Read in English.
L-editriċi ta’ The Shift News, Caroline Muscat, se tkun qed tfittex lil Robert Abela b’libell għal kummenti li għadda dwar ħidmet il-kamra tal-aħbarijiet The Shift News aktar kmieni din il-ġimgħa waqt intervista.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ministri tiegħu qed jiġu investigati “għax kellek blogg tal-fake news, ix-Shift News, fake news, [li] jispeċjalizzaw f’li jirrappurtaw il-falz,” u li, “90% ta’ dak li jirrappurtaw ikollu l-falz fih.”
Kompla jgħid li l-unika aġenda ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet hija li tmexxi l-falz u l-qerq.
Il-kummenti ta’ Abela saru fil-kuntest tad-deċiżjoni tiegħu li jagħti struzzjonijiet lill-ministru tal-ġustizzja biex jemenda l-liġi kriminali ta’ pajjiżna ħalli jkun jista’ jillimita d-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesta maġisterjali, għax fi kliemu s-sistema qed tiġi abbużata.
Abela qal li r-rappurtaġġi ta’ The Shift kienu l-unika ħaġa li ntużaw biex infetħu dawk l-inkjesti maġisterjali.
Intant, f’kummenti għal dak id-diskors, l-editriċi ta’ The Shift qalet, “Ma jistax jitwemmen li jkollok prim ministru ta’ stat membru tal-UE li joħroġ qatta’ bla ħabel u jattakka lil kamra tal-aħbarijiet indipendenti b’dan il-mod, u jixħet it-tort fuqna għall-iskandli li kxifna minflok fuq min wettaq il-ħażin.”
Il-prim ministru issa qed jieħu passi biex jillimita d-drittijiet taċ-ċittadini li jitolbu inkjesti maġisterjali u sejjaħ għall-immunità tal-uffiċjali pubbliċi. “Hu ċar li biex iwaqqaf milli jkompli jinkixef l-abbuż tal-esponenti tal-gvern, Abela issa jrid idur fuq il-ġurnalisti li qed jikxfu l-korruzzjoni ħalli jara kif se jsikkithom,” kompliet tgħid Caroline Muscat.
“Abela qal li The Shift hija responsabbli għall-fatt li bosta ministri u uffiċjali pubbliċi li qed jaffaċċjaw akkużi kriminali kontrihom fil-Qorti. Allura wieħed jistaqsi, kif inhi din li 90% ta’ dak li tirrapporta din il-kamra tal-aħbarijiet ikollu l-falz?”
Abela ssokta jattakka lill-għaqdiet tas-soċjetà ċivili u sejħilhom “klikka żgħira ta’ persuni li qed jippruvaw jaħtfu l-istituzzjonijiet u jitterrorizzawhom.” U ħeġġeġ lill-ġurnalisti, “Tajjeb li tistudjaw ftit u taraw dan il-fenomenu, semmejtlek lix-Shift News, hemm oħrajn bħalhom, li l-unika aġenda li għandhom hija li jmexxu l-falz u l-qerq.”
Fil-frattemp, id-dikjarazzjoni tal-prim ministru dabbret il-kundanna tal-organizzazzjoni dinjija tal-libertà ġurnalistika, Reporters Without Borders (RSF).
Fi stqarrrija RSF qalu, “Aħna nikkundannaw bil-qawwa t-tentattiv tal-Prim Ministru Robert Abela biex jiskredita lill-ġurnalisti ta’ The Shift News, kamra investigattiva mmexxija mill-Ġurnalista Rebbieħa ta’ RSF Caroline Muscat. Biex jipprova jiġġustifika riforma ġudizzjarja li jrid jagħmel u li tista’ tfixkel il-prosekuzzjoni tal-każijiet tal-korruzzjoni, il-prim ministru sejjaħ l-interess pubbliku tal-midja bħala ‘fake news’,” temm jgħidu Reports Without Borders.