Tiżdied il-frustrazzjoni hekk kif jissokta l-qtugħ tad-dawl minkejja l-wegħdi tal-gvern

Read in English.

Issa li s-sħana tas-sajf bdiet teqliel ġmielha, Malta qed iġġarrab sensiela ta’ qtugħ tad-dawl għal ħinijiet twal madwar il-pajjiż kollu, eżattament bħall-kriżi li għaddiet minnha s-sena l-oħra. Hija sitwazzjoni li qed tikkawża bosta frustrazzjoni fost ir-residenti li fuq il-midja soċjali qed jesprimu t-tbatijiet tagħhom filwaqt li qed jikkritikaw lill-gvern talli qed jonqos milli jsewwi l-problemi pendenti u qed iħallihom fid-dlam.

Minkejja l-bosta wegħdi li l-pajjiż mhux se jerġa’ jgħaddi mill-istess problemi tas-sena l-oħra, il-qtugħ tad-dawl reġa’ feġġ. Fost il-lapazzar li qed jipprova jagħmel il-gvern, safrattant, hemm l-użu tal-generators f’xi nħawi tal-pajjiż biex iwieżen id-distribuzzjoni tal-elettriku. U hekk kif Awwissu jinsab wara l-bieb, u se tkompli tiżdied id-domanda għad-dawl, pajjiżna se jkompli jħoss il-konsegwenzi tat-telqa tal-gvern.

Issa li l-paniku u l-konfużjoni huma evidenti fost iċ-ċittadini, qed nerġgħu niftakru fil-garr li smajna s-sena l-oħra fil-konfront tal-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli u tad-diriġenti tal-Enemalta.

L-uffiċjali inkarigati jidher li ftit li xejn għamlu biex jevitaw il-qtugħ kontinwu tad-dawl. Fil-frattemp, imbagħad, il-Prim Ministru Robert Abela ħalla l-pajjiż biex igawdi l-mawriet sajfin tiegħu fil-kumdità tal-arja kkundizzjonata tal-jott lussuż tiegħu, u l-Maltin u l-Għawdxin tħallew f’din is-sitwazzjoni ta’ tbatija b’aktar qtugħ fid-dawl u bajjiet iffullati.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dan l-aħħar tkellem dwar din il-kwistjoni fuq Facebook. Qal, “Ħafna minna qed ikollhom jgħaddu minn aktar qtugħ tad-dawl, xi drabi għal ġranet sħaħ,” u kkritika lill-gvern talli ma wettaqx il-wegħda tiegħu li jkollna sajf mingħajr qtugħ minkejja l-allokazzjoni ta’ €46 miljun għal powerstation ta’ emerġenza li għadha ma ġietx implimentata.

Grech semma wkoll l-impatt ta’ dan kollu fuq in-nies, fosthom fuq dawk il-persuni li għandhom bżonnijiet mediċi bħad-diffikultajiet fl-irqad u kkritika n-nuqqas ta’ ppjanar min-naħa tal-gvern u li qed jirġa’ jirrepeti l-fallimenti tiegħu. Appella għal pjanijiet fit-tul li jiżguraw l-affidabbiltà tal-provvista tad-dawl.

Anki s-Sindku ta’ San Lawrenz Noel Formosa esprima l-frustrazzjoni tiegħu b’rabta mas-sitwazzjoni, u dan apparti li nnota li fl-inħawi tar-raħal tiegħu m’hemm l-ebda generator biex itaffi s-sitwazzjoni. Ikkritika lill-Enemalta għall-fallimenti tagħha u semma d-diffikultajiet li qed jgħaddu minnhom ir-residenti li jiddependu fuq l-apparati mediċi. “In-nies li jieħdu ħsieb lill-persuni fis-sodda qed ibatu ħafna,” qal. “Mela aħna mhux ukoll inħallsu l-kontijiet bħal kulħadd?”

Minn rapport riċenti tal-Awditur Ġenerali fuq in-network tad-distribuzzjoni tal-Enemalta joħroġ fid-dieher il-problemi fundamenti li hemm wara din is-sitwazzjoni. Juri li l-qtugħ tad-dawl li l-pajjiż ġarrab matul is-sajf li għadda seħħ minħabba ippjanar fjakk għal ħafna snin, u nuqqas ta’ fondi biżżejjed. Minn din l-investigazzjoni mitluba mill-ADPD-il-Green Party, ir-rapport jiżvela li l-problemi huma fis-sistema kollha u mhux xi inċidenti iżolati.

Minkejja l-investimenti ta’ emerġenza biex jinbidlu l-cables bil-ħsara, dan is-sajf bosta nħawi madwar il-pajjiż xorta waħda qed jispiċċaw mingħajr dawl. Barra minn hekk, biex jisħaq fuq l-impatt tas-sitwazzjoni fuq in-nies vulnerabbli, ir-rapport tal-Awditur jissuġġerixxi li l-qtugħ mifrux tas-sena l-oħra seta’ kkontribwixxa għal xi 80 mewta għal għarrieda tul il-mewġa tas-sħana tal-2023.

L-investigazzjoni tal-Awditur tikkritika wkoll lill-ministru tal-enerġija talli mhijiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet u jiddubita l-effettività tar-Reguolatur tas-Servizzi tal-Enerġija u tal-Ilma (ir-REWS) minħabba s-sorveljanza batuta tiegħu.

Minn reazzjonijiet għal dan ir-rapport joħroġ li r-responsabbiltà għandha tibda tintrefa’ bir-riżenja ta’ Miriam Dalli u b’azzjoni sussegwenti kontra uffiċjali oħrajn li naqsu milli jevitaw dawn il-problemi rikorrenti.

L-Enemalta taf li hemm bżonn aktar investimenti fin-network tad-distribuzzjoni, u ċ-Chairperson Eżekuttiv Ryan Fava ħabbar li se jinfirxu 14-il generator tad-diżil madwar il-pajjiż biex l-enerġija tissokta sakemm jissewwew il-ħsarat fil-grilja tal-enerġija.

Dan qed jiġri wara li l-mewġa tas-sħana kontinwa għamlet ħsara lin-network tal-vultaġġ qawwi. Skont ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, in-nuqqas ta’ investimenti li saru matul l-aħħar għaxar snin kompla jgħarraq is-sitwazzjoni. Fava ammetta li filwaqt li ngħatat prirjorità lin-network b’vultaġġ baxx, in-network b’vultaġġ qawwi fejn ġraw ħafna mill-ħsarat ġie traskurat.

Il-qtugħ tad-dawl riċenti seħħ l-aktar f’lokalitajiet bħall-Gżira, San Ġiljan u Għawdex. Il-ministru tal-enerġija qalet li l-Enemalta bdiet twettaq titjib fin-network tad-distribuzzjoni fil-lokalitajiet affettwati mill-qtugħ tas-sena l-oħra.

It-titjib li sar Ħad-Dingli, ir-Rabat, in-Naxxar, il-Mosta, il-Kottonera u ż-Żurrieq wassal biex naqas il-qtugħ tad-dawl; iżda xorta hemm bżonn investiment f’San Pawl il-baħar, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, Birkirkara, Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. Fava wiegħed li, meta tonqos id-domanda, aktar tard din is-sena se jkun qed isir ammont ta’ xogħol sostanzjali.

In-nies, iżda, għadhom mhumiex sodisfatti u qed jitolbu lill-gvern biex jipprijoritizza l-ħtiġijiet tagħhom u jiżgura provvista tal-enerġija stabbli.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo