Waqt li l-MTA qed tipprova taħbi l-infiq tagħha, il-Head of Events baqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn – qatt ma tniżżel grad fl-impieg

Skont ir-rapporti fil-gazzetti, Lionel Gerada kellu jitniżżel grad fl-impieg tiegħu: b’dan kollu mid- dokumenti uffiċjali jidher li dan qatt ma seħħ

 

Read this article in English here.

Bħalissa l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (l-MTA) qed tagħmel ħilitha kollha biex l-ismijiet ta’ dawk li bbenefikaw mill-isponsorships, ma tiżvelahomx: u dan minkejja t-talbiet kollha li għamel dan is-sit bis-saħħa tal-Freedom of Information approvati mill-Kummissarju għad-Data Protection. B’dan kollu l-persuna responsabbli li qassmet il-miljuni ta’ Ewro fi sponsorships dubjużi għadha qed tmexxi hi.

Il-Head of Events tal-MTA, Lionel Gerada, oriġinarjament kien tqabbad mill-ex ministru tat-turiżmu diżonorat Konrad Mizzi, minkejja l-passat kriminali tiegħu. Gerada għadu jmexxi l-proċess li jiddeċiedi min jieħu l-isponsorships biex jissapportjaw l-organizzaturi tal-events. U dan minkejja x-xhieda li hemm tar-rabtiet li għandu ma’ ċerti organizzaturi tal-events viċin tiegħu li ffavorihom meta għaddielhom l-eluf kbar ta’ Ewro mit-taxxi tal-poplu. 

Biss biss l-ġimgħa l-oħra Gerada kien Għawdex biex jippromovi event organizzat mit-356 Entertainment Group, kumpannija li jmmexxuha nies viċin tiegħu. The Shift investigat l-ewwel sena li għamel Gerada l-MTA: sabet li l-event li organizza l-istess grupp, il-Music Summit Internazzjonali, kien sewa 37,500 Ewro mit-taxxi tal-poplu, mis-somma totali ta’ 2 miljun Ewro li ntefqu fis-sajf biss tal-2018. 

Fl-ewwel sena li Gerada għamel bħala direttur tat-taqsima tal-events tal-MTA, il-budget għal dawn l-isponsorships kiber bi tlett darbiet, minn 2 miljun Ewro għal 6 miljun Ewro. 

The Shift kienet ippubblikat artiklu biex turi kif it-356 Entertainment Group, bis-saħħa tal-inizjattiva tagħhom magħrufa bħala Malta Shows, organizzaw xejn inqas minn sitt events, kollha sponsorjati minn Visit Malta, it-taqsima tal-MTA dwar l-informazzjoni turistika. Is-somma totali li ntefqet fuq dawn l-events għadha mhix magħrufa għax l-MTA qed tipprova timblokka t-talbiet għall-informazzjoni dwarhom.

It-talbiet skont il-Freedom of Information li għamlet The Shift, l-MTA ċaħdithom, minkejja d-deċiżjoni tal-Kummissarju għad-Data Protection meta qabel li din l-informazzjoni għandha tingħata.

Fis-16 ta’ Jannar it-Times of Malta kienet ippubblikat rapport dwar bawxata nfiq li kienu għamlu xi impjegati tal-MTA meta bbukkjaw il-kmamar ta’ ħotel, jiswew ħafna flus, biex jużawhom waqt avveniment li kellu jsir il-Belt. F’dik l-okkażżjoni kien irrappurtat li Gerada kien se jitniżżel grad fl-impieg, u ma kienx se jitħalla jmexxi l-għoti tal-fondi u d-deċiżjonijiet dwarhom. Imma b’dan kollu baqa’ ma ġara xejn. 

Is-sorsi li kkonsultat The Shift qalulha li fil-fatt ma nbidel propju xejn u Gerada għad għandu l-istess responsabbiltà li kellu sa mill-2018. U d-dokumenti uffiċċjali, dan jikkonfermawh. 

Mid-database tal-gvern jidher li Lionel Gerada għadu Head of Events

Biss biss fis-sajf tal-2018 biss, The Shift sabet li l-MTA qassmet madwar żewġ miljun Ewro fi sponsorships li bejn wieħed u ieħor ħaduhom l-istess grupp ta’ organizzaturi. Dawn in-nies, Gerald Debono, Trevor Camilleri, Nicholas Spiteri u Edward Zammit Tabona tal-Fortina Group bejniethom ħadu l-ikbar u l-aħjar sehem ta’ ffinanzjar ta’ dik is-sena: wieħed mill-festivals tagħhom, Summer Daze, lill-poplu swielu miljun Ewro punt wieħed. 

Bis-saħħa tal-investigazzjoni li għamlet The Shift biex tara x’sar mill-miljuni ta’ Ewro li ntefqu bl-awtorità tiegħu fl-2018, fl-2020 Gerada ssejjaħ biex jixhed quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (il-PAC)

Beppe Fenech Adami, l-ex Chairman tal-PAC u MP tal-Oppożizzjoni, kien ikkonferma li la l-MTA u lanqas il-ministeru tat-turiżmu ma kienu ħadu xi azzjoni. U dan minkejja dak kollu li kixef il-kumitat, fost affarijiet oħra, is-sistema parallela ta’ sponsorship li biha kienu jinqdew malajr dawk li ‘kienu jkellmu lil Lionel’.

Lil The Shift kellmuha xi organizzaturi tal-events u qalulha li minħabba r-rabtiet mill-viċin li għandu Gerada ma’ individwi partikolari f’din l-industrija, m’hemmx ċans li l-affarijiet jimxu bil-fier. Kien hemm għadd ta’ individwi li lmentaw dwar kif il-proposti tagħhom ma kinux jiġu kkunsidrati jew inkella kienu jingħataw il-ġenb, waqt li n-nies viċin Gerada kienu jieħdu l-parti l-kbira tal-fondi.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo