Read in English.
Kważi l-backbenchers parlamentari Laburisti kollha qed idaħħlu ferm iżjed mill-kollegi tagħhom li għandhom kariga ministerjali. Hekk joħroġ mid-dikjarazzjonijiet tad-dħul li ppreżentaw il-membri parlamentari tan-naħa tal-gvern.
Minkejja li m’għandhomx responsabbiltajiet fl-eżekuttiv, id-dħul tal-backbenchers jisboq bil-bosta d-dħul tal-ministri, u dan għax qed jitħallew jissoktaw bil-prattika professjonali tagħhom fil-privat filwaqt li jirċievu l-onorarja parlamentari ta’ xi €24,000 fl-2023, apparti d-dħul tagħhom.
Min-naħa l-oħra, id-deputati parlamentari jkollhom jieqfu mix-xogħol privat tagħhom u jitilfu l-onorarja malli jsiru ministri u jibdew jaqilgħu xi €58,000 fis-sena, skont ir-rata fl-2023.
Il-backbenchers jingħataw ukoll kompiti governattivi oħrajn, bħala konsulenti mal-gvern jew bħala membri ta’ xi bord tal-aġenziji tal-gvern, ħafna drabi biex jinżammu kuntenti u jimxu mal-linja tal-partit fil-gvern. Dawn il-ħatriet jkomplu jżidulhom id-dħul annwali tagħhom.
Anton Refalo, il-ministru bl-akbar dħul
L-ixjeħ membru tal-kabinett, il-Ministru tal-Agrikoltura Anton Refalo ta’ 68 sena, iddikjara l-akbar dħul fl-2023.
Minbarra s-salarju ministerjali tiegħu, Refalo jirċievi wkoll żewġ pensjonijiet, waħda ta’ ministru (€35,000) u l-oħra pensjoni nazzjonali standard ta’ xi €5,000.
Il-ministri u d-deputati parlamentari għandhom pensjoni tal-irtirar privileġġjata apparti l-pensjoni statutorja normali tagħhom. Il-pensjoni privileġġjata bla limitu tlaħħaq iż-żewġ terzi tas-salarju ta’ ministru u tkompli tiżdied kull sena.
L-uniċi uffiċjali pubbliċi, apparti l-membri parlamentari, li huma intitolati għal dan il-privileġġ huma l-membri tal-ġudikatura u s-segretarji permanenti.
Refalo ddikjara wkoll dħul ta’ €52,000 mill-kiri, biex b’kollox fl-2023 irnexxielu jdaħħal xi €166,000.
Il-kollegi l-oħra tiegħu, inkluż il-prim ministru, ilkoll iddikjaraw biss id-dħul gross ministerjali tagħhom, li fil-każ ta’ Robert Abela kien ilaħħaq mat-€63,000 fl-2023.
Il-backbenchers, bl-akbar dħul
It-twarrib tal-eks ministru tas-saħħa Michael Farrugia mill-kabinett jaf affettwalu l-karriera politika tiegħu, iżda żgur li mhux lill-but.
Fl-2023, dan it-tabib min-Naxxar iddikjara darbtejn ta’ dak li kien jaqla’ meta kien ministru. Farrugia ta’ 67 sena issa qed jirċievi l-pensjoni ministerjali sħiħa tiegħu u dħul ieħor mill-professjoni u mill-investimenti tiegħu. Is-sena l-oħra hu ddikjara dħul ta’ aktar minn €120,000.
L-eks kollega tiegħu u membru tal-kabinett Edward Zammit Lewis, li ank’hu twarrab mill-kabinett minn Abela, mar finanzjarjament aħjar is-sena l-oħra għax iddikjara dħul ta’ €76,000 meta mqabbel mat-€58,500 li daħħal is-sena ta’ qabel.
Id-deputata l-ġdida Katya De Giovanni, li s’issa għadha ma kisbitx post fil-kabinett, iddikjarat dħul ta’ €30,000 aktar milli kieku kienet taqla’ bħala ministru. Apparti li hi deputata part-time, hi wkoll lettura l-università b’salarju ta’ €59,000 u tipprattika l-professjoni tagħha fil-privat bħala psikologa okkupazzjonali.
Anki Deo Debattista, eks segretarju parlamentari li Abela ħallieh mal-backbenchers, mar aħjar. Fl-2023, hu ddikjara li daħħal €96,000, kważi €40,000 aktar minn kemm kien idaħħal meta kien segretarju parlamentari. Dan id-dħul jinkludi €27,000 minn xi kirjiet.
Il-backbencher Randolph Debattista ddikjara dħul ta’ €40,000 bħala CEO tal-Partit Laburista apparti l-onorarja parlamentari tiegħu u d-dħul mill-professjoni tiegħu, li b’kollox fl-2023 laħqu l-€65,000. Debattista issa jinsab fi triqtu lejn Ġinevra wara li rreżenja mill-parlament u nħatar ambaxxatur.
Il-lista tad-dikjarazzjonijiet tissokta bl-istess xejra. Iżda d-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard ma kinitx disponibbli.
Fuq il-mowbajl, skrollja bil-mimdud biex tara l-lista sħiħa
Kemm-il darba feġġet il-mistoqsija dwar jekk għandux ikun hemm żieda fis-salarju tal-ministri għal parlament part-time, u l-kwistjoni dejjem tiżvolġi fuq jekk iż-żieda fis-salarju għandhiex tkun kundizzjoni għal servizz full-time.
Ifeġġu wkoll is-suspetti dwar jekk id-dikjarazzjonijiet li jsiru jkunux dejjem onesti, u dwar jekk il-ministri jsibux dejjem mod kif iżidu d-dħul tagħhom bil-korruzzjoni jew bi dħul ieħor mhux dikjarat.
Ifeġġu wkoll is-suspetti dwar jekk id-dikjarazzjonijiet li jsiru jkunux dejjem onesti, u dwar jekk il-ministri jsibux dejjem mod kif iżidu d-dħul tagħhom bil-korruzzjoni jew bi dħul ieħor mhux dikjarat.
Ilqat il-lik.