Lil Monica Farrugia, il-kap il-ġdid tal-Enemalta Jonathan Farrugia jagħtiha salarju ta’ €105,000

Read this article in English here.

Monica Farrugia kienet l-assistenta afdata ta’ Jonathan Cardona u kienet issiefer miegħu. Kien impjegaha fl-aġenzija tal-gvern ‘cash-for-passports’ (Community Malta) imma issa huwa sar il-kap il-ġdid tal-Enemalta u qabbadha sservi bħala direttur esekuttiv fil-kumpannija statali tal-enerġija. Skont talba ‘Libertà tal-Informazzjoni’, ħa jkollha pakkett finanzjarju li jlleħħaq somma b’sitt numri.

Farrugia ilha membru tal-kumitat esekuttiv tal-Partit Laburista, u offrewlha impieg bħala Direttur Esekuttiv fl-aġenzija statali tal-enerġija ftit ġimgħat biss wara li Cardona nnifsu għażlitu Miriam Dalli, il-Ministru tal-Enerġija, biex ikun is-CEO tal-Enemalta; u tawh pakkett finanzjarju ta’ €160,000.

Skont it-tagħrif li fittxet The Shift bis-saħħa ta’ talba ‘Libertà tal-Informazzjoni’, lil Farrugia, l-Enemalta impjegawha bħala Direttur Esekuttiv, u bejn salarju u benefiċċji, għandha tieħu pakkett finanzjarju ta’ €105,000.

Minbarra salarju bażiku li jlleħħaq il-81,105 Ewro fis-sena, il-kuntratt ta’ Farrugia mimli benefiċċji oħra. Dawn jinkludu pagament ta’ €8,500 fis-sena għall-użu ta’ karozza, xi €4,000 għall-polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa u communications allowance, xi €4,000 oħra għal ‘disturbance compensation’ u performance bonus li jleħħaq aktar minn €12,000 fis-sena. U dan il-bonus għandu jiddeċiedi dwaru Cardona nnifsu.

Farrugia m’għandha l-ebda esperjenza fl-immaniġġjar ta’ entità daqshekk kbira, imma wara erba’ snin taħdem mal-kumpannija statali tal-enerġija, il-job tagħha jinbidel għal wieħed indefinit.

Bħala Direttur Esekuttiv, Corporate Affairs, Farrugia issa se tieħu ħsieb id-dipartimenti kollha li għandhom x’jaqsmu mal-HR u l-kommunikazzjoni, u se tirrapporta direttament lis-CEO tal-kumpannija (Cardona).

Meta wieġbet il-mistoqsijiet ta’ The Shift, l-Enemalta qalet li Farrugia ntgħażlet wara li saret sejħa pubblika.

Għadu mhux magħruf jekk Cardona kienx jifforma parti mill-bord li għamel l-intervisti biex jistabbilixxi jekk Farrugia kinitx l-aħjar kandidat u l-iktar wieħed kwalifikat għal din il-pożizzjoni għolja.

Monica Farrugia hija Għawdxija minn Victoria u ilha tavanza bis-saħħa tas-suċċess ta’ Cardona fil-karriera fenomenali tiegħu minn mindu l-Labour rebaħ l-elezzjoni fl-2013.

Cardona kien fl-istess klassi mal-prim ministru diżonorat Joseph Muscat u kellu sehem mill-viċin biex leħaq mexxej tal-Labour.

Wara l-elezzjoni tal-2013, lil Cardona għażluh biex jieħu ħsieb Identity Malta: hawnhekk kellu x-xogħol ta’ salesman prinċipali, jbigħ il-passaporti Maltin lill-multimiljunarji.

Lil Monica Farrugia impjegaha mill-ewwel biex tkun l-assistenta tiegħu u iktar tard taha promotion għal Chief Commercial Officer fl-iskema ‘cash-for-passports’.

Monica Farrugia tirreklama l-bejgħ tal-passaporti Maltin fiċ-Ċina

Fl-2020, The Shift kienet irrappurtat li Cardona u Farrugia għaddew ix-xhur jiġru minn kontinent għall-ieħor biex jirreklamaw il-bejgħ tal-passaporti Maltin f’erba’ kontinenti, mill-Asja sas-South Africa u mill-Caucasus sal-Amerika Latina.

F’temp ta’ erba’ snin, Cardona u Farrugia tellgħu kont għall-ivvjaġġar ta’ kważi €300,000 f’hotels lussużi u l-ivvjaġġar business class. Żaru fost l-oħrajn, postijiet bħal Singapore, Thailand, il-Vietnam, Sri Lanka, Monaco, iċ-Ċina, il-Brażil u l-Ukraina. Dan l-ivvjaġġar kellu x’jaqsam l-iżjed ma’ kampanji ta’ bejgħ organizzati minn Henley & Partners.

Ftit wara li Cardona sar iċ-chairman tal-Bord tal-Gvernaturi għall-Fond Soċjali u l-Iżvilupp Nazzjonali (l-NSDF), fond tal-gvern li jikkontrolla miljuni ta’ Ewro mill-bejgħ tal-passaporti, Farrugia kienet saret ukoll membru ta’ dan l-istess bord.

Separatament, Farrugia ħatarha l-gvern ukoll biex isservi fil-Bord tad-Diretturi tal-Gozo Channel.

Sorsi mill-Enemalta, lil The Shift qalulha li din l-aħħar ċaqliqa ta’ Farrugia saret bl-inizjattiva personali ta’ Cardona. Biex jaċċetta li jmur l-Enemalta, lill-Ministru Miriam Dalli Cardona għamlilha din il-kondizzjoni mhux miktuba.

U issa Farrugia meqjusa fit-tieni post fil-ġerarkija tal-kumpannija statali tal-enerġija wara Cardona nnifsu.

Bħalissa l-Enemalta għandha problemi finanzjarji serji ħafna u qed żżomm fil-wiċċ purament bis-saħħa ta’ sussidju dirett li jagħtiha l-gvern kull xahar.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

2 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Marianna Galea Xuereb
Marianna Galea Xuereb
2 years ago

Ta’ min jinsisti li l-eta’ ta’ kull CEO, direttur, chairman/person kif ukoll ic-CV taghhom tkun ippublikata fuq il-website tal-kumpanija, ANKI jew tkun kumpanija purament privata, ahseb u ara entita’ statali jew Public Limited Company

Charles
Charles
2 years ago

Dawn affarijiet perikoluzi. Niftakar l-ghagha kbira li qamet meta l-PM Lawrence Gonzi kien ta 500 ewro zieda lill-membri tal-Kabinett. Dawn jinghad li raddewhom lura. Izda hemm differenza kbira bejn 500 ewro u aktar minn 100elf ewro lil impjegata. L-ewwel nett dawn huma flus pubblici u hadd ma jista’ jaqbad u jhallas kemm irid, u t-tieni, hemm bzonn ikun studjat l-impatt f’differenza bejn dawn il-pagi lill-‘maghzulin’ u l-pensjonijiet imhallsin lill-kumplament tal-poplu, li jkun ghamel aktar minn 40 sena xoghol bi ftit salarju. Il-politicizzazzjoni qed taghmel hsara kbira u se tasal ittellef post il-kbarat, li qed jemmnu li telghu hemm ghal dejjem.Hekk kien gara fi Franza qabel ir-Rivoluzzjoni tal-Poplu.

Related Stories

€40,000 promotion for Steve Ellul’s assistant at Infrastructure Malta
Failed Labour MEP candidate Steve Ellul, now Infrastructure Malta
Anything but average: The Shift launches crowdfunding campaign
The Shift’s commitment to delivering journalism that makes a

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo