ta’ biljetti tal-kunċerti tqassmu b’xejn lil uffiċjali tal-customer care tal-ministeru ta’ Bartolo u anki lil familjari tiegħu, lil ħbieb, lil attivisti tal-Partit Laburista u lil kanvażers mill-kostitwenza.

Fl-2022, intefqu madwar €56 miljun fuq kunċerti, avvenimenti u marketing mill-baġit tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, madankollu ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar kif tqassmu dawn il-fondi u dwar l-introjtu miksub minn dawn l-investimenti, jekk kien hemm.

Xi organizzaturi tal-kunċerti li tkellmu ma’ The Shift qalulna li għalkemm hu minnu li ċerti avvenimenti kbar, b’mod partikolari dawk li jinvolvu artisti mondjali, ma jkunux jistgħu jiġu organizzati f’Malta jekk ma jkunux sussidjati mill-gvern, hemm bżonn iżjed trasparenza u kontabbiltà.

“Filwaqt li xi sponsorships tal-avvenimenti huma ġustifikati, oħrajn mhumiex. Madankollu, il-Ministeru tat-Turiżmu qed jibqa’ jixħet lil kulħadd fl-istess borma biex l-abbużi jkunu jistgħu jiġu ġġustifikati,” qalilna organizzatur ewlieni ta’ avvenimenti bħal dawn.

Ma teżistix sistema trasparenti dwar min qed jiċievi l-isponsorships tal-gvern, u d-deċiżjonijiet jeħduhom kumitati kkontrollati mill-ministru jew persuni maħtura minnu.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo