Esklussiva: Il-finanzi tal-Koperattiva tas-Sajd investigati wara snin sħaħ ta’ non-osservanza tal-proċeduri

Fost il-membri tal-kumitat tat-tmexxija tal-koperattiva hemm individwi akkużati bil-kuntrabandu tal-fuel u l-pussess illegali tal-munizzjon, waqt li l-president tagħha jiftaħar bir-rabtiet mill-viċin li għandu mal-kbarat tal-Partit Laburista

 

Read the article in English here.

The Shift saret taf li l-koperattiva tas-sajjieda, magħrufa bħala l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd, qed jinvestigaha l-Bord tal-Koperattivi talli għal dawn l-aħħar seba’ snin ma ssottomettietx il-verifika tal-kontijiet.

Mill-kontijiet l-iktar reċenti, sottomessi fl-2016, jidher li l-awdituri kienu diġà inkwetati minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tal-koperattiva, u qalu li fil-fehma tagħhom il-kontijiet li ġew ippreżentati ma jagħtux “stampa ġusta u veritiera tal-karta tal-bilanċ tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd”. 

Is-segretarju tal-koperattiva huwa l-allegat kuntrabandist Paul Piscopo, waqt li skont id-dokumenti tal-Qorti, il-viċi president, Michael Carabott, f’Jannar tal-2017 ingħata sentenza sospiża għal sena wara li kien arrestat flimkien ma’ tliet Eġizzjani għax instab li kellhom munizzjon għal 50,000 tir.

U fil-frattemp il-president tal-koperattiva jiftaħar bil-miftuħ li jista’ jasal għand il-kbarat tal-Partit Laburista.

Il-Facebook posts ta’ Joseph Demicoli

L-Għaqda Koperattiva tas-Sajd oriġinarjament ġiet imwaqqfa biex il-qabdiet tas-sajjieda, tinnegozja hi direttament il-bejgħ tagħhom, kif ukoll tesporta l-prodotti tagħhom. L-inkjesta fil-finanzi tagħha bdieha l-Bord tal-Koperattivi – dan huwa l-entità uffiċjali tal-gvern li sservi ta’ regolatur u amministratur tal-koperattivi kollha reġistrati Malta.

Kelliem għal dan il-Bord, lil The Shift qalilha li “Il-Bord tal-Koperattivi ħa,u għadu qed jieħu l-passi kollha amministrattivi u legali biex jiżgura li din il-koperattiva taqdi l-obbligi legali tagħha kollha”.  

Dawn it-tweġibiet waslu għax The Shift saqsa dwar il-kontijiet annwali li suppost ippreżentat l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd. Lil din il-kamra tal-aħbarijiet il-kelliem infurmaha li ma ġew ippreżentati ebda kontijiet oħra mill-2016 (għas-sena 2015) ‘l hawn. 

Finanzjamenti sospetti

Mil-lista tad-debituri jidher li l-parti l-kbira tal-pagamenti li għandha tagħti l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd tinkludi r-refużjoni ta’ 93,585 Ewro mislufa mid-dipartiment tas-sajd, ħlas ta’ VAT ta’ 20,804 Ewro u kontribuzzjonijiet tal-bolla li jammontaw għal total ta’ 5,225 Ewro. Hemm ukoll dejn ta’ 100,000 Ewro dovut lill-kredituri kummerċjali kif ukoll kontijiet li ma tħallsux, fost oħrajn lil Transport Malta u lill-Mediterranean Offshore Bunkering Company Ltd. 

Il-Bord tal-Koperattivi li fetaħ l-inkjesta dwar il-finanzi tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd, lil The Shift qalilha li impona multi skont ir-rati applikabbli in vista tan-nuqqasijiet li nstabu, ħareġ il-mandati kollha li kien hemm bżonn kif ukoll waqqaf bord ta’ inkjesta.

“Dan il-bord ta’ inkjesta għadu għaddej bix-xogħol tiegħu, u fih hemm l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon u Mark Bugeja mill-kumpannja Grant Thornton”.

Skont l-Artiklu 13 tal-Kapitlu 442 tal-Liġijiet ta’ Malta, l-Att dwar is-Soċjetajiet Koperattivi, il-Bord tal-Koperattivi għandu dritt jiftaħ inkjesta fl-attivitajiet ta’ koperattiva jekk ikun hemm bażi raġonevoli u suffiċenti biex jagħmel hekk.

U l-Artiklu 14 iżid igħid li jekk dan il-bord isib in-nuqqasijiet fi ħdan il-koperattiva, jista’ jew jordna li dawn in-nuqqasijiet jissewew, jew inkella l-koperattiva anki jxoljiha.

L-Artiklu 13 tal-Att dwar is-Soċjetajiet Koperattivi (Kap 442 tal-liġijiet ta’ Malta

L-Artiklu 14 tal-Att dwar is-Soċjetajiet Koperattivi (Kap 442 tal-liġijiet ta’ Malta

Il-kontijiet finanzjarji li ġew ippreżentati jmorru lura għall-2016 u fihom wieħed jista’ jara li l-awdituri diġà dakinhar kienu wrew it-tħassib tagħhom. “Fil-fehma tagħna d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ma jagħtux stampa ġusta u veritiera tal-karta tal-bilanċ tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd”. Hekk qalu l-awdituri.

Barra minn hekk l-awdituri ma setgħux jivverifikaw jekk ġewx irkuprati xi ammonti minn ċertu debituri u żiedu jgħidu li sa tmiem l-2016, l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd kienet akkumulat djun ta’ iktar minn 100,000 Ewro. Kien għalhekk li l-awdituri esprimew it-tħassib tagħhom dwar “is-sitwazzjoni kritika” li kienet se ssib ruħha fiha l-koperattiva jekk ma jirnexxilhiex tirkupra dan id-dejn. 

B’kollox il-koperattiva għandha valur nett ta’ 108,326 Ewro (li għandha tagħtihom). Dan ifisser li anki jekk jirnexxilha tirkupra l-ammonti li għandha tieħu, xorta ma jkollhiex biex tħallas il-kredituri tagħha. 

Il-ħuta minn rasha tinten

Lil The Shift, min hu midħla ta’ din l-industrija qalilha bil-poter u l-influwenza li għandu f’dan is-settur Paul Piscopo, is-segretarju tal-koperattiva. Minkejja r-rekord problematiku li għandu l-qorti, irnexxielu jżomm postu fil-bord tas-sajd, entità tal-gvern li suppost din l-industrija tindukraha. 

Dan huwa l-istess bniedem li pprova, imma ma rnexxilux, jappella deċiżjoni tal-qorti dwar wieħed mill-vapuri tiegħu, l-MFV Dimitra, maqbud mill-AFM fl-2013 għax kien issuspettat li ħa sehem f’kuntrabandu tal-fuel. 

Fl-2013 l-ekwipaġġ tal-MFV Dimitra nqabad fil-fatt b’iktar minn 34,600 litru gas oil abbord, li minnu 8000 litru ma kienx iddikjarat. Barra minn hekk is-sistema ta’ monitoraġġ tal-vapur ma kienx qed jaħdem. Skont ir-rapport tal-qorti, fl-appell li ppreżenta Piscopo, espert tal-kimika kien ikkonferma li l-gas oil mhux iddikjarat ma setax kien ġej minn għajn approvata legalment.

Minkejja dawn il-proċeduri kollha fil-qorti, u każ ieħor li fih inqabadlu vapur ieħor (Piscopo rnexxielu jieħdu lura meta appella l-każ), xorta żamm il-pożizzjoni tiegħu fil-bord tas-sajd. 

F’dan il-bord darba kien hemm ukoll żewġ persuni oħra magħrufin. Waħda kienet Andreina Fenech Farrugia, l-ex direttriċi ġenerali tad-dipartiment tas-sajd u l-akwakultura: fl-2019, din kienet involuta fi skandlu enormi ta’ korruzzjoni. L-oħra hija Alicia Bugeja Said li dan l-aħħar inħatret segretarju parlamentari għal dan l-istess settur.

Apparti minn Piscopo bħala segretarju, Joseph Demicoli huwa l-president tal-bord tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd. Huwa sostenitur akkanit tal-Partit Laburista, u biex dan jippruvah, regolarment jippostja r-ritratti fuq il-media soċjali. Bihom juri li huwa familjari mal-kbarat kemm attwali kif ukoll ta’ qabel, fil-partit.

Joseph Demicoli flimkien mal-ex prim ministru diżonorat Joseph Muscat

Demicoli ppostja ritratti tiegħu nnifsu kemm mal-prim ministru attwali Robert Abela kif ukoll mal-ex prim ministru diżonorat Joseph Muscat. Ippostja wkoll ritratti maż-żewġ sieħba diżonorati wkoll ta’ Muscat – l-ex chief of staff tal-prim ministru Keith Schembri u l-ex ministru Konrad Mizzi. L-appoġġ lagħqi tiegħu għall-Partit, Demicoli ħadu wkoll miegħu l-Belt Eterna, fejn, fil-famuża Fontana di Trevi, Ruma, lill-folol li ma kienu qed jissuspettaw xejn, wikkihom bil-bandiera tal-Partit.

F’Jannar tal-2017, Michael Carabott, il-viċi-president tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd, ingħata sentenza sospiża għax instab li kellu munizzjon għal 50,000 tir. Rapport dwar dan il-każ li sar bil-video fl-2013 juri kif din il-kunsinna aktarx kienet iddestinata għal-Libja.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

‘Power comes with responsibility’, Manfred Weber tells Malta conference
EPP Group Chair Manfred Weber’s speech at the Political
Neighbour files case against ‘abusive’ development at the Abelas’ Gozo hotel
A man from Xewkija, Gozo, who lives in a

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo