Read this article in English here.
Ronald Mizzi kien is-segretarju permanenti u l-bniedem ta’ fiduċja li serva taħt l-ex Ministru tat-Turiżmu diżonorat Konrad Mizzi: ħa ħsieb il-każijiet korrotti kollha ffirmati meta kien jokkupa din il-kariga. Issa se jkun qed jamministra wkoll il-miljuni ta’ Ewro ta’ finanzjament tal-UE.
Meta kien l-uffiċjal l-aktar anzjan, u fuqu kellu biss il-ministru, ir-rwol ta’ Mizzi kien kruċjali fid-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-ikbar skandli li ġraw f’pajjiżna – tlieta minnhom kienu l-ftehim mal-Electrogas, it-trasferiment tal-art ITS-DB, u l-konċessjoni tat-tlett sptarijiet.
Fl-istqarrija li ħareġ il-gvern it-Tnejn, l-iktar li ssemmiet kienet ir-riżenja ta’ Alfred Camilleri, is-segretarju permanenti fil-ministeru tal-finanzi li kien ilu żmien f’dil-kariga; tħabbar ukoll is-suċċessur tiegħu Paul Zahra kif ukoll l-estensjoni tal-portafoll ta’ Mizzi.
Minn dil-ġimgħa, Mizzi se jkun responsabbli għall-arranġamenti kuntrattwali kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ministeru tal-ekonomija, l-industrija, l-artijiet u l-fondi tal-UE. Direttament fuqu m’hu se jkun hemm ħadd ħlief il-Ministru Silvio Schembri: dan qala’ ħafna kritika tad-deċiżjoni li ħa biex showroom tal-kmamar tal-banju, jonfoq 31 miljun Ewro biex jibdilha fl-uffiċċini l-ġodda tal-Malta Business Registry.
Fil-leġislatura li għaddiet, Ronald Mizzi kien is-segretarju permanenti fil-ministeru tat-turiżmu, anki wara li Konrad Mizzi, sidu fil-politika, kien imġiegħel jirriżenja minħabba l-pressjoni pubblika li eventwalment wasslet ukoll għat-tkeċċija tal-ex Prim Ministru diżonorat Joseph Muscat.
Matul il-ħames snin li Mizzi għamel bħala segretarju permanenti f’dak il-ministeru, l-Air Malta, il-linja nazzjonali tal-ajru b’ħafna inkwiet, kienu jiftaħru biha bħala storja ta’ suċċess li rnexxielha tagħmel profitt minkejja l-finanzi batuti tagħha.
Imma fil-fatt, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-linja tal-ajru tant hi serja li ripetutament qed ikollha bżonn l-għajnuna mill-istat. Il-proċess iebes ta’ ristrutturar ukoll tħarbat billi l-piloti u l-impjegati l-oħra li ġew iddikjarati żejda, wegħduhom l-istess paga u l-istess kundizzjonijiet fiċ-ċivil.
Fil-fatt, il-kontijiet tal-Air Malta inżammu mistura għal dawn l-aħħar tlett snin, xi ħaġa differenti ħafna minn dak li kien isir is-soltu, meta l-linja tal-ajru, il-kontijiet tagħha kienet tippubblikahom.
Apparti l-kontabilità kreattiva li kien hemm fl-Air Malta, il-ministeru tat-turiżmu kien ħa deċiżjoni dubjuża oħra meta ffirma ftehim ta’ sponsorship mal-Manchester United, li l-prezz tiegħu minn flus il-poplu qatt ma ġie żvelat.
Id-dettalji ta’ dan il-ftehim qatt ma ġew murija b’mod sħiħ lill-pubbliku, u The Shift kienet żvelat li bis-saħħa tiegħu kienu pproduċew ħafna materjal mimli tifħir lill-ministru. U fiż-żjajjar regolari li kienu jagħmlu l-ministru tat-turiżmu u dawk ta’ madwaru meta jmorru Old Trafford, l-istadium ta’ dan il-club tal-football, kienu jingħataw trattament VIP.
Meta Konrad Mizzi kien il-ministru tal-enerġija u tas-saħħa, Ronald Mizzi kien maġenbu wkoll bħala segretarju permanenti ta’ dak il-ministeru. U meta l-ex kap tiegħu ttrasferewh bħala ministru fl-uffiċċju tal-prim ministru, reġa’ kien hemm miegħu bħala segretarju permanenti.
Kien f’dan iż-żmien li l-proġett tal-power station Electrogas u l-konċessjoni tat-tlett sptarijiet, il-gvern Malti rratifikahom.
Dawn iż-żewġ ftehim, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar (l-NAO) ikkundannhom f’serje ta’ rapporti talli naqqsu bil-kbir milli jimxu mal-prattika standard tal-public procurement: il-proċess tal-għażla ta’ min jagħmel l-offerta kien ivvizzjat u l-kondizzjonijiet speċifikati iktar kienu jiffavorixxu l-interess privat milli dak pubbliku.
Il-konċessjoni tal-isptarijiet pubbliċi oriġinarjament ingħatat lil Vitals Global Healthcare (VGH), u iktar tard daħal għaliha Steward Healthcare. Imma l-informazzjoni li s-segretarju permanenti ta lill-NAO, dan l-istess uffiċċju lanqas ma seta’ jivverifikaha.
L-NAO investiga l-każ, u sab li David Galea, ħabib antik u soċju ta’ Konrad Mizzi, kien għamel feasibility study: dan kien l-uniku rapport li bis-saħħa tiegħu ddeċidew li l-konċessjoni tingħata lil VGH.
Skont l-NAO, dan ir-rapport lanqas biss ma kellu data fuqu u ma kien hemm l-ebda ittra li turi li tqabbad xi ħadd biex jagħmlu. Lill-NAO, Mizzi kien qalilhom li l-analiżi saret fl-2015, imma ma tawhom l-ebda korrispondenza biex ikunu jistgħu jikkonfermaw dak li qalilhom.
Ir-rapport jiddikjara: “Lill-NAO ma tawh l-ebda dokumentazzjoni bħala xhieda taż-żmien meta tqabbad it-team tal-esperti, jew ta’ meta r-rapport tagħhom għaddewh lill-Ministeru. B’hekk l-integrità tal-informazzjoni li ngħatat lil dan l-uffiċċju hija dubjuża.”
Il-ftehim mal-Electrogas mexxih Konrad Mizzi bl-għajnuna tas-segretarju permanenti tiegħu u għadu qed jiġi investigat mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. L-NAO għamlet diversi rapporti dwaru u sejħitlu ftehim ivvizzjat.
Il-ftehim ta’ biljun dollaru li l-gvern ta’ Malta ffirma mal-kumpannija statali taż-żejt tal-Azerbajan, is-SOCAR, lill-poplu swielu d-doppju. Barra minn hekk il-ftehim kważi sfaxxa fix-xejn minħabba kwistjonijiet finanzjari li nqalgħu: dawn ġew issuperati biss meta l-gvern għamel garanzija fuq bridge loan ta’ 450 miljun Ewro.
Are Permanent Secretary personally liable if found to have pilfered public funds? If yes, this guy can book a place in Kordin.