Il-Ministru tal-Ġustizzja ma jridx jispjega diskrepanza ta’ €100,000 fil-fattura għal klijent li ried hotel fuq ix-xtajta

Sid lido talab l-għajnuna legali lill-kumpannija tal-ministru tal-ġustizzja biex jibni hotel preċiż fuq ix-xtajta u ried ukoll biċċa art pubblika maġenbha biex ikun jista’ jespandi.

 

Read this article in English here.

Il-ministru l-ġdid tal-ġustizzja ta’ Robert Abela qed isibha bi tqila tassew biex jispjega kif, fl-2016, meta kien għadu jipprattika bħala avukat, lil wieħed negozjant, ħariġlu ħames fatturi separati, kull waħda għal €20,000, u dan, diversi xhur wara li dan l-istess individwu kien diġà ħallsu €100,000 għal servizzi mhux speċifikati.

Ftit ġranet ilu, The Shift żvelat dokumenti tal-qorti u dawn juru li tlett avukati, kollha b’konnessjoni mill-viċin mal-gvern Laburista, ħarġu l-fatturi lil Anthony Curmi. Dan kien sid il-lido Costa Del Sol, il-Mellieħa, u l-fatturi kienu jammontaw għal €300,000 għal ‘servizzi legali’: ħarġuhomlu wara li kien ġa ħallashom is-sid, li dak iż-żmien kellu 82 sena.

Din hija kumpannija żgħira legali, jisimha AGG Advocates, u fiha hemm il-Ministru tal-Ġustizzja attwali Jonathan Attard, l-ex reporter tal-One TV Charlon Gouder u Joe Gerada, l-ex konsulent ta’ Chris Cardona. Lis-sidien tal-Costa Del Sol talbuhom ħlas għal ‘servizzi legali’ u għall-‘għajnuna’ fil-konfront ta’ diversi entitajiet tal-gvern, fosthom il-Malta Tourism Authority (l-MTA) u t-Taqsima tal-Propjetà tal-Gvern (il-GPD).

Charlon Gouder (fuq ix-xellug) mal-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard

Fl-istess ħin li kienu qed jipprovdu dawn ‘is-servizzi’, dawn it-tliet avukati kienu qed jitħallsu mill-gvern bħala konsulenti ta’ diversi ministri.

Il-ministru tal-ġustizzja għandu 38 sena u daħal tard fil-professjoni legali. Ma jridx jispjega il-għala dawn il-fatturi ħariġhom xhur wara li kien diġà tħallas.

U s’issa lanqas għadu spjega x’servizzi hu u l-kollegi tiegħu taw lil Curmi meta għinuh fil-konfront tat-Taqsima tal-Propjetà tal-Gvern u tal-MTA, fost l-oħrajn.

Il-klijent innifsu, Anthony Curmi, mhuqed igħid xejn dwar il-ħlasijiet esaġerati li kellu jħallas lil AGG Lawyers in konnessjoni mal-proġett tiegħu li falla.

Il-lido tiegħu (propjetà tal-gvern), bil-pożizzjoni eċċezzjonali tiegħu, Curmi kien xtaq jibdlu f’hotel ta’ ħames stilel, hemmhekk, preċiż fix-xtajta tal-Mellieħa. Imma biex jagħmel hekk Curmi l-ewwel kien jenħtieġ il-permess tal-gvern, minn għand it-Taqsima tal-Propjetà tal-Gvern, biex dan il-lido li kien qed jikri, jibdlu f’hotel. U ried ukoll jakkwista iktar art pubblika maġenb il-lido biex ikun jista’ jwettaq dan il-proġett, inkluż parkeġġ pubbliku għall-karozzi.

U biex l-Awtorità tal-Ippjanar tibda tikkonsidra l-proġett tiegħu, kellu bżonn ukoll il-permess mill-MTA.

Mill-punt di vista ambjentali, dan il-proġett lanqas ċans minimu ma kellu li jirnexxi: b’dan kollu ż-żewġ dipartimenti tal-gvern ma sabu l-ebda diffikultà u lil Curmi tawh il-permess imexxi bil-pjan tiegħu.

Meta lil Carlos Bugeja, l-avukat ta’ Curmi, saqsejnieh x’tip ta’ għajnuna kienu pprovdew l-avukati ta’ AGG fil-konfront ta’ dawn id-dipartimenti tal-gvern, baqa’ ma weġibx.

U lanqas ma ried jispjega l-għala l-klijent tiegħu kien ħallas somma daqshekk kbira qabel ma kellu f’idejh il-fatturi relevanti.

Lil The Shift Bugeja qalilha: “Dan il-każ m’għandix il-libertà li niddiskutih ma’ terzi persuni. Il-klijenti tiegħi jinsistu li sempliċement iridu jkomplu bil-kawża tagħhom il-qorti u m’għandhom l-ebda interess li jinvolvu ruħhom f’dibattitu politiku”. Dan kien l-uniku kumment li għamel u li ma kellu x’jaqsam xejn mal-mistoqsijiet ta’ The Shift.

Curmi kien qata’ kull relazzjoni li kellu mal-avukati ta’ AGG, u issa, il-qorti, qed jirrappreżentah Bugeja.

U f’każ separat, Curmi fetaħ kawża konrta diversi persuni, fosthom konsulenti lokali u barranin, għax qed igħid li ffrodawh mijiet ta’ eluf ta’ Ewro biex jgħinuh jiftiehem għal finanzjament ta’ xi 50 miljun Ewro għall-proġett tal-ħolma tiegħu.

Curmi qed igħid li l-finanzjament li wegħduh qatt ma wasal, allavolja lil dawn il-konsulenti ħallashom mijiet ta’ eluf ta’ Ewro.

U qed jipprova jirkupra wkoll pagamenti oħra li qed igħid li ġegħluh iħallas għal dan il-proġett li falla. Fost dawn il-pagamenti hemm dawk li ħallas lill-ministru tal-ġustizzja u lil sħabu.

Dawn it-tlett avukati, Jonathan Attard, Charlon Gouder u Joe Gerada, lil Curmi bagħtulu fatturi identiċi li jsemmu l-istess servizzi u li jitolbuh iħallas €100,000 lil kull wieħed minnhom. Joe Gerada huwa l-istess individwu li allegatament mar mal-ex Ministru tal-Ekonomija Cardona f’burdell Ġermaniż.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

2 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
KLAUS
KLAUS
1 year ago

Diġà kellna Ministru tal-Ġustizzja idjota li l-azzjonijiet tiegħu ressqu l-qorti.
Jidher li hawn tradizzjoni tal-mafja.

Jidħol sew f’dan il-gvern ta’ idlers li jaħsbu biss fil-flus li għandhom jiġu mqarrqa u mhux fil-ġid tal-Maltin!

joe tedesco
joe tedesco
1 year ago

MA TISTA’ TAFDA LIL ĦADD. IL-FIDUĊJA TNAQQRET KOMPLETAMENT.

Related Stories

BA directive against Roberta Metsola ‘unprecedented’, must be suspended
The European Parliament office in Malta has reacted to
From Naxxar to Namibia: Councillor to be appointed ambassador
Malta’s Foreign Minister Ian Borg has nominated a Labour

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo