This article is available in English
Nhar l-Erbgħa The Shift rebħet tmin kawżi oħra li għamel il-gvern kontra l-editur maniġerjali ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet biex jiċħdilha t-talbiet tagħha “Freedom of Information”.
B’dawn it-tmin rebħiet fil-qorti tal-appell, b’kollox issa jiġu għaxra l-kawżi li qata’ l-Imħallef Lawrence Mintoff favur The Shift.
Erbgħin kawża għamel il-gvern kontra din il-kamra tal-aħbarijiet, biex b’hekk jherrilha r-riżorsi tagħha hi u tiġġieled dawn il-kawżi li Ian Deguara, il-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll Anna Mallia, iċ-Chairman tat-Tribunal tal-Appell, diġà qatgħuhom favur tagħha.
Iktar minn sentejn ilha għaddejja din l-istorja. Il-gvern għamel kulma seta’ biex l-informazzjoni jaħbiha dwar kemm nefaq għar-relazzjonijiet pubbliċi biex jixtri rappurtaġġ pożittiv mill-kumpanniji ta’ Saviour Balzan.
F’dawn id-deċiżjonijiet, lil tmin entitajiet oħra tal-gvern, l-Imħallef Lawrence Mintoff ordnalhom jagħtu t-tagħrif dwar il-ħlasijiet li saru lil Media Today u l-kumpanniji l-oħra ta’ Saviour Balzan mill-2013 ‘l hawn.
Dawn l-entitajiet huma: WasteServ Malta, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-Awtorità tad-Djar, il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, il-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali kif ukoll il-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-kawżi maqtugħa llum huma bħal dawk maqtugħa favur The Shift kontra l-Malta Film Commission u s-Circular Economy Malta.
L-informazzjoni, dawn l-entitajiet mhux biss se jkollhom jagħtuha, imma se jkollhom iħallsu wkoll l-ispejjeż legali kollha, kemm dawk tat-Tribunal għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll dawk tal-kawżi tal-appell li saru l-qorti.
U dawn l-ispejjeż kollha se jitwikka bihom min iħallas it-taxxa minħabba d-deċiżjoni tal-gvern li akkost ta’ kollox ma jkunx trasparenti dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Balzan.
Hija xi ħaġa verament rari li għal darbtejn il-gvern joġġezzjoni għal deċiżjoni meħuda mill-korpi kostitwiti tiegħu stess.
L-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-ħarsien tal-libertà tal-media stqarrew li dawn il-kawżi fil-fatt jikkostitwixxu każ ta’ SLAPP – kawżi vessatorji magħmulha bl-għan li kamra tal-aħbarijiet jirrovinawha finanzjarjament.
Dawn il-kawżi, lill-gvern ħeġġewh iwaqqagħhom, kif għamel ukoll l-MEP David Casa: dan mexxa riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew li tappoġġa s-sejħa biex jitwaqqgħu dawn il-kawżi.
“L-indikazzjonijiet kollha huma ċari daqs il-kristall. Il-gvern qed jitlef kawża waħda wara l-oħra, imma b’dan kollu għadu qed jaħli flus min iħallas it-taxxa minħabba l-ispejjeż tal-qorti, l-ispejjeż tal-avukati kif ukoll il-penali.” Caroline Muscat, l-Editur Maniġerjali ta’ The Shift, stqarret ukoll li l-gvern għandu jkun trasparenti kemm fil-każ ta’ Saviour Balzan kif ukoll fil-każ ta’ kwalunkwe ħabib ta’ ġewwa ieħor.
U issa, b’dawn id-deċiżjonijiet, għandna preċedenti legali li jillimitaw kemm il-gvern jista’ jabbuża mill-Att FOI.