Pass eqreb biex xi żviluppaturi jbiddlu palazz tas-seklu 18 f’lukanda

Read in English.

Tliet żviluppaturi li qed jippruvaw ibiddlu palazz storiku tas-seklu 18 f’Ħaż-Żebbuġ f’lukanda boutique lussuża, irnexxielhom jimxu pass ‘il quddiem fl-implimentazzjoni tal-proġett wara li kemm is-Sovrattendenza tal-Wirt Kulturali (l-SCH) u anki l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA), it-tnejn irtiraw l-oppożizzjoni tagħhom.

Fl-istess waqt, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, li bħalissa qed issirilha bosta pressjoni mill-partijiet ikkonċernati fl-industrija biex trażżan it-tfaqqis ta’ aktar lukandi madwar il-pajjiż minħabba saturazzjoni qawwija fis-suq, għadha kif ħarġet ċertifikat tal-konformità lill-iżviluppaturi biex ikunu jistgħu jissoktaw bil-pjanijiet tagħhom.

Mijiet ta’ residenti ġirien u bosta NGOs oġġezzjonaw għall-iżvilupp ta’ Villa Buleben biex issir lukanda u argumentaw li dan il-proġett kien se jirrovina lil din il-binja storika.

Oriġinarjament, l-iżviluppaturi ppjanaw li jibnu estensjoni massiva mal-palazz, biex issir lukanda ta’ 50 kamra. Madanakollu, maż-żmien biddlu l-pjanijiet tagħhom u naqqsu n-numru tal-kmamar tas-sodda għal 32.

Wara bosta oġġezzjonijiet min-naħa tal-għassies tal-patrimonju, saru wkoll xi bidliet oħrajn, fosthom it-tneħħija xi decking mill-masġar tal-ġnien, il-bini ta’ struttura tal-ħġieġ, u t-tneħħija tal-mezzanin tas-sala nobbli tal-palazz.

Villa Buleben f’Ħaż-Żebbuġ.

Madanakollu, minn korrispondenza fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar jidher li s-Sovrattendenza trid twettaq stħarriġ aktar fil-fond tat-13-il kabina li l-iżviluppaturi qed jipproponu li jibnu fil-ġnien, u mistennija tagħmel ukoll għadd ta’ diskussjonijiet mal-perit tal-proġett, Edwin Mintoff.

Meta nbena dan “il-Palazz tal-Baruni”, kif inhu magħruf f’Ħaż-Żebbuġ, kien ir-residenza tal-Baruni Geatano Azzopardi, professjonista fil-mediċina li kien jaħdem fl-infermerija tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Sa ftit snin ilu, il-villa kienet proprjetà ta’ Alfred u Joseph Manduca, li anki huma kienu applikaw biex ibiddlu partijiet minnha fi flettsijiet.

Fl-2018, imbagħad, il-palazz xtrawh l-ispekulaturi tal-proprjetà Neville Agius u Reuben Magro, flimkien man-natur Andre Farrugia minn Farrugia & Farrugia Notaries ta’ San Ġwann.

Dawn it-tliet negozjanti huma sidien b’ishma ugwali ta’ Buleben Estates Ltd., il-kumpanija wara dan l-iżvilupp.

Ħafna mill-oġġezzjonijiet li saru għal dan l-iżvilupp talbu lill-Awtorità tal-Ippjanar biex twaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-palazz skedat, u insistew li dan il-proġett ikun ta’ detriment għall-wirt Żebbuġi.

Min-naħa l-oħra, l-iżviluppaturi qed jinsistu li l-palazz jeħtieġ dan l-investiment biex ikun jista’ jsirlu r-restawr meħtieġ, inkella kien se jispiċċa jaqa’ biċċiet.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga ta’ Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo