Read this article in English here.
Fl-2009, il-Guardia di Finanza tal-Italja lil Kurt Buhagiar kienu qabduh fil-fatt flimkien ma’ żewġ kompliċi oħra wara li ġrew wara l-powerboat high-speed li kellhom. U spiċċa l-ħabs akkużat bit-traffikar uman. Is-sena l-oħra qabbditu jaħdem magħha l-Awtorità tal-Artijiet u issa qed igħidu li se jtuh promotion.
Buhagiar kellu 25 sena meta qabduh il-pulizija Taljana flimkien maż-żewġ kompliċi l-oħra, Josè Xerri u Michael Aquilina, għax kienu qed jippruvaw jdaħħlu 19-il emigrant fi Sqallija. Kienu ħbewhom f’kompartiment fil-powerboat li kienu qed jużaw għall-attività illegali tagħhom. Il-pulizija arrestawhom u tefgħuhom il-ħabs fl-2010.
Skont l-aħbar li kienet ħarġet fl-2009, il-patrol boats tal-Guardia di Finanza ġrew warajhom għal siegħa u nofs sħaħ qabel ma qabduhom. Iktar tard, lil Buhagiar u lil Xerri akkużawhom bit-traffikar uman, li ppruvaw ifixklu l-ġustizzja u li ppruvaw jidħlu fid-dgħajjes tal-pulizija.
Skont rapport li sar fl-2011 Buhagiar u Xerri kienu qegħdin il-ħabs, imma ma jingħadx jekk kienux qed jinżammu b’arrest sakemm isiru l-investigazzjonijiet li kien hemm bżonn, jew inkella jekk kellhomx kundanna uffiċjali.
Għalkemm kien akkużat ta’ reat daqshekk serju, fi Frar tas-sena l-oħra lil Buhagiar, l-Awtorità tal-Artijiet impjegatu bħala driver għas-CEO Robert Vella. U issa għandu wkoll il-pożizzjoni ta’ uffiċjal amministrattiv, b’salarju bażiku ta’ 21,357 Ewro fis-sena. Fi Frar tal-2021, Vella kien għadu kif inħatar CEO wara li rriżenja l-predeċessur tiegħu James Piscopo.
Is-sorsi tagħna spjegawlna li fi ħdan l-Awtorità, Buhagiar jittrattawh fil-fatt bħala l-bniedem tal- fiduċja tas-CEO, u jgħidu wkoll li għandu jieħu promotion għal uffiċjal anzjan amministrattiv, promotion li għandha titħabbar dalwaqt. B’hekk Buhagiar se jkun qed jaqla’ sa 24,519-il Ewro.
Qabel ma impjegawh mal-Awtorità tal-Artijiet, Buhagiar kien jaħdem bħala fitter mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Impjegawh mal-Awtorità meta din kienet taħt ir-responsabbiltà tal-ex Ministru tal-Enerġija diżonorat Konrad Mizzi.
Wara li Buhagiar u Xerri kienu ilhom il-ħabs Ragusa għal iktar minn sena, il-pulizija Taljana irnexxielha tidentifika u taqbad ukoll il-perċimes tal-biċċa kollha, wieħed jismu Adam Kunati. Fl-istess xahar lil dan estradewh għall-Italja minn Franza.
Skont il-prosekuturi Taljani, Buhagiar, Xerri u Aquilina kienu involuti fit-traffikar attwali tal-emigranti li mil-Libja kienu jippruvaw jaħarbu lejn Malta jew Sqallija. Imma Kunati kien jorganizza l-gruppi li kellhom jittrafikaw it-tlett irġiel Maltin, u mill-profitti kien iżomm persentaġġ għalih.
Dawk kollha involuti f’dan iċ-ċirku ta’ traffikar, segwewhom, arrestawhom, akkużawhom u tefgħuhom il-ħabs bis-saħħa ta’ inizjattiva msejħa ‘Operazione Double Impact’, u l-ordni għall-arrest tagħhom tawha l-Maġistrati Salvatore Giampicco u Carmelo Petralia.
Lill-Awtorità tal-Artijiet saqsejniha dwar l-impieg ta’ Buhagiar u x’ġustifikazzjoni seta’ jkun hemm għalih ladarba akkużawh b’reati daqshekk serji.
Tal-Lands fl-inkwiet
Id-deċiżjoni li lil Buhagiar jimpjegawh minkejja l-allegat involviment tiegħu fit-traffikar uman ma kinitx l-uniku darba li l-Awtorità tal-Artijiet ġiet fl-aħbarijiet talli impjegat nies b’reputazzjoni dubjuża. L-istorja ta’ din l-Awtorità turi li kellha x’taqsam ma’ każijiet oħra li jinvolvu l-korruzzjoni.
L-ex CEO James Piscopo kien irriżenja mill-Awtorità tal-Artijiet f’Diċembru tal-2020 wara li ħareġ rapport fit-Times of Malta. Skont dan ir-rapport, il-pulizija kienu qed jinvestigawh abbażi ta’ dak li allega l-ex chief of staff diżonorat Keith Schembri.
Schembri allega li fil-Fairbairn Private Bank Piscopo kien ħeba 600,000 Ewro f’pagamenti li kellhom x’jaqsmu ma’ proġetti ta’ toroq. U qabel ma kien CEO tal-Awtorità tal-Artijiet, Piscopo kien serva bħala s-CEO ta’ Transport Malta.
Piscopo kien serva wkoll bħala s-CEO tal-Partit Laburista, u iktar tard beda jaħdem bħala konsulent. Il-familja Zammit Tabona, is-sid tal-Fortina Group, kienet waħda mill-klijenti tiegħu. Meta kien għadu CEO ta’ Transport Malta, Piscopo ġa kellu x’jaqsam mal-Fortina Group u ma’ familji influwenti oħra f’dak li hu business privat.
F’Novembru tas-sena l-oħra The Shift ippubblikat artiklu, u fih, lil Clint Scerri, l-ex “Re tal-Artijiet”, urietu jitkessaħ fil-media soċjali b’karozza sports tiswa ħafna flus. Scerri kien serva bħala l-medjatur bejn is-segretarju parlamentari għall-artijiet Michael Falzon (issa huwa l-Ministru għall-Familja) u l-businessman Mark Gaffarena: dil-biċċa tmur lura għall-2015 u jgħidulha l-iskandlu tal-propjetà fi Triq iz-Zekka.
Falzon irriżenja meta ħareġ ir-rapport serju tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur (l-NAO), imma fl-2017 reġa’ lura fil-Cabinet bħala ministru wara li reġa’ ħatru l-ex Prim Ministru diżonorat Joseph Muscat.
Lil wieħed mill-canvassers tiegħu, Matthew Zammit, Falzon kien ħatru wkoll wieħed mid-diretturi tal-Awtorità tal-Artijiet. Imma Zammit ukoll kellu jirriżenja fuq suspett ta’ abbuż ta’ poter għax kirja verament irħisa għal biċċa art tawha lil restorant li kellu x’jaqsam miegħu hu.