Evviva l-impunità

Read this article in English here.

Fid-29 ta’ Ġunju tal-2014, il-kaptan Mario Cardona ipprova jdaħħal Malta mil-Libja iktar minn 3 miljun sigarett b’kuntrabandu. Meta jinbigħu, il-valur tagħhom kien kważi miljun Ewro. U l-uffiċjali tad-dwana qabduh fil-fatt.

Ħaġa li ma titwemminx, imma Cardona nħeles minn kull akkuża li daħħal is-sigaretti b’kuntrabandu u li ħbiehom.  

Inħeles minn kull akkuża għar-raġuni bizzarra u redikola li l-prosekutur, lill-qorti ma urihiex is-sigaretti. Il-maġistrat innota li “ma ntweriet l-ebda evidenza biex tipprova li l-oġġetti li fuqhom kien mibni l-każ, fil-fatt kienu sigaretti”.

U Cardona sempliċement inħeles.

Dan il-każ huwa tad-daħk daqs kemm hu tal-biki. Mela jinqabad kuntrabandist u jinħeles kompletament għas-sempliċi raġuni li l-prosekuzzjoni ma urietx lill-maġistrat imqar wieħed minn dawk iċ-ċilindri mgerbin tal-karta mimlija bit-tabakk li nsejħulhom sigaretti – farsa pinġuta! Imma t-traġedja hija din: li minħabba l-kuntrabandu tas-sigaretti, taż-żejt, tad-droga u tal-bnedmin li jwettqu l-organizzazzjonijiet kriminali Maltin, qed jintilfu l-ħajjiet umani. U b’dan kollu l-aġenziji tagħna tal-infurzar tal-liġi donnhom ma jridux jagħtu kas.

Minħabba li Malta ma ħaditx ħsieb tiġġieled il-kuntrabandu, ir-reputazzjoni tagħha li diġà hija oskurata, kompliet togħdos ‘l isfel anki fil-Ġnus Magħquda. Grupp ta’ esperti tal-Ġnus Magħquda kkonfermaw l-involviment ta’ kumpanniji Maltin fil-kuntrabandu ta’ riżorsi Libjani li bih inkisru s-sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda. Il-Kunsill tas-Sigurtà intalab jindaħal f’dil-biċċa biex jieħu ħsieb il-kuntrabandu Malti. Dan l-aħħar, l-awtoritajiet tal-Isvizzera bdew investigazzjoni kriminali għaż-żejt miġjub b’kuntrabandu u miżmum fit-tankijiet tal-Enemed f’Ras Ħanżir u f’Ħas-Saptan.

Minkejja li lil tad-dwana ta’ Malta urewhom ċertifikati tal-oriġini ovvjament foloz, dawn sempliċement aċċettaw iż-żejt imdaħħal b’kuntrabandu, żejt b’kemm jiswa ħdax-il miljun dollaru. Id-dwana ta’ Malta tiċħad li kisret is-sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda, imma t-Teżor tal-Istati Uniti kienu jafu biċ-ċertifikati falsifikati u ssanzjonaw erba’ kuntrabandisti Maltin taż-żejt.

Bil-kuntrabandu jidħlu l-flejjes maħmuġa fl-ekonomija Maltija. L-istat jiċċaħħad minn għajn importanti ta’ dħul minħabba l-evażjoni tat-taxxa, u s-suq jinfaqa’ bi prodotti illegali orħos li jikkompetu ma’ kumpanniji leġittimi.

Meta kienet assassinata, Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga “l-involviment tal-Maltin fil-kuntrabandu tal-fuel li kien jinvolvi wkoll traffikanti Libjani u l-kriminalità organizzata fi Sqallija.” Ilmentat kemm kienet tal-inkwiet iż-żieda fil-ġlied vjolenti li fih “il-kuntrabandisti tad-diesel itajruhom bil-bombi fil-karozza waqt li t-traffikanti tad-droga jisparawlhom l-assassini.” 

Fejn qatt basret li waħda minn dawk il-bombi kellha toqtol lilha wkoll! Hemm rapport ippubblikat fl-2018, jismu “Il-mewt f’ġenna tal-art tal-kuntrabandist” li ħarġu l-OCCRP – Organised Crime and Corruption Reporting Project u dan isemmi r-riskju li Malta tibqa’ ma tagħtix kas il-fatt tal-kuntrabandu.  

Imma l-lezzjoni Malta għadha ma tgħallmithiex. Meta Cardona, l-vapur daħħlu l-port il-Marsa, kien mimli sigaretti bil-kuntrabandu. Imma hu ddikjara li kien qed iġorr biss iż-żejt, il-gass u l-fuel.

L-uffiċċjali tad-dwana fittxewlu fil-vapur u sabulu t-tagħbija illegali li kien qed iġorr, kaxxa fuq kaxxa. Minflok ma kkoopera, il-kaptan gideb. L-ewwel innega li kien jaf bit-tagħbija ta’ 3.18-il miljun sigarett bil-kuntrabandu. Imbagħad biddel l-istorja u qal li kien jaf bihom imma is-sigaretti kien qed jużahom biex lill-ekwipaġġ jagħtihomlhom bħala tips. Imma biex jaħarqu 3.18-il miljun sigarett, dawn l-ergħa min-nies kien ikollhom idumu 36 sena, anki kieku pejpu 60 sigarett kull wieħed kuljum.

Huwa ċar li dan il-kaptan inqabad bil-kuntrabandu ta’ affarijiet jiswew ħafna flus: ħeba t-tagħbija llegali li kellu u mbagħad, lill-investigaturi gideb fuq li gidbilhom – u fl-aħħar jispiċċa meħlus minn kull akkuża. Għax il-prosekuzzjoni, is-sigaretti ma uriethomx lill-qorti. 

U minflok, lill-kaptan, il-Qorti timmultah is-somma sabiħa ta’ 600 Ewro, li minnhom kellhom jitħallsu immedjatament lid-Direttur Ġenerali tad-Dwana 200 Ewro biss –  il-piena talli formula ‘amministrattiva’ ma mlihiex kif suppost.

U din ma kinitx l-ewwel darba li persuni akkużati ta’ reati serji nħelsu minħabba ‘żbalji’ ridikoli min-naħa tal-prosekuzzjoni. Robert Agius, wieħed mill-aħwa Maksar, kien ftiehem biex jiġbor żewġ blokok tal-plastic mimlija bl-eroina minn għand waħda Eġizzjana.

Lill-Eġizzjana interċettawha l-pulizija, id-droga biddluha bi blokok tal-injam u ftiehmu biex issir kunsinna kkontrollata. Lill-Eġizzjana resqet lejha karozza u fiha kien hemm Robert Agius bħala passiġġier u ħuh Adrian fuq wara. Lil Robert, l-Eġizzjana tatu l-blokok tal-injam u ta’ xogħolha ngħatat 1000 Ewro. Imma Agius induna u malajr malajr il-blokok tefagħhom barra mit-tieqa tal-karozza u telaq sparat. Imma l-pulizija kienu qed jistennewh u arrestawh. Meta fittxewlu fid-dar, sabulu l-kokaina u bullet id-daqs ta’ 0.38mm.

Il-prim ministru Robert Abela ikkonferma personalment li lill-aħwa Robert u Adrian Agius kien jirrappreżentahom fi kwistjonijiet legali bejn l-2012 u l-2016. Meta fl-2012 tressaq il-Qorti Robert Agius, l-Eġizzjana rrifjutat li tixhed. Il-pulizija m’analizzawx id-droga biex jippruvaw li kienet sustanza illegali. U Agius inħeles mill-akkużi ta’ traffikar ta’ droga u li kellu d-droga. Instab ħati biss li kellu munizzjon attiv u mmultawh 500 Ewro. Intilfet opportunità tad-deheb biex jingħalaq il-ħabs bniedem li iktar tard kien implikat fil-provvediment tal-isplussiv intużat fil-qtil jew fil-feriment ta’ ċerti ċittadini Maltin, inkluża l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Iż-żewġt aħwa Maksar qed jakkużawhom tal-qtil ta’ Caruana Galizia u tal-avukat Carmel Chircop, li sparawlu f’dahru u f’sidru kiesaħ u biered. Kieku l-pulizija għamlu xogħolhom, kieku dawn it-tnejn li huma, setgħu forsi għadhom ħajjin. 

Il-Qorti issa kkritikat lill-Avukat Ġenerali u esprimiet “il-preokkupazzjoni tagħha minħabba l-intransiġenza tal-Avukat Ġenerali talli manifestament naqas milli jipprovdi d-dokumentazzjoni lill-Avukat tal-Istat” u dan f’każ li kien jinvolvi l-ex klijenti tal-prim ministru Adrian u Robert Agius, allegatament membri ta’ gang. L-Avukat Ġenerali sempliċement irrifjuta li lill-Qorti jgħaddilha d-dokumenti essenzjali. Lanqas l-imħallef ma kellu permess jarahom. Fl-aħħar, lir-Reġistratur tal-Qorti ordnatlu biex dawk id-dokumenti jesebihom. Skont kif iddikjarat il-Qorti stess, l-aġir tal-Avukat Ġenerali kien “inkredibbli, ma jitwemminx u barra minn postu”.

Lill-Avukat Ġenerali, l-imħallef akkużah li kien qed juża tattika biex “itawwal  il-proċeduri kriminali u jfixkilhom”.L-Avukat Ġenerali, għaliex qed itellef il-proċeduri kriminali li għandhom x’jaqsmu mal-aħwa Maksar? U għaliex kriminali gravi qed ikomplu jeħilsu mill-ġustizzja? Meta mqar l-Avukat Ġenerali u l-prosekuzzjoni jkomplu ‘jfixklu l-proċeduri kriminali’, din il-kultura ta’ impunità tkompli titkattar – u jkomplu jmutu iktar nies. 

 

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Malta still among the worst-ranking countries in EU for press freedom: RSF
The latest World Press Freedom Index report by Reporters
PBS director supplied Robert Abela’s New York tickets
Hamilton Travel, owned by Labour stalwart and PBS board

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo