Il-perita mressqa fuq it-traġedja ta’ Jean-Paul Sofia tingħata xogħlijiet ġodda mil-Lands

Read in English.

The Shift jista’ jiżvela li l-perita mressqa l-qorti u akkużata bl-omiċidju involontarju ta’ Jean-Paul Sofia, fost akkużi oħrajn, ingħatat xogħlijiet ġodda mill-Awtorità tal-Artijiet permezz tal-uffiċċju privat tagħha.

F’Lulju 2023, il-perita Adriana Zammit kienet ġiet sospiża mill-impjieg full-time tagħha ma’ Infrastructure Malta. Madanakollu, ftit ġimgħat, l-Awtorità tal-Artijiet immexxija mis-CEO Robert Vella ma ħasbithiex darbtejn biex tagħti xogħlijiet ġodda lill-istess perita biex tipprovdi valwazzjonijiet ta’ art pubblika.

Wieħed minn dawn ix-xogħlijiet li tqabbdet Zammit tlesta f’Jannar 2024 u dan l-aħħar ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern.

Is-CEO ma weġibx il-mistoqsijiet ta’ The Shift dwar jekk dan kienx aġir aċċettabbli meta wieħed iqis li l-perita bħalissa qed taffaċċja akkużi kriminali kontriha fil-qrati b’rabta man-negliġenza tagħha f’xogħolha.

L-Awtorità rrifjutat ukoll li tipprovdi lista tal-kompiti kollha li tqabbdet Zammit minn mindu ġiet sospiża minn xogħolha. Irrifjutat ukoll li tiddikjara xi kemm-il pagament minn fondi pubbliċi ngħatat il-perita.

Is-CEO tal-Lands, l-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella.

Il-perita, li qed tiċħad l-akkużi kontriha, lanqas hi ma wieġbet il-mistoqsijiet ta’ The Shift.

Min-naħa l-oħra, min jimpjegaha, Infrastructure Malta, ikkonfermat li Zammit għadha sospiża mill-aġenzija b’nofs paga.

Minkejja s-sospensjoni tagħha, Zammit iżda xorta waħda għad bil-warrant (il-liċenzja) ta’ perita u għada tipprattika fil-privat.

Il-Kamra tal-Periti m’għandhiex il-poter biex tissospendi l-warrant tagħha qabel jintemmu l-proċeduri fil-qorti.

F’Lulju 2023, Zammit ġiet akkuża fil-qorti b’omiċidju involontarju wara li inkjesta maġisterjali dwar il-qtil ta’ Jean-Paul Sofia kkonkludiet li hi “bin-negliġenza, b’nuqqas ta’ ħila fil-professjoni tagħha, jew b’nuqqas ta’ osservanza tar-regoli kkaġunat il-mewt.”

L-espert imqabbad mill-qorti fl-inkjesta, il-Prof Alex Torpiano, sab li Zammit “m’għamlitx il-kalkoli meħtieġa biex tiżgura l-istabbiltà strutturali” u “naqset milli tispezzjona s-sit tal-kostruzzjoni kif xieraq” – fabbrika ġo Kordin.

Ritratt ta’ Jean-Paul Sofia li omm il-vittma tas-sit tal-kostruzzjoni poġġiet quddiem Kastilja, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Belt Valletta.

L-espert iddikjara wkoll li Zammit “ma wrietx il-ħila u l-għarfien professjonali meħtieġa fir-responsabbiltà tagħha bħala perit.”

Torpiano qal lill-inkjesta li l-bennejja tal-binja mġarrfa qalu li huma qatt ma kienu rawha lil Zammit fuq il-post u ammettew li l-istruzzjonijiet tax-xogħol kien qed jagħtihomlhom wieħed miż-żewġ żviluppaturi, Matthew Schembri, li poġġa lilu nnifsu fil-pożizzjoni ta’ meniġer tas-sit mingħajr kwalifiki biex jaqdi dan ir-rwol.

“Waqt il-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett, irriżulta li l-perita Adriana Zammit kienet qed tistrieħ fuq (ritratti bil-) WhatsApp biex tagħti struzzjonijiet ta’ kif għandu jissokta x-xogħol,” iddikjarat l-inkjesta.

“Skont il-messaġġi fuq il-WhatsApp tagħha, b’mod partikolari ma’ Matthew Schembri, jirriżulta li hi kienet isserraħ is-superviżjoni tax-xogħol fuq ir-ritratti tax-xogħlijiet li kien jibagħtilha Schembri nnifsu,” iżżid tgħid l-inkjesta.

L-aħħar ordni ta’ Sofia qabel il-binja ġġarrfet f’ħakka t’għajn kienu għal ritratti tal-konkos li kien għadu kif tqiegħed fuq is-saqaf u biex jibgħathom lill-perita.

Zammit kisbet il-warrant tagħha ta’ perit fl-2012 u ħadmet mal-Awtorità tal-Ippjanar għal bosta snin qabel imxiet lejn Infrastructure Malta.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest


0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

NGOs secure major concessions in Gozo road project
A five-year campaign by environmental organisations has compelled the
Is-CEO Steve Ellul jaħtar lil oħt il-mentor tiegħu ma’ Infrastructure Malta
Read in English. The Shift jista’ jiżvela li wieħed

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo