It-tweġiba tal-familja Caruana Galizia għall-bail ta’ Yorgen Fenech: ‘is-sistema tal-ġustizzja falliet’

Read in English.

Issa li ġriet l-aħbar li Yorgen Fenech se jkun qed jinħareġ bil-bail, il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ħarġet b’reazzjoni qawwija fil-konfront tal-prim ministru u l-ministru tal-ġustizzja li “f’ħames snin m’għamlu xejn biex isewwu s-sistema tal-ġustizzja.”

Fenech qed jiġi akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju brutali tal-ġurnalista b’karozza bomba qrib id-dar tagħha fil-Bidnija.

Dan il-ħelsien proviżorju mill-arrest ingħata lil Fenech matul l-għodwa tal-Ġimgħa, aktar minn ħames snin minn meta kien ġie arrestat l-ewwel darba. Fenech ilu snin sħaħ jagħmel tentattiv wara l-ieħor biex joħroġ bil-bail, u lkoll kienu qed jiġu rifjutati. Madanakollu, din id-darba, l-imħallef sabet ruħha b’idejha marbuta għax hemm limiti legali ta’ kemm persuna tkun tista’ tinżamm il-ħabs qabel il-kundanna.

“It-tort għall-bail lill-qattiela mingħajr data għall-ġuri hu kollu tal-prim ministru u tal-ministru tal-ġustizzja. Kellhom ħames snin sħaħ biex jirranġaw is-sistema u m’għamlu xejn. Falliment wara l-ieħor mill-qrati, u kulma jmur qed dejjem joħroġ aktar ċar fuq liema naħa jinsabu. Fuq in-naħa tal-kriminali u mhux fuq in-naħa tan-nies ordinarji,” kiteb bin Daphne, Matthew Caruana Galizia, fuq il-midja soċjali.

Il-persuna garanti għal dan il-bail se tkun zitu Moira Fenech u se tagħmel tajjeb għal dan bl-ishma tagħha fil-kumpanija Tumas, jiġifieri bi 15.45% tal-kumpanija. Dawk l-ishma se jkunu qed jingħaddu proviżorjament għand il-gvern.

Il-Grupp Tumas għandu firxa sħiħa ta’ kumpaniji fil-pajjiż, minn lukandi, sa każinos u kumpanija tal-enerġija. Il-grafika t’hawn taħt tispjega min hu s-sid ta’ xiex fil-kumpanija Tumas Energy involuta fil-ftehim skandaluż tal-Electrogas.

Fenech irid iħallas ukoll depożitu ta’ €80,000 u garanzija personali ta’ €120,000.

Fost kundizzjonijiet oħrajn imposti mill-qorti, Fenech ma jistax ikun qrib il-kosta jew l-ajruport, irid jiffirma l-għassa kuljum u jibqa’ d-dar mill-5pm sal-11am.

U jekk jikser xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, Moira Fenech, il-garanti tiegħu, tkun qed titlef l-ishma kollha tagħha fil-kumpanija Tumas.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-editriċi ta’ TheShift tfittex lill-PM Robert Abela għal malafama
Read in English. L-editriċi ta’ The Shift News, Caroline

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo