Read in English.
L-accountant li s-sena l-oħra kien fil-gazzetti minħabba donazzjoni li ried jagħti ta’ dar lussuża fi Triq Ġorġ Borg Olivier – waħda mit-toroq prestiġjużi ta’ Tas-Sliema – lill-Fondazzjonit tas-Soup Kitchen, għadu kif tressaq il-qorti l-ġimgħa l-oħra akkużat bil-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, dokumenti foloz u ħemel ta’ akkużi kriminali oħrajn.
Nigel Scerri u martu Mikaela, is-sidien tad-ditta tal-finanzi Ennesse bbażata l-Imsida, it-tnejn qalu li mhumiex ħatja tal-akkużi, fosthom li ħaslu madwar €1.5 miljun.
Il-qorti, iżda, ma laqgħetx it-talba tal-avukat tagħhom Joe Giglio biex ma jiġux iffriżati l-assi, u fil-jiem li ġejjin mistennija tiddetermina l-ammont li għandu jiġi ffriżat mill-assi tal-koppja.
L-investigazzjonijiet dwar il-ħajja miljunarja tal-koppja kienu bdewhom l-awtoritajiet tat-taxxa.
Accountant mid-dipartiment tat-taxxa li kien tqabbad jawditja lill-koppja sab li bejn l-2016 u l-2024 ix-Scerri rnexxielhom jiġmgħu għadd ġmielu ta’ proprjetajiet li jlaħħqu t-€12-il miljun u kellhom xi 26 kont bankarju differenti, fosthom f’ġurisdizzjonijiet barranin.
Apparti dawn il-proprjetajiet, jidher li selfa ta’ €1 miljun li kienu ħadu mill-bank biex tagħmel tajjeb għal xi xiri ta’ proprjetà, kienu ħallsuha fi żmien inqas minn sena. U din il-ħaġa, skont l-awtoritajiet tat-taxxa, kienet xegħlet bozza ħamra u wasslet biex infetħu investigazzjonijiet dwar il-koppja u n-negozji tagħhom.
Donazzjoni lill-Fondazzjoni tas-Soup Kitchen
Il-proposta ta’ donazzjoni ta’ dar lussuża lill-Fondazzjoni tas-Soup Kitchen kienet waħda kontroversjali, tant li bosta residenti Slimiżi kienu opponew għaliha bil-qawwa. Id-donazzjoni tad-dar lil Dun Marcellino Micallef – il-fundatur tal-Fondazzjoni tas-Soup Kitchen – kienet biex jagħmilha dar soċjali li tilqa’ fiha xi 15-il żagħżugħ(a) abbandunati.
Ir-residenti tal-madwar, iżda, kienu insistew li din kienet xi scam ta’ Scerri biex imbagħad ikun jista’ jbiddel id-dar f’lukanda. Kienu qalu wkoll li d-dar kienet se ssir “soup kitchen” fil-qalba ta’ Tas-Sliema, ħaġa li kemm Scerri u anki Dun Marċellino kienu ċaħdu.
Il-Fundatur tas-Soup Kitchen, meta tkellem ma’ The Shift, kien qalilna li din id-dar prestiġjuża kienet donazzjoni ġentili ta’ Scerri biex tkun tista’ tipprovdi saqaf lil bosta persuni li m’għandhomx fejn jgħixu.
Madankollu, il-ġirien Slimiżi xorta waħda kienu ħarġu qatta’ bla ħabel kontra dan il-proġett u ppreżentaw mijiet ta’ oġġezzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Dik l-oppożizzjoni kollha wasslet biex Dun Marċellino, li kien sejjaħ lill-accountant bħala “filantropista b’qalb tad-deheb” u membru tal-bord maniġerjali tal-Fondazzjoni tas-Soup Kitchen tal-Belt Valletta, ibiddel fehmtu u jwaqqaf il-proġett.
Xi ġimgħat wara, sussegwentement, Scerri kien ippreżenta applikazzjoni ġdida għall-istess proprjetà f’50, Triq Ġorġ Borg Olivier, Tas-Sliema bin-numru PA 04108/24 biex jipproponi u jwettaq bidliet interni u esterni, estensjonijiet fuq il-bejt u fil-kantina, u biex jiissanzjona t-tneħħija ta’ xi terrapien mill-kantina.
Sa ftit ġimgħat ilu, Scerri kien ukoll membru fil-Bord tal-Grupp DIZZ ta’ Diane Izzo. Hu rreżenja minn dik il-kariga malli sar jaf li l-pulizija kienu qed jinvestigawh.