Read in English.
Ftit xhur biss laħqu għaddew biex Carmen Ciantar terġa’ tikseb impjieg ieħor mal-gvern wara t-tneħħija tagħha għal għarrieda minn Kap Eżekuttiv (CEO) tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS).
Il-kuntatt ta’ din l-eks kanvażer ewlenija ta’ Chris Fearne, li kienet ingħatat pakkett finanzjarju bla preċedent ta’ €163,000 fis-sena meta kienet l-FMS biex tissorvelja proġetti pubbliċi relatati mas-saħħa, kien ġie tterminat f’Marzu li għadda malli Jo Etienne Abela sar il-ministru tas-saħħa.
Jo Etienne Abela kien talabha tħalli postha, u dan minkejja li kien għad baqa’ bosta xhur biex il-kuntatt tagħha ta’ €13,000 fix-xahar mal-FMS jiskadi. Minflokha, imbagħad, poġġa lill-kardjologu Robert Xuereb.
Cianter fil-frattemp laħqet ħatfet pożizzjoni oħra mal-gvern, bis-saħħa tal-Ministru tal-Familja Michael Falzon. Permezz ta’ position of trust oħra, Falzon ingaġġa lil Ciantar bħala konsulenta tiegħu biex tagħtih il-pariri fuq waħda mill-kumpaniji li taqa’ fid-dekasteru tiegħu – is-Social Innovation Projects Management Ltd.
Din il-kumpanija li ftit li xejn tissemma u li kienet twaqqfet biex tipprovdi servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ proġetti tal-kostruzzjoni li jaqgħu fir-responsabbiltà tal-ministeru, hija mmexxija minn Richard Dimech, eks assistent personali tal-ministru.
Mhuwiex ċar iżda xi rnexxielha tikseb din il-kumpanija, għax qed tidher dormant.
Bħala konsulenta tal-ministru, Carmen Ciantar ingħatat pakkett finanzjarju ġdid ta’ xi €50,000 fis-sena. Filwaqt li m’għandhiex għalfejn tkun preżenti fiżikament f’xi uffiċċju tal-ministeru, Ciantar tista’ twettaq ukoll xogħol privat, u dan anki f’oqsma li jirkbu fuq ix-xogħol tagħha fil-ministeru… fatt li joħloq bosta dubji dwar il-potenzjal ta’ kunflitti tal-interess.
Ciantar, attivista veterana fil-Partit Laburista, ingħatat bosta impjiegi b’pagi kbar minn mindu l-Labour kiseb il-poter fl-2013.
Apparti li kienet fuq bosta bordijiet tal-gvern, Ciantar kienet inħatret CEO ta’ ARMS Ltd. meta kienet kanvażer tal-eks ministru diżonorat Konrad Mizzi.
Fl-2017, imbagħad, hi rikbet il-karru ta’ Chris Fearne, li kien jikkompeti ma’ Mizzi fuq l-istess distrett. Għenitu tul l-elezzjoni ġenerali tal-2017 u aktar tard tul il-kampanja tiegħu għal deputat mexxej tal-Partit Laburista.
Fearne ħatar lil Ciantar fl-ogħla kariga tal-FMS b’pakkett finanzjarju ta’ €163,000 fis-sena. Minn invesigazzjoni li kien wettaq l-Awditur Ġenerali ħereġ li l-kuntratt tagħha kien irregolari.
Meta mbagħad Robert Abela sar prim ministru fl-2020, Fearne ġie ordnat ibiddel il-kuntratt tal-kanvażer ewlenija tiegħu u jnaqqsilha s-salarju tagħha. Iżda dan ma ġarax.
Aktar tard, meta Fearne tneħħa minn ministru tas-saħħa, kien ġie tterminat ukoll eventwalment l-impjieg ta’ Ciantar mal-FMS.