Ippjanati bidliet fir-regoli tal-ippjanar biex jinqeda l-iżviluppatur ta’ Villa Rosa

Read in English.

Il-gvern għadu kif ordna lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tibda rieżami parzjali tal-pjan lokali tal-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan. Dan ir-rieżami hu maħsub biex jinqeda l-proġett li ppreżenta Anthony Camilleri, magħruf bħala tal-Franċiż.

The Shift jista’ jiżvela li wara diskussjoni fil-Kabinett, ġie miftiehem li r-regoli tal-ippjanar fil-Bajja ta’ San Ġorġ għandhom jinbidlu ħalli tal-Franċiż ikun jista’ jibni l-proġett tiegħu ta’ €305 miljun, li l-kritiċi, fosthom Din l-Art Ħelwa, iddeskrivewh bħala “attroċi”.

The Shift hu infurmat li filwaqt li bosta uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar taw il-parir lill-prim ministru biex jirrifjuta l-pressjoni tal-iżviluppatur, il-proġett qed jitqies importanti għall-industrija tat-turiżmu.

Camilleri hu wieħed mill-iżviluppaturi l-kbar fil-pajjiż, għalkemm ftit li xejn jissemma. Permezz tal-kumpanija tiegħu Garnet Investments, hu qed jipproponi li jbiddel iż-żona tal-binja storika ta’ Villa Rosa fi “żvilupp ikoniku mħallat”.

Dan se jkun jinkludi żewġ torrijiet, wieħed ta’ 34 sulari u ieħor ta’ 27 sular, bi kważi 800 appartament moqdi u 247 kamra ta’ lukanda. Il-proġett jinkludi wkoll 16,000 metru kwadru ta’ spazju għall-uffiċini.

L-iżvilupp se jkun qed jinbena fuq medda ta’ 237,000 metru kwadru – daqs 33 grawnd tal-futbol.

Skont il-pjanijiet lokali attwali, il-proġett ta’ Camilleri ma jistax jitwettaq għax iż-żona tippermetti biss żviluppi iżgħar li ma jogħlewx daqshekk.

Peress li issa għandu l-approvazzjoni tal-Kabinett, il-proċess se jgħaddi f’idejn l-Awtorità tal-Ippjanar biex tiftħu għall-konsultazzjoni. Il-proposta se tkun qed tirrakkomanda rieżami parzjali tal-pjan lokali ta’ dik iż-żona.

Wara l-konsultazzjoni, imbagħad, il-gvern se jkun qed jieħu d-deċiżjoni finali. Ikun dan il-mument meta l-Awtorità tal-Ippjanar tkun tista’ tapprova l-iżvilupp li qed jipproponi Camilleri.

B’hekk imbagħad Camilleri jkun jista’ jibni aktar mid-doppju tal-għoli permess bħalissa f’dik iż-żona.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru għażel li ma jweġibx il-mistoqsijiet ta’ The Shift meta mitlub jikkonferma li se jinbeda rieżami parzjali tal-pjan lokali ta’ dik iż-żona.

Ħarsa mill-għoli lejn l-iżviluppi proposti f’San Ġiljan. L-immaġni ma turix il-proġett massiv tal-Grupp DB li se jinbena aktar ‘il fuq matul ix-xatt. Ritratt: l-ERA

Din hija t-tieni darba li l-gvern għen lil dan l-iżviluppatur jilħaq l-iskop tiegħu. Fl-2022, l-Awtorità tal-Artijiet ħarġet sejħa għall-offerti biex tbigħ trejqa pubblika li kienet tofroq l-art privata li fuqha Camilleri qed jippjana l-proġett tiegħu, liema trejqa kienet meħtieġa għall-proġett propost.

Is-sejħa tal-Awtorità tal-Artijiet kienet tispeċifika li t-trejqa kellha tinżamm ħielsa u mingħajr għeluq ‘il fuq minn 5.5 metri, eżatt bi qbil mad-disinn tal-proġett ta’ Camilleri.

Is-sejħa, li għalqet jumejn qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022, attirat offerent wieħed biss – lil Camilleri.

Filwaqt li minn kif ġie rrappurtat, l-ewwel valwazzjoni tat-trejqa mill-periti tal-gvern kienet taqbeż il-miljun ewro, b’xi mod din tnaqqset għal €134,000 biss.

Skont valutazzjoni preliminari tal-proġett mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, il-proġett se jħalli effetti ħżiena temporanji jew permanenti fuq kull wieħed mit-38 tip differenti ta’ impatt mistħarreġ, inkluż effetti fuq l-art, il-baħar, l-ilma, il-pajsaġġ viżiv, l-ekoloġija, il-kwalità tal-arja u l-wirt kulturali.

Jekk jiġi approvat, kif mistenni jkun, il-proġett ta’ Villa Rosa se jkun qed jakkumpanja lill-proġett kontroversjali tal-Grupp DB li se jkun hemm aktar ‘il fuq fl-istess triq max-xatt, it-torri “ħakkieka” ta’ 33 sular li se jkun qed jibni Paul Xuereb ta’ PX Lettings fil-viċinanzi, u l-Mercury Towers ta’ Joseph Portelli ftit għexieren ta’ metri ’l bogħod.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Deo Scerri jirriżenja mill-kumpanija tas-self mhux performattiv wara ftehim kontroversjali
Read in English. Deo Scerri, l-eks chairman tal-BOV li
Titlef l-appell il-biljunarja mill-Angola akkużata bil-ħasil tal-flus b’14-il kumpanija f’Malta
Read in English. Il-biljunarja mill-Angola Isabel dos Santos, li

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo